Ħadd mhu se jwaqqafni mill-ħidma tiegħi għal pajjiżi u għall-poplu
Ħadd mhu se jwaqqafni mill-ħidma tiegħi għal pajjiżi u għall-poplu
Il-Kap tal-PN Alex Borg jippreżenta affidavit ġuramentat fejn jiċħad kull allegazzjoni li għamel dwaru Robert Abela; jgħid li Abela għandu jispjega għal liema raġuni ma ħa l-ebda azzjoni kontra l-‘kontrabandist’ li tkellem miegħu
Ħadd u xejn mhu se jċappas ir-reputazzjoni tiegħi u ħadd u xejn mhu se jwaqqafni mill-ħidma tiegħi favur pajjiżna u l-poplu tagħna.
Huwa u jindirizza lill-ġurnalisti waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu fuq il-proposti tal-PN għal sistema ta’ tassazzjoni aktar ġusta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg spjega kif aktar kmieni llum huwa ffirma affidavit ġuramentat quddiem nutar fejn ċaħad kategorikament kull allegazzjoni li għamel dwaru Robert Abela lbieraħ.
Alex Borg qal li l-allegazzjonijiet li għamel Robert Abela dwaru wara li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta il-proposta tal-Mediterranean Maritime Fuel Hub, mhuma xejn għajr allegazzjonijiet fiergħa u bla bażi li jikxfu mexxej tal-Partit Laburista maħkum minn paniku sfrenat.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-ebda Prim Ministru serju ta’ pajjiż demokratiku ma jitkellem ma’ kuntrabandist, imbagħad jibqa’ ma jagħmel xejn dwaru. Prim Ministru serju li ħa ġurament li se jissavagwardja l-interessi tal-pajjiż u tal-poplu jmur minnufih jagħmel rapport f’każ serju bħal dan. Milli jidher Abela dan m’għamlux.
Alex Borg qal li jistenna li llum stess Robert Abela jmur għand il-Kummissarju tal-Pulizija bid-dettalji kollha li għandu dwar dan.
“Jien determinat li nkompli bil-ħidma tiegħi u mhux se nħalli lil min inqabad f’paniku jtappanli r-reputazzjoni jew b’xi mod ixekkilni milli nkompli naħdem għal pajjiżi u għall-poplu”.
Alex Borg ippreżenta kopja tal-affidavit ġuramentat lill-ġurnalisti preżenti.
07.05.2026
Ara l-affidavit ġuramentat ta’ Alex Borg hawn.