Gvern Nazzjonalista se jraħħas il-kontijiet tad-dawl u se jinvesti fl-enerġija rinnovabbli
Jitneħħa l-ħlas għall-meter tad-dawl għad-djar u għar-raħħala, il-bdiewa u l-għaqdiet volontarji; jorħsu l-kontijiet għad-djar kollha; persuni jgħixu waħidhom jibbenefikaw sa 42% roħs; roħs ukoll ta’ 15% fuq il-kontijiet tad-dawl tar-raħħala, bdiewa u għaqdiet volontarji
Jitneħħa l-ħlas għall-meter tad-dawl għad-djar u għar-raħħala, il-bdiewa u l-għaqdiet volontarji; jorħsu l-kontijiet għad-djar kollha; persuni jgħixu waħidhom jibbenefikaw sa 42% roħs; roħs ukoll ta’ 15% fuq il-kontijiet tad-dawl tar-raħħala, bdiewa u għaqdiet volontarji
Qed nippreżentaw lill-familji, lin-negozji, lin-nies, pakkett ta’ miżuri realistiċi li se jħaffulhom il-piżijiet tagħhom. Determinati li b’dan il-pakkett inħallu aktar flus fil-bwiet tan-nies u li ma ninsewx lill-persuni li jgħixu waħedhom.
Dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg flimkien mal-kandidati Mark Anthony Sammut u Jonathan Muscat komplew jagħtu aktar dettalji dwar il-proposta li ħabbar ilbieraħ Alex Borg li Gvern Nazzjonalsita jraħħas il-kontijiet tad-dawl b’medja ta’ 30% għall-familji u dawk li jgħixu waħidhom.
Gvern Nazzjonalista se jkun qed ineħħi l-kirja tal-meter tad-dawl mill-kontijijet ta’ djar residenzjali filwaqt li se jkompli jraħħas il-kontijiet tad-dawl ta’ min jgħix waħdu billi jgħolli t-threshold biex persuna waħidha tikkwalifika għall-Eco-Reduction minn 2,000 għal 3,000 unit.
Alex Borg spjega kif Gvern Nazzjonalista se jieħu ħsieb ukoll liIl-bdiewa u r-raħħala u anke lill-għaqdiet volontarji billi se jneħħilhom ukoll il-kirja tal-meter tad-dawl u jraħħsilhom il-kont tad-dawl bi 15%.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Gvern Nazzjonalista jrid ukoll jagħti Nifs Ġdid lis-sistema ta’ energija li għandna bħalissa f’pajjiżna. Il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista mhux kożmetika ta’ lejliet l-elezzjoni, imma hija waħda olistika li ttejjeb il-ħajjiet tan-nies, tnaqqas id-dipendenza fuq il-fuels importati, tkabbar il-produzzjoni tal-enerġija li tiġġedded u ssaħħaħ il-grid fost l-oħrajn.
Il-politika tal-Partit Nazzjonalsita fl-enerġija hija ċara – kontijiet irħas illum, enerġija aktar nadifa għada. Dan, qal Alex Borg, hu n-Nifs Ġdid li rridu nġibu fil-pajjiż.
Mark Anthony Sammut ta spjegazzjoni dettaljata tal-proposti tal-Partit Nazzjonalista li kienet tinkludi mhux biss il-costings imma anke kif se dawn se jiġu offset fl-ispiża tal-Gvern biex b’hekk dil-miżura tiġi cost-neutral.
Hu spjega kif ir-realtajiet tal-lum huma differenti ħafna minn dawk ta’ meta ġew stabbiliti l-bands u t-thresholds preżenti. Għaldaqstant il-kontijiet iridu jibdew jirriflettu dan. Illum hemm ħames tariffi għad-djar skont l-ammont ta’ konsum u bħalissa l-aktar band baxxa tapplika fuq l-ewwel 1,000 unit. Bil-miżura tal-Partit Nazzjonalista din ir-rata l-aktar baxxa tibda tapplika minflok fuq l-ewwel 6,000 unit.
Gvern Nazzjonalista jnaqqas ukoll mill-kontijiet il-kirja tal-meter għad-djar.
Hu spjega kif bl-eko-riduzzjoni preżenti, persuna li tgħix waħidha prattikament impossibli li tibbenefika minn eko-riduzzoni minkejja li din trid tħallas għall-konsum tal-friġġ, tal-forn, tal-water heater u aktar waħedha. Ras għal ras dawn it-tip ta’ residenzi huma l-iktar li tipikament iħallsu għall-enerġija. Għalhekk Gvern Nazzjonalista se jgħolli l-ammont ta’ units li jistgħu jikkunsmaw persuni waħidhom biex dawn jibbenefikaw mill-eko-riduzzjoni.
Mark Anthony Sammut spjega kif b’dawn il-miżuri, persuna waħidha se tkun tista’ tibbenefika sa 42% fil-kont tagħha filwaqt li l-kontijet tad-djar se jkunu qed jorħsu bejn 21% u 30%. Huwa qal li b’dan il-pakkett ta’ proposti, Gvern Nazzjonalista se jinvesti €30 miljun fin-nies fl-enerġija.
Huwa spjega kif bħalissa l-enerġija ta’ pajjiżna hija maqsuma fuq enerġija rinnovabbli, il-powerstation tal-Electrogas, il-powerstation tax-Shanghai Electric u l-Interconnector. Permezz ta’investiment ta’ €60 miljun, Gvern Nazzjonalista jrid jara li 175GWh ta’ enerġija tibda tiġi prodotta mill-enerġija mix-xemx permezz ta’ pannelli tal-aħħar ġenerazzjoni fuq binjiet tal-gvern bħal skejjel u parkeġġi u mingħajr ma tittieħed l-ebda art agrikola.
Spjega wkoll fid-dettall kif l-ispiża rikorrenti ta’ €30 miljun f’investiment fin-nies se titħallas billi jitnaqqsu l-ispejjeż fuq il-ġenerazzjoni u multi assoċjati ma’ carbon credits kull darba li nużaw il-gass biex niġġeneraw l-enerġija. Permezz tal-pjan ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija ppreżentat, l-ispejjeż u multi assoċjati mal-ġenerazzjoni bil-gass jiġu nulli għal dawn il-175 GWh biex b’hekk effettivament din il-miżura tiġi cost-neutral.
Mark Anthony Sammut fakkar kif bejn l-2014 u l-2021 il-konsumaturi kienu qed jinsterqu €6.5 miljuni fis-sena u l-Gvern ġabar aktar minn €50 miljun żejda mill-kontijiet tan-nies. Dawn se nagħtuhom lura lin-nies.
Indirizza din il-konferenza tal-aħbarijiet ukoll il-kandidat tal-PN Jonathan Muscat li qal li l-Partit Nazzjonalista apparti li se jrodd lura dak li nsteraq lin-nies se jsaħħaħ ukoll lill-pajjiż fl-enerġija.
Malta għadha dipendenti ħafna fuq il-fossil fuels, u dan ipoġġina f’pożizzjoni vulnerabbli. Hu qal li Gvern Laburista ħalliena bla ftehim għall-provvista tal-gass. Dan meta kellna kuntratt ta’ 10 snin imma l-Gvern raqad fuq ftehim ġdid u erba’ xhur ohra, meta jiskadi l-ftehim preżenti, għadna ma nafux x’se jiġri.
Hu qal li hekk kif sab ruħu f’paniku tal-aħħar minuta il-Gvern mar jiġri l-Qatar u pprova jiftiehem għall-provvista tal-gass, għax ma kienx għaqli u mar jinnegozja meta kien hemm prezz stabbli tal-gass. Issa se jkollu jidħol fi ftehim fil-qosor u bi prezz ogħla ferm – u l-poplu ħallih fl-għama.
Jonathan Muscat spjega kif l-Enemalta ilha ma tippreżenta audited accounts mill-2022 – flus il-poplu li l-poplu ma jafx fejn sejrin.
Il-Gvern Laburista spiċċa daħħal lil pajjiżna fi proċeduri ta’ ksur imposti mill-UE li jistgħu iwasslu għal multi kbar.
Gvern Nazzjonalista jrid jerġa’ jġib lura s-serjetà fit-tmexxija ta’ entitajiet governattivi inluż fl-ARMS, bi tmexxija li kun maħtura għax huma nies kompetenti mhux għax huma nies qrib il-Ministru jew ta’ xi partit. Ma jistax ikollok nies imexxu entitajiet pubbliċi li għandhom kunflitt ta’ interess.
Gvern Nazzjonalista jara wkoll li l-kontijiet ikunu ċari u jinftiehmu minn kulħadd biex qatt ma jerġa’ jkun hemm serqa oħra bħalma sar taħt dan il-Gvern għal seba’ snin sħaħ.
Huwa qal ukoll li meta konsumatur isofri danni, bħalma seħħ kemm-il darba minħabba qtugħ ta’ dawl, dan għandu dritt għall kumpens b’mod awtomatiku u mhux meta l-Ministru jidhilha li trid tagħmillek xi pjaċir. Id-dritt tal-kumpens ikun żgurat.
30.04.2026



