Ibqgħu aħdmu għall-Malta li tixtiequ tgħixu fiha
AĦBAR

Ibqgħu aħdmu għall-Malta li tixtiequ tgħixu fiha

Il-Kap tal-PN Alex Borg jilqa’ l-proposti tat-tfal għal ambjent aħjar; iħeġġiġhom biex jibqgħu jfasslu l-Malta li jridu

Il-Kap tal-PN Alex Borg jilqa’ l-proposti tat-tfal għal ambjent aħjar; iħeġġiġhom biex jibqgħu jfasslu l-Malta li jridu

Il-proposti li qed iressqu dawn l-istudenti żgħar juru kemm anke minn età żgħira qed jifhmu x’inhu l-aktar affarijiet importanti biex mhux biss ngħixu ħajja aktar sana imma anke waħda aktar sostenibbli fir-realtajiet li għandna llum.

Dalgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg laqa’ fid-Dar Ċentrali lil grupp ta’ studenti minn tliet skejjel differenti li ppreżentawlu l-proposti tat-tfal għall-ambjent.

Dawn il-proposti inġabru wara summit tat-tfal li fih ipparteċipaw madwar 150 tifel u tifla minn 30 skola membri ta’ EkoSkola – il-programm immexxi fl-iskejjel minn Nature Trust-FEE Malta. Il-proposti nġabru f’dokument wieħed u qed jiġu ppreżentati lill-mexxejja tal-pajjiż biex meta dawn ikunu qed ifasslu l-politika għall-gżejjer tagħna, iqisu wkoll dak li jaħsbu t-tfal.

Il-proposti tat-tfal f’dan id-dokument, li jixbah ħafna lil programm elettorali, jinkludu t-temi tal-ambjent fiżiku u l-ispazji miftuħa, it-traffiku, l-infrastruttura għar-roti, il-bullying, l-użu tal-AI, binjiet u skejjel ħodor, l-ambjenti inklussivi għal persuni newrodiverġenti kemm fl-iskejjel kif ukoll fuq il-post tax-xogħol, kmamar multisensorjali fl-iskejjel, żoni u hubs għaż-żgħażagħ u aktar.

It-tfal appellew biex l-adulti li qed imexxu jqisu dawn il-proposti tagħhom u jaħdmu għal Malta aktar umana, inklussiva, sostenibbli u sigura.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista esprima l-apprezzament tiegħu għall-ħidma ta’ dawn l-istudenti u qal li l-proposti li kienu qed jippreżentaw jirriflettu tajjeb ħafna r-realtajiet tal-lum kif ukoll huma riflessi sew fil-proposti li ħadmu fuqhom hu u t-tim li għaqqad il-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista.

Semma fost l-oħrajn il-proposta tal-PN għall-Green Schools, għal kamra multisensorjali f’kull skola kif ukoll calming room fuq il-vapuri ta’ Għawdex, għal soluzzjonijiet fit-traffiku permezz tal-proġett tat-trasport tal-massa u l-proposta li tippremja lil min juża inqas il-karozza tiegħu, l-investiment fis-settur tal-AI, il-proposta għal aktar postijiet addattati għaż-żgħażagħ u għal aktar spazji miftuħa fejn it-tfal jistgħu jilagħbu u jistirieħu.

Hu ħeġġeġ lill-istudenti biex ikomplu b’din il-ħidma tajba tagħhom u biex ikomplu jitkellmu għall-Malta li jridu jgħixu fiha kemm issa fit-tfulija imma anke ’l quddiem meta jikbru.

“Intom il-ġenerazzjoni li se tmexxi lil Malta fis-snin li ġejjin. Aħna għandna l-obbligu u r-responsabbiltà li nisimgħukum. Ibqgħu tkellmu magħna ħalli flimkien infasslu l-Malta li tixirqilkom”.

L-istudenti kienu akkumpanjati mill-għalliema tagħhom u minn Vincent Attard, President ta’ Nature Trust-FEE Malta.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-kandidata tal-Partit Nazzjonalista Rebekah Borg.

21.05.2026