Gvern Nazzjonalista se jagħti appoġġ b’saħħtu lill-għaqdiet volontarji
Fl-Imqabba, il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li Gvern Nazzjonalista se jħares dak kollu li jagħmilna Maltin, iwettaq politika li ddur man-nies u jinnegozja pakkett finanzjarju ġdid għall-infermieri
Fl-Imqabba, il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li Gvern Nazzjonalista se jħares dak kollu li jagħmilna Maltin, iwettaq politika li ddur man-nies u jinnegozja pakkett finanzjarju ġdid għall-infermieri
Irridu nħarsu dak kollu li jagħmilna Maltin.
Irħula bħall-Imqabba, li rnexxielhom jippreżervaw il-kultura tagħna bis-saħħa tal-ħidma tal-għaqdiet volontarji, ifakkruna kemm hija kruċjali l-ħidma ta’ dawk li mas-snin baqgħu jħarsu dak li hu Malti.
Waqt Rally fl-Imqabba li matulu ġew ippreżentati l-kandidati tal-PN li se jikkontestaw fil-ħames distrett, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal dawn l-għaqdiet huma kruċjali għall-komunitajiet ta’ pajjiżna u Gvern Nazzjoanalista se jissalvagwardja dak kollu li jagħtina l-identità tagħna.
Hu qal li Gvern Nazzjonalista se jraħħas il-kontijiet tad-dawl lil dawn l-għaqdiet u se jneħħilhom l-ispiża tal-kirja tal-meter tad-dawl, u se jagħtihom aktar appoġġ billi jagħtihom lura kull ċenteżmu li jkunu ħallsu f’VAT. Se jkun qed iwessa’ l-iskema tat-tax credit biex min jagħti donazzjoni lil xi għaqda jkun jista’ jiġbor it-taxxa lura. Gvern Nazzjonalista se jestendi l-iskema Rent-to-Buy biex ikunu jistgħu jixtru l-post li jkunu qed joperaw minnu biex dan isir tagħhom.

Alex Borg tkellem ukoll dwar id-delizzji li ħafna drabi jagħtu ċ-ċans li wieħed jistrieħ u għal ftit ħin jinsa minn dak li jtaqqlu. Hawn hu qal li l-Partit Nazzjonalista mill-gvern se jibqa’ jħares id-delizzji kollha li għandna f’pajjiżna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar it-tim ta’ kandidati li qed jippreżenta il-Partit Nazzjonaliasta għall-elezzjoni tat-30 ta’ Mejju – tim b’saħħtu u mġedded li jinsab lest biex jagħti lil Malta u Għawdex Nifs Ġdid.
Huwa semma l-programm elettorali tal-PN mibni fuq 16-il kapitlu li ġew imnebbħa min-nies, u permezz ta’ politika mibnija min-nies. Alex Borg qal li mill-gvern, il-Partit Nazzjonalista jrid iwettaq politika li tagħti s-serħan il-moħħ fis-saħħa, wara 13-il sena ta’ Gvern Laburista li fis-saħħa tilef kull kredibbiltà. Hawn semma kif fl-aħħar ġranet l-infermieri reġgħu intesew mill-Gvern li nnegozja pakkett finanzjarju għal settur wieħed fil-qasam tas-saħħa u lill-infermieri ħalliehom fejn kienu. Hu fakkar fil-wegħda li Gvern Nazzjonalista ġdid fl-ewwel mitt jum jinnegozja pakkett finanzjarju ġdid għall-infermieri.
Fakkar ukoll li Gvern Nazzjonalista se jara li kull pazjent tal-kanċer jingħata l-kura kollha li għandu bżonn b’xejn mingħajr ma jkollu jittallab u kif Gvern Nazzjonalista jrid jinvesti f’niċeċ ġodda li jibqgħu jrendu fil-futur.

Alex Borg qal li l-poplu għandu jkollu s-serħan il-moħħ li dak li qed jiġi mwiegħed jista’ jitwettaq u kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ħareġ b’niċeċ ġodda li se jagħmluha possibbli li mill-gvern ineħħi t-taxxa fuq is-suċċessjoni, iraħħas il-kontijiet u jħallilek aktar flus f’butek.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li min ta €360,000 garanzija bankarja lill-Electrogas ħalliena żewġt isjuf bla dawl, ħalliena bla ftehim għall-provvista tal-gass meta f’Awwissu jagħlaq il-ftehim preżenti u nesa jqabbad il-pannelli solari mal-grid, u issa jrid jikkritika lill-Partit Nazzjonalista fuq il-proġett tiegħu tal-enerġija.
Hu semma kif Gvern Laburista se jerġa’ jħallina nistennew ħames snin oħra għall-istudju dwar il-proġett tat-trasport tal-massa. Gvern Nazzjonalista fl-ewwel ħames snin jibda u jlesti l-ewwel u l-akbar linja tat-trasport tal-massa.
Min ħoloq żbilanċ fil-popolazzjoni llum qalilna li sa ftit snin oħra se jkollna 800,000 ruħ jgħixu Malta, imma ma kitbux linja waħda fuq il-popolazzjoni fil-manifest elettorali tagħhom. Il-Partit Nazzjonalista għandu pjan ċar ta’ kif pajjiżna jista’ jibqa’ jiżviluppa imma bi pjan billi jkun hemm awtorità apposta li tagħti direzzjoni fil-popolazzjoni. Il-Kap tal-PN qal li dik hi l-kredibbiltà.
Hu qal li l-Partit Nazzjonalista lest – għandu pjan sod li bih jista’ jmexxi lil pajjiżna, imma għad fadal xi jsir. Għad hemm min għadu mhux jemmen li jista’ jkollna politika li hi ambizzjuża, li taħdem għan-nies, li tista’ tagħtina pajjiż aħjar. Fil-jiem li fadal, flimkien irridu nikkonvinċu lil dawk l-indeċiżi li flimkien mal-Partit Nazzjonalista jistgħu ikunu l-katalisti tal-bidli – li jiddeċiedu huma l-futur tagħhom.
“Dan hu l-Mument tiegħek biex tagħti Nifs Ġdid lil Malta u lil Għawdex”.
Waqt din l-attività għamlu l-interventi tagħhom ukoll it-tmien kandidati tal-PN fuq il-ħames distrett.
Toni Bezzina qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jrid joffri verament alternattiva għan-nies u fl-ewwel mitt jum jibda jaħdem fuq is-sistema ġdida tat-trasport tal-massa u fi żmien ħames snin din tkun bdiet topera. Huwa tkellem dwar proposti oħra li permezz tagħhom Gvern Nazzjonalista se jagħti qligħ ġust lill-bdiewa u r-raħħala. Hu qal li Gvern Nazzjonalista se jaħdem biex kulħadd ikollu ħajja aħjar u dan jista’ jseħħ jekk nibqgħu naħdmu biex fit-30 ta’ Mejju l-poplu jagħżel Nifs Ġdid.


Conrad Borg Manché rringrazzja lil dawk kollha li laqgħuh fil-Partit Nazzjonalista. Hu qal li jemmen li l-Gvern Laburista għeja u jeħtieġ Gvern ġdid Nazzjonalista li jista’ jerġa’ jmexxi l-pajjiż ’il quddiem. Hu sostna li jridu jkunu ż-żgħażagħ li jfasslu l-futur tal-pajjiż u se jkunu huma li se jbiddlu lil dan il-pajjiż. Hu qal li jrid ikun parti minn politika li tgħaqqad u mhux tifred u ħeġġeġ lil dawk kollha li għadhom qed jaħsbuha jekk għandhomx jivvutaw biex jivvutaw għall-bidla.
Duncan Borg Myatt semma kif il-Kap tal-Partit dejjem jirringrazzja lil kulħadd imma qal li huwa ġust li nirringrazzjaw lil Alex Borg tat-tama, il-pożittività u l-enerġija li ġab fil-pajjiż. Hu qal li tul din il-kampanja mil-Labour ma smajniex ħlief negattività – il-kuntrarju ta’ dak li qed jipproġetta l-Partit Nazzjonalista b’lista sħiħa ta’ proposti biex Malta kollha timxi ’l quddiem. Hu appella biex fl-aħħar biċċa tal-kampanja nibqgħu nikkonvinċu lin-nies biex fl-1 ta’ Ġunju jkollna Nifs Ġdid.


Miriana Calleja Testaferrata de Noto qalet li bħala żagħżugħa tħoss li verament hija parti minn ġenerazzjoni li se tmexxi lil Malta ’l quddiem. Hi qalet li l-politika hija l-mekkaniżmu meħtieġ biex issir il-bidla. Waħda mill-akbar diffikultajiet għaż-żgħażagħ hija x-xiri tal-proprjetà. Hi qalet li l-Partit Nazzjonalista bil-programm elettorali tiegħu qed joffri soluzzjonijiet għal dawn il-problemi. Hi qalet li fis-snin li għaddew ħafna tbiegħdu mill-politika. Hi appellat biex ħadd ma jitlef l-opportunità li jagħżel Nifs Ġdid billi fit-30 ta’ Mejju jivvota lill-Partit Nazzjonalista.
Stefan Caruana qal li l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta programm elettorali mibni fuq 16-il pilastru b’1,000 proposta – kullana ta’ ideat biex in-nies ikollhom ħajja aħjar. Hu qal li l-bażi ta’ ħafna mill-proposti hija l-edukazzjoni. Qal li l-PN qed jippreżenta pjan sħiħ għall-edukazzjoni u semma l-iskola sekondarja STEAM – li tiffoka fuq ix-xjenzji u l-arti. Din tiżgura li kull student sa mis-sekondarja jsib it-triq li twasslu biex jilħaq l-ogħla milja tiegħu. Hu qal li fit-30 ta’ Mejju n-nies se jagħżlu l-pożittività – se jagħżlu Nifs Ġdid bi Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Alex Borg.


Oiver Cini qal li l-Partit Laburista nfexx f’attakki ta’ kull tip fuq il-proposta tal-Partit Nazzjonalista tal-Mediterranean Maritime Fuel Hub. Huwa qal li dan il-proġett irid isaħħaħ l-ekonomija ta’ Malta. Qal li din hi biss waħda minn lista ta’ proposti li jridu mhux biss isaħħu l-ekonomija imma jridu wkoll jiftħu l-bibien tal-opportunitajiet u jtejbu l-ħajjiet tan-nies. Hu sostna li l-ħidma kollha li saret fl-aħħar ġimgħat, xhur u snin saret biex titfassal politika li trid tagħti ħajja aħjar lin-nies. Hu qal li fit-30 ta’ Mejju kull wieħed se jkollu ħames sekondi biex jagħżel il-futur tiegħu u tal-għeżież tiegħu.
Owen Sciberras rringrazzja lit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista tal-fiduċja li wriet fih bħala kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista. Hu tkellem dar l-ambjent u dwar l-importanza li fl-elezzjoni li jmiss ilkoll nivvutaw biex dan ikun imħares aktar milli kien fl-aħħar snin. Hu semma li f’dan il-qasam, id-differenza bejn iż-żewġ partiti hija ovvja. U hu għalhekk li fit-30 ta’ Mejju l-għażla hi ovvja – jew nagħżlu li nibqgħu kif aħna, b’ambjent minsi, jew nagħżlu li nagħtu Nifs Ġdid lil pajjiżna u lill-ambjent tagħna billi nivvutaw lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista.


Stanley Zammit qal li fix-xogħol tiegħu bħala inġinier, fil-Kunsill u anke fil-Parlament hu dejjem żamm mal-premessa keep it simple, u fil-programm elettorali tiegħu l-Partit Nazzjonalista hekk għamel meta għażel it-tema Nifs Ġdid. Nifs Ġdid fl-arja u l-ambjent, Nifs Ġdid fl-ippjanar, Nifs Ġdid lill-għaqdiet kulturali tagħna, Nifs Ġdid lill-familji, għall-anzjani, għaż-żgħażagħ, Nifs Ġdid lin-negozji li ma jkollhomx ikomplu jħabbtu wiċċhom mal-burokrazija. Hu sostna li anke fit-30 ta’ Mejju rridu nimxu mal-premessa ta’ keep it simple u nivvutaw biex naraw li wara din l-elezzjoni jkollna ħajja aktar sempliċi – Nifs Ġdid, b’Alex Borg Prim Ministru.
20.05.2026

