Il-Maltin u l-Għawdxin qed jitmexxew minn Prim Ministru li qed jgħix f’Malta differenti
Il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li Abela qed ikompli juri kemm hu maqtugħ mir-realtajiet tan-nies; il-familji Maltin mhux lussu qed jitolbu, imma ħajja b’dinjità
Il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li Abela qed ikompli juri kemm hu maqtugħ mir-realtajiet tan-nies; il-familji Maltin mhux lussu qed jitolbu, imma ħajja b’dinjità
Id-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Robert Abela dwar il-livell tal-għajxien juru kemm il-Gvern hu kompletament maqtugħ mir-realtajiet li qed jgħixu ta’ kuljum eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin.
Waqt intervista fil-programm Analiżi fuq NET TV u NET FM, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg dalgħodu qal li meta sema’ lill-Prim Ministru jgħid li n-nies qed jaffordjaw aktar, ġie f’dubju dwar f’liema Malta qed jgħix Robert Abela.
“Jien kuljum niltaqa’ ma’ familji li jgħiduli li l-paga qed tispiċċa qabel l-aħħar tax-xahar, ma’ żgħażagħ li minkejja li għandhom xogħol tajjeb xorta ma jaffordjawx jixtru l-ewwel dar, u ma’ anzjani li jkollhom jaħsbuha darbtejn kif se jqassmu flushom biex jippruvaw ilaħħqu mal-mediċini u mal-bżonnijiet ta’ kuljum,” qal Alex Borg.
Huwa sostna li l-problema tibda meta Gvern jemmen il-propaganda tiegħu stess.
Jekk il-Prim Ministru jemmen li ż-żieda fin-numru ta’ boats jew karozzi hija l-kejl tal-kwalità tal-ħajja, ikun qed jinjora r-realtà tal-maġġoranza tan-nies.
Alex Borg sostna li l-familji Maltin mhumiex jitolbu l-lussu. Qed jitolbu biss li jgħixu f’pajjiħna b’dinjità, li wara xahar xogħol ikollhom biżżejjed biex iħallsu l-kontijiet, u li x-xogħol jerġa’ jagħtihom tama.
Il-Kap tal-PN qal li pajjiżna ma għandux bżonn Prim Ministru li jgħid lin-nies kemm għandhom ikunu kuntenti, iżda tmexxija li tisma’, tifhem u taġixxi.
Alex Borg tenna li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ qrib in-nies, jisma’ l-esperjenzi tagħhom u jippreżenta politika li twieġeb għall-isfidi reali tal-għoli tal-ħajja, l-akkomodazzjoni u l-kwalità tal-ħajja.
“Pajjiż jimxi ’l quddiem meta l-politiċi jibqgħu qrib in-nies, mhux meta jinqatgħu mir-realtà,” qal Alex Borg.
Tul l-intervista Alex Borg tkellem ukoll dwar it-taħwid li rajna din il-ġimgħa fejn donnha l-id il-leminija tal-Gvern ma tafx x’inhi tagħmel l-id ix-xellugija tiegħu fosthom bil-każ tat-tfigħ ta’ siment f’Marsalforn li l-għada spiċċa kellu jitneħħa. Hu qal li n-nies għandhom dritt kunu jafu min ta l-ordni biex isiru x-xogħlijiet u min se jħallas il-kont kemm biex intefa’ s-siment u kemm biex tneħħa.
Alex Borg qal li spiċċajna qed nitmexxew b’tip ta’ kultura ta’ kollox jgħaddi – kultura fejn kulħadd jgħid ‘mhux jien’ imma fl-aħħar il-kont iħallsu l-poplu.
Mistoqsi dwar Gvern li mhux qed iwieġeb il-mistoqsjiet parlarmentari u l-iżbilanċ fix-xandir, il-Kap tal-PN qal li l-mistqosijiet li jagħmlu d-deputati jagħmluhom f’isem in-nies.
Imma l-membri tal-Gvern qed jinjoraw lin-nies u qed jonqsu mill-obbligu tagħhom li jkunu kontabbli mal-poplu, bħalma l-Gvern qed jonqos lin-nies meta qed juża x-xandir pubbliku bhala noticeboard tiegħu.
Alex Borg irrefera għas-somma sabiħa miġbura mill-PN din il-ġimgħa fl-okkażjoni ta’ jum għeluq sninu li se tgħin biex NET FM jiġi aġġornat għaż-żminijet tal-lum u rringrazzja lil dawk kollha li qed jagħtu s-sostenn tagħhom biex il-PN ikompli jsaħħaħ il-vuċi tiegħu.
Mistoqsi dwar kif sejjer il-proċess tal-votazzjoni għall-konferma tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista u t-triq ‘il quddiem, Alex Borg qal li fiż-żewġ sessjonijiet ta’ votazzjoni bikrija kien hemm feedback tajjeb ħafna mill-Kunsillieri u li hu determinat li bl-appoġġ tagħhom ikompli l-ħidma li beda biex fil-ħames snin li ġejjin il-Partit Nazzjonalista jkompli jissaħħaħ, jiġġedded u jħejji ruħu biex ikun fil-gvern.
12.07.2026