Flimkien nistgħu nagħtu Nifs Ġdid lil Malta u Għawdex tagħna
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg iressaq 10 proposti bħala parti mill-pjan ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista għas-saħħa tan-nies.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg iressaq 10 proposti bħala parti mill-pjan ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista għas-saħħa tan-nies
“Illejla se niffirma kuntratt mal-poplu Malti u Għawdxi. Gvern Nazzjonalista jibni sptarijiet ġodda kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Jibni sptar totalment ġdid fit-Tramuntana ta’ Malta, ibiddel il-Paola Hub fi sptar ġdid, itejjeb l-isptar Mater Dei biex ilaħħaq mad-domanda tan-nies u jibni l-isptar ġenerali l-ġdid li ilhom jiġu mwiegħda l-Għawdxin”.
Waqt Mass Rally quddiem id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg qal li dawn huma biss parti minn lista sħiħa ta’ proposti biex in-nies ikollhom sistema tas-saħħa effiċjenti li taqdihom aħjar.
Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-PN elenka għaxar proposti għall-qasam tas-saħħa.
Minbarra l-isptarijiet ġodda, Alex Borg qal li Gvern Nazzjonalista jibni ċentru ta’ kwalità għolja li jippromwovi lifestyle li ttejjeb is-saħħa fiżika u mentali tan-nies. Dan se jkun ċentru innovattiv li mhux sempliċement jikkura imma li jipprevjeni l-mard, u se joffri wkoll servizzi ta’ riabilitazzjoni. Dan in-netwerk ta’ sptarijiet madwar Malta u Għawdex jiggarantixxi effiċjenza fis-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin kollha b’mod sħiħ.
Alex Borg qal li Gvern Nazzjonalista jdaħħal proċess biex jiġu eliminati l-waiting lists tal-isptar għall-operazzjonijiet ħalli dawn isiru f’waqthom u l-pazjenti ma jdumux jistennew għall-interventi li jkollhom bżonn.
Gvern ġdid Nazzjonalista jdaħħal pjan biex jitnaqqas l-overcrowding fl-isptarijiet, jara li kull lokalità jkollha servizzi ta’ kura tas-saħħa mentali fil-qalba tal-komunitajiet, itejjeb is-salarji u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tas-saħħa li qed iġorru fuqhom il-piż tas-saħħa tal-Maltin, u jimplimenta sistema diġitali waħda għar-rekords mediċi tal-pazjenti u digital front door għas-servizzi tas-saħħa.
Alex Borg qal ukoll li Gvern ġdid Nazzjonalista jsaħħaħ iċ-ċentri tas-saħħa ewlenin biex joffru kura urġenti, dijanjostika u minor procedures fl-istess post b’ħinijiet estiżi u jdaħħal discharge planning koordinat u follow-up fil-komunità.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wiegħed li l-mediċni kollha kontra l-kanċer li jiġu ordnati mill-konsulenti jingħataw b’xejn lill-pazjenti. Din, qal Alex Borg, hi wegħda li trid titwettaq minnufih. Il-pazjent tal-kanċer diġa’ qed iġorr ħafna u ma jistax iġorr fuqu wkoll l-impatt finanzjarju tal-kura.
Alex Borg qal li hu se jmexxi kampanja pożittiva li tipproponi mhux tattakka. Kampanja li turi viżjoni, mhux negattività. Il-Partit Nazzjonalista jinsab lest biex imexxi lill-pajjiż bi proposti ambizzjużi imma konkreti li jridu jtejbu b’mod reali l-ħajjiet tan-nies.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-PN irid jagħti Nifs Ġdid lil pajjiżna – Nifs Ġdid li dan il-pajjiż għatxan għalih.
Iridu Nifs Ġdid dik il-koppja li t-tifel żagħżugħ tagħhom qed jaħseb biex jibda familja mal-partner tiegħu imma qed isibha diffiċli biex jixtri daru. Ir-realtà ta’ ħafna ġenituri u żgħażagħ.
Trid Nifs Ġdid l-anzjana li romlot dan l-aħħar u li r-raġel tagħha kellu bżonn operazzjoni li tant dam jistenna għaliha li laħaq miet meta ċemplulhom biex jagħtuh appuntament. Il-waiting lists, qal Alex Borg, huma realtà li qed ittaqqal lil ħafna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella biex kull min jemmen li nistgħu nkunu aħjar jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista u jkun parti minn dan in-Nifs Ġdid.
Huwa rringrazzja lil dawk li qed jgħidulu li għall-ewwel darba se jkunu qed jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista. “Il-bibien tiegħi”, qal Alex Borg, “se jkunu miftuħin dejjem għal kulħadd għax jien qiegħed hawn mhux għall-blu jew l-aħmar imma għall-Maltin u l-Għawdxin. Din hi l-politika li naf jien”.
“Flimkien nistgħu nibnu legat sabiħ għal pajjiżna. Nitlobkom tagħtuna l-fiduċja biex immexxu lil pajjiżna, biex nibdlu l-legat ta’ pajjiżna, nerġgħu nkunu pajjiż ta’ eċċellenza”.
Alex Borg qal li fit-30 ta’ Mejju l-poplu se jkollu deċizjoni importanti x’jieħu. “Dan hu l-mument li bil-vot tiegħek tagħti Nifs Ġdid lill-Maltin u l-Għawdxin”.
Alex Borg qal li Ibieraħ il-Prim Ministru ħabbar elezzjoni ġenerali bikrija sena qabel ma għalaq it-terminu ta’ din il-leġiżlatura u ħaseb li kien se jaħsad lill-Partit Nazzjonalista. Imma l-Partit Nazzjonalista jinsab ippreparat u determinat li jġib il-bidla f’pajjiżna.
Alex Borg staqsa jekk Robert Abela sejjaħx elezzjoni għax verament ipoġġi l-ġid tal-pajjiż l-ewwel. Fakkar kif id-Deputat Mexxej ta’ Robert Abela ftit tal-jiem ilu qalilna li mhux se jkollna elezzjoni bikrija. Jekk Robert Abela lest jgħaddi ż-żmien bid-Deputat Mexxej tiegħu, aħseb u ara kemm jgħaddi ż-żmien bin-nies, qal Alex Borg.
Għadda ż-żmien bin-nies f’ħafna affarijiet – fit-traffiku, fil-fatt li aħna fgati, fid-diffikultà biex wieħed jixtri daru, fl-ispazji miftuħa u l-parks Nazzjonali fejn l-aqwa ċ-ċertifikat tal-Labour huwa ż-żrar ta’ Ta’ Qali. Għadda ż-żmien bil-ħaddiema Maltin li llum huma fost l-aktar stressjati, u għadda ż-żmien bin-negozjanti li kien wegħedhom li se jniżżlilhom it-taxxa minn 35% għal 25%.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dak li qed iwiegħed hu llum huwa kuntratt li qed jagħmel biex ilkoll ngħixu f’Malta u Għawdex aħjar.
“Flimkien nistgħu nagħtu Nifs Ġdid lill-Maltin u lill-Għawdxin”.
28.04.2026
Video tal-Massy Rally jinstab hawn. Jekk ma tkunx tista’ tingħaqad magħna, tista’ ssegwi l-attivitajiet fuq Facebook Live.






