Gvern Nazzjonalista se jaħdem ma’ kulħadd biex ikattar il-ġid għall-Maltin u l-Għawdxin kollha
“Ejja nemmnu mill-ġdid. Nemmnu li l-bidla hija possibbli. Nemmnu li Malta tista’ terġa’ tieħu n-nifs. Dan hu l-mument tagħna.”
Fil-Fgura, il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li l-bidla hi possibbli għax il-PN għandu tim ippreparat u soluzzjonijiet fattibbli
“Ejja nemmnu mill-ġdid. Nemmnu li l-bidla hija possibbli. Nemmnu li Malta tista’ terġa’ tieħu n-nifs. Dan hu l-mument tagħna.”
Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fi tmiem attività politika li saret dalgħodu fil-Fgura u li ddiskutiet id-diversi proposti li qed iressaq il-PN quddiem l-elettorat fil-programm elettorali tiegħu għall-elezzjoni ġenerali tas-Sibt li ġej.
Il-Kap tal-PN qal li l-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista hu msejjes fuq viżjoni politika ċara li tindirizza l-isfidi u toffri soluzzjonijiet f’kull settur jew sfera f’pajjiżna.
Alex Borg qal li kull gvern jagħmel it-tajjeb u il-ħażin. Enfasizza li Partit Nazzjonalista jrid jibni fuq dak li sar sew u jsewwi l-ħażin li qed jiffaċċja l-poplu. Il-Partit Nazzjonalista, qal Alex Borg, se jistinka biex ixejjen il-pjaga tal-għoli tal-ħajja, partikolarment għal dawk li jistinkaw u jaħdmu l-iktar, inkluż min jgħix waħdu. Hu wiegħed li bis-saħħa ta’ ristrutturar fit-taxxa tad-dħul, il-Partit Nazzjonalista se jiggarantixxi li l-ħaddiema se jibqgħalhom minn tal-inqas €1,200 iktar fil-but. Qal li t-tnaqqis fit-taxxi se jkun ukoll għas-self-employed u l-kumpaniji, għax dan jissarraf f’iktar investiment f’pajjiżna.
Il-Kap tal-PN semma wkoll kif il-program elettorali se jżid il-ġustizzja soċjali f’pajjiżna. Qal li dan hu rifless l-iktar fil-proposta li titneħħa b’mod sħiħ tat-taxxa tas-suċċessjoni. Alex Borg kien ċar ukoll li Gvern Nazzjonalista mhu se jżid l-ebda taxxa oħra meta jkun hemm xi Causa Mortis.

Alex Borg tkellem ukoll dwar dak li jiddistingwi lill-Partit Nazzjonalista mill-partiti l-oħra – partikolarment kif se jkunu indirizzati l-ikbar sfidi ta’ pajjiżna – iż-żieda fil-popolazzjoni u l-problemi tat-traffiku. Il-Kap Nazzjonalista qal li l-pjani huma studjati u fattwali. Dwar it-traffiku, Alex Borg enfasizza li m’għadx baqa’ żmien għall-istudji kif irid il-Partit Laburista, iżda l-progett Nazzjonalista ta’ Mass Rapid Transport se jibda minnufih u l-ewwel fażi tiegħu titlesta f’ħames snin. Wiegħed ukoll soluzzjoni għal żieda fil-popolazzjoni b’mod sostenibbli. Din se tinkludi pjan ta’ tliet snin bi tbassir tal-popolazzjoni u kwoti ċari għall-ħruġ ta’ permessi tax-xogħol u residenza, u permezz ta’ National Capacity Plan għal għaxar snin li jistabbilixxi miri ċari dwar il-popolazzjoni u jqis l-impatt fuq l-infrastruttura, l-akkomodazzjoni, is-servizzi pubbliċi, l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja.
Waqt id-djalogu, il-Kap tal-PN wiegħed ukoll li Gvern Nazzjonalista ġdid ikun trasparenti mal-poplu billi jippubblika d-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu bħala Prim Ministru u tal-kabinett kollha, mhux kif għamel u jrid Robert Abela.

Fl-attività ta’ dalogħodu tkellmu wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello, il-kandidat tal-PN Julian Borg li ffoka fuq is-sistema tat-trasport tal-massa li tħabbret din il-ġimgħa, il-Professur Maryanne Lauri li tkellmet dwar il-proposti tal-edukazzjoni u l-Konsulent tal-Ostetrija u l-Ġinekoloġija Mr Mark Formosa li ffoka fuq il-proposti tas-saħħa.
Charles Bonello rringrazzja lil kull min kkontribwixxa fil-Maratona Ġbir ta’ Fondi lbieraħ, fejn il-Partit Nazzjonalista ġabar iktar minn €643,000 li jiżdiedu mal-miljun ewro li nġabru ġimagħtejn ilu għal rekord ta’ €1,649,584. Qal fit-30 ta’ Mejju, il-poplu se jagħżel id-destin ta’ pajjiżna. Huwa ħeġġeġ biex kulħadd jiġri wara kull vot biex bħal-lum ġimgħa jkollna nifs ġdid għal pajjiżna.
Il-Professur Maryanne Lauri qalet li l-istudenti Maltin u Għawdxin jixirqilhom ambjent xieraq li jgħinek tħobb il-vjaġġ edukattiv. “Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jrid li jsebbaħ u jimmodernizza l-iskejjel eżistenti; jibni skola ġdida fis-sena skont l‑ammont ta’ studenti fil‑lokalitajiet u joffri faċilitajiet moderni għall‑istudenti fl‑isport u l‑arti” qalet il-Professur Lauri. Hija faħħret il-proposta li f’Malta tiftaħ Skola Sekondarja Nazzjonali speċjalizzata f’STEAM, li toffri kurrikulu avvanzat ibbażat fuq riċerka, problem‑solving u proġetti reali f’oqsma bħar‑robotika, coding, data science, bioengineering u creative design.
Il-Konsulent tal-Ostetrija u l-Ġinekoloġija Mr Mark Formosa qal li Malta u Għawdex jeħtieġu erba’ sptarijiet ġodda għax il-kura trid tibda minn esperjenza aħjar b’servizz effiċjenti u fil-ħin. Qal li sptarijiet ġodda jneħħu l-pressjoni kbira ta’ bħalissa u l-Poplu Malti u Għawdxi jkun moqdi ħafna aħjar.
Il-Kandidat Julian Borg tkellem fuq il-proġett propost ta’ Mass Rapid Transport li qal li se jsolvi l-falliment tal-Partit Laburista fil-qasam tal-immaniġġjar tat-traffiku. Malta u Għawdex, qal il-Perit Borġ, ma jistax jibqgħu jqattgħu iktar snin iġġammjati fit-traffiku. Julian Borg qal li s-soluzzjoni ta’ sistema taħt l-art li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista tagħti nifs ġdid u fl-ewwel ħames snin se titlesta l-ewwel linja ta’ 11.5 kilometru u mbagħad tkompli fit-tieni leġiżlatura. Julian Borg qal li l-Partit Nazzjonalista ma jibżax mid-diffikultajiet u għandu l-kompetenzi kollha biex isolvi l-problemi li ħoloq ħaddieħor. Julian Borg qal li l-progett ta’ Mass Rapid Transport hu bbażat fuq eko-sistema sħiħa li tinkludi numru ta’ hubs u feeders li jwassluk lejn ir-rotta mwiegħda. Hu temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista qed ikun innovattiv u għall-ewwel darba qed joffri l-veru nifs ġdid f’dan il-qasam.
Wara l-attività ta’ dalgħodu fil-Fgura, il-kampanja elettorali tal-PN Nifs Ġdid tkompli llejla b’Mass Meeting f’Dingli Street f’Tas-Sliema li jibda fil-5pm.
24.05.2026





