Il-pajjiż qed jerġa’ jsejħilna biex nagħtu Nifs Ġdid lil-poplu Malti u Għawdxi
Il-pajjiż qed jerġa’ jsejħilna biex nagħtu Nifs Ġdid lill-poplu Malti u Għawdxi.
Fiż-Żejtun, il-Kap tal-PN Alex Borg iħabbar żewġ proposti ġodda favur l-NGOs u l-għaqdiet volontarji
Il-pajjiż qed jerġa’ jsejħilna biex nagħtu Nifs Ġdid lill-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal dan waqt li kien qed jindirizza attività politika fiż-Żejtun flimkien mal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista fuq it-tielet distrett.
Waqt id-diskors tiegħu, fakkar li llejla suppost kellu jsir dibattitu nazzjonali bejnu u bejn Robert Abela, imma Robert Abela għażel li jaħrab mid-dibattitu għax qed jibża’ jpoġġi lilu nnifsu għall-iskrutinju tan-nies. Id-dibattitu, qal Alex Borg, huwa wieħed mill-aktar eżerċizzji bażiċi tad-demokrazija, għax jagħti lill-poplu ċans jisma’, iqabbel u jagħmel l-għażla tiegħu b’mod infurmat.

Alex Borg qal li l-bidu tal-kampanja wera Partit Nazzjonalista lest biex imexxi lil dan il-pajjiż: bi proposti għal saħħa aħjar, għal kontijiet orħos u għal ambjent aktar nadif, għal riforma fit-taxxa, għat-tneħħija tat-taxxa tal-boll fuq il-proprjetà, għal niċeċ ġodda fid-Data, AI, New Space u l-Ekonomija Kreattiva u fuq proġett li se jżid il-valur ta’ Malta fil-marittimu – il-Mediterranean Maritime Fuel Hub.
“In-nies qed isegwuna. Imma anke l-Partit Laburista qed isegwina, għax ilu kampanja sħiħa jipprova jikkopja l-proposti tagħna”.
Hawn Alex Borg tkellem dwar kif Robert Abela pprova jixħetlu t-tajn proprju b’rabta ma’ din il-proposta. Hu qal li mhu se jħalli lil ħadd iħammeġ ir-reputazzjoni tiegħu jew idgħajjef il-kredibbiltà tal-proposti li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista għall-futur tal-pajjiż. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Robert Abela qal li hu tkellem ma’ kuntrabandist fuq dil-proposta, tefa’ akkużi serji, imma mbagħad ma għamilx dak li kellu jagħmel – ma marx għand il-Pulizija bl-informazzjoni.
“Kellna fiż-żmien Prim Ministri li jikkonsultaw ma’ kriminali fuq proġetti kbar. Jien nikkonsulta mal-professjonisti u mal-poplu Malti u Għawdxi”.

Waqt l-istess attività Alex Borg kompla jħabbar aktar proposti tal-Partit Nazzjonalista – din id-darba żewġ proposti favur l-NGOs u l-għaqdiet volontarji.
Bl-ewwel proposta NGOs reġistrati u għaqdiet volontarji jirċievu rifużjoni annwali ta’ 100% tal-VAT li jħallsu fuq oġġetti u servizzi marbutin direttament mal-missjoni tagħhom.
Bit-tieni proposta Gvern ġdid Nazzjonalista jestendi l-prinċipju ta’ xiri ta’ proprjetà tal-Gvern għal NGOs eliġibbli li għal snin twal operaw minn proprjetajiet mikrija mill-Gvern u investew ir-riżorsi limitati tagħhom biex iżommu u jadattaw dawn il-postijiet għall-benefiċċju pubbliku.
Alex Borg qal li dawn huma proposti li jagħtu n-Nifs Ġdid tant meħtieġ fil-volontarjat, fil-komunitajiet u għal dawk kollha li jaħdmu b’qalbhom għall-ġid tal-oħrajn.
Huwa qal li dawn jingħaqdu mal-lista twila ta’ proposti li diġà nieda l-Partit Nazzjonalista li kollha għandhom għan wieħed – li jagħtu Nifs Ġdid lil kulħadd.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil dawk kollha li servew lill-partit u lill-pajjiż fuq dan id-distrett filwaqt li appella lil dawk preżenti u lil kull min irid jagħti Nifs Ġdid lil pajjiżna biex ikomplu jmexxu l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista, jitkellmu mal-familji, mal-ġirien, ma’ dawk li tilfu t-tama u ma’ dawk li se jivvutaw għall-ewwel darba.
“Il-pajjiż qed isejħilna. Fit-30 ta’ Mejju rridu nwieġbu. Irridu nagħtu Nifs Ġdid lil pajjiżna”.
Tul din l-attività għamlu l-interventi tagħhom ukoll il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista fuq dan it-Tielet Distrett li jinkludi ż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaskala u Marsaxlokk.

Janice Abela Chetcuti tkellmet dwar is-sbuħija taż-Żejtun u l-komunità tiegħu. Hi qalet li l-valuri sbieħ li ħadet miż-Żejtun sawruha fil-persuna li hi llum. Tkellmet dwar il-ħidma tagħha fil-Parlament b’mod partikolari l-ħidma ffukata fuq l-annimali. Hija qalet li l-Partit Nazzjonalista dejjem kellu għal qalbu l-annimali; 16-il sena ilu ħoloq l-isptar tal-annimali; ħoloq id-direttorat tal-annimali u baqa’ jaħdem anke mill-Oppożizzjoni. Hija fakkret fil-wegħda ta’ Alex Borg li Gvern Nazzjonalista jerġa’ jiftaħ l-isptar tal-annimali li għalaq Gvern Laburista u qalet li dan hu biss il-bidu għaliex Gvern Nazzjonalista se jkompli jfassal politika li tħares lill-annimali kollha.

Andrew Agius qal li l-piżijiet li nġorru kuljum, bejn l-ambjent, l-għoli tal-ħajja u ħafna aktar, wasslu biex numru ta’ Maltin għażlu li jitilqu minn xtutna u jmorru f’pajjiżi oħra. Huwa semma kif proposti bħal dawk li qed iħabbar il-Partit Nazzjonalista, fosthom dik ta’ investiment f’niċeċ ġodda bħad-Data, AI u New Space għandhom jerġgħu jiftħu beraħ l-opportunitajiet liż-żgħażagħ tagħna u għandhom jagħtuhom futur aħjar f’pajjiżna. Huwa qal li dawn l-oqsma jżidu l-valur ta’ pajjiżna mingħajr ma jkomplu jżidu piżijiet fuq il-poplu u fuq il-pajjiż. Andrew Agius qal li se jkun Gvern Nazzjonalista li se jagħti Nifs Ġdid lil Malta fejn irridu nkomplu nikbru u ngħixu.

John Baptist Camilleri qal li ilu 30 sena jservi fil-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala u issa qed jaħdem biex ikun jista’ jservi wkoll lill-pajjiż u lid-distrett. Huwa tkellem dwar il-proposti tal-Partit Nazzjonalista – proposti li juru partit ippreparat biex jiggverna u li qed jimlewh b’kuraġġ. Hu faħħar fost l-oħrajn il-proġett tal-Mediterranean Maritime Fuel Hub li bih Gvern Nazzjonalista se jneħħi t-tanker mill-bajja ta’ Marsaxlokk. Huwa qal li dan se jkun qed itejjeb il-kwalità ta’ ħajja mhux biss ta’ dawk li jgħixu fil-madwar imma wkoll ta’ dawk li jżuru dawn l-inħawi. Huwa qal li qed jagħti l-enerġija tiegħu biex flimkien naraw Gvern Nazzjonalista jmexxi lil Malta.

Miriana Calleja Testaferrta de Noto qalet li hija trabbiet iż-Żejtun u bħala żagħżugħa trid toffri s-servizz tagħha lill-pajjiż. Hija qalet li ż-żgħażagħ m’għandhomx ikunu parti mid-diskors imma għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-politika. Faħħret il-proposti li qed iniedi il-Partit Nazzjonalista u qalet li jidher ċar li l-PN qed ifassal politika mdawra man-nies. Tkellmet dwar il-proposta dwar investiment fl-Ekonomija Kreattiva u qalet li l-PN jemmen li artist jista’ juża t-talent tiegħu bħala divertiment imma fl-istess ħin jaqla’ l-ħobża tiegħu mill-kreattività tiegħu. Hija qalet li din hi miżura waħda minn lista sħiħa ta’ proposti li se jagħtu Nifs Ġdid lil pajjiżna.

Errol Cutajar qal li mindu l-Partit Nazzjonalista ħabbar li kif ikun fil-gvern ineħħi t-taxxa tal-boll fuq wirt tal-proprjetà, kellmuh ħafna nies. Hu qal din il-proposta ntlaqgħet tajjeb ħafna, bħalama qed jintlaqgħu il-proposti kollha tal-PN. Huwa qal li l-proposti li ppreżenta fl-ewwel jiem tal-kampanja l-Partit Nazzjonalista qed jindirizzaw ir-realtajiet tan-nies. Errol Cutajar qal ukoll li l-PN qed jaħdem b’ħiltu kollu biex jagħti lil pajjiżna gvern li jaħseb fin-nies, imma biex isir dan in-nies iridu jagħmlu wkoll il-parti tagħhom u fit-30 ta’ Mejju jivvutaw bi ħġarhom lill-Partit Nazzjonalista.

Ray Gatt qal li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista rnexxielu jikkonvinċih ikun kandidat anke meta hu kien determinat li jgħid le. Hu qal li dan isaħħaħlu t-twemmin li Alex Borg se jkompli jikkonvinċi ħafna nies. Huwa tkellem dwar il-pressjoni kbira li qed jiffaċċja s-servizz tas-saħħa f’pajjiżna, fosthom fl-Isptar Mater Dei. Dan minħabba nuqqas ta’ ppjanar min-naħa tal-Gvern Laburista. Tkellem dwar il-pressjoni kbira fuq il-ħaddiema, dwar id-dewmien għall-pazjenti u problemi oħra li jeżsitu bħalissa fis-servizz.Hu qal li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista fis-saħħa se jagħtu Nifs Ġdid lis-saħħa, lis-servizzi, lill-ħaddiema u lill-pazjenti.

Leone Sciberras qal li l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista li nissieħbu fl-Unjoni Ewropea biddlet id-direzzjoni ta’ pajjiżna u żgur li b’vot lill-Partit Nazzjonalista fit-30 ta’ Mejju n-nies se jbiddlu d-direzzjoni tal-pajjiż għal darba oħra. Huwa qal li din il-bidla se tissarraf fi traħħis fil-kontijiet tad-dawl għan-nies, f’aktar units allokati għall-eko-riduzzjoni għal persuni li jgħixu waħidhom u f’ħafna aktar proposti li se jtejbu l-ħajjiet tan-nies. Huwa qal li bħalma pajjiżna fl-imgħoddi sejħilna, llum ukoll qed isejħilna biex nagħtu Nifs Ġdid liż-żgħażagħ, lill-anzjani, lin-nies b’diżabbiltà, u appella lil kulħadd biex jivvota lill-Partit Nazzjonalista.

Stephen Spiteri qal li l-entużjażmu tan-nies jagħmillu ħafna kuraġġ. Huwa tkellem dwar il-viżjoni fit-tul li l-Partit Nazzjonalista dejjem kellu fis-saħħa: bl-Isptar Mater Dei, biċ-Ċentru tal-Onkoloġija, bis-servizz tal-POYC u ħafna aktar. Illum il-PN qed jerġa jressaq ’il quddiem proposti li se jagħtu lin-nies qasam tas-saħħa kif jixraq. Huwa tkellem dwar il-wegħda li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista li l-kura tal-kanċer tingħata b’xejn fuq il-formularju tal-Gvern, u qal li mal-mard m’hemmx kompromessi. Huwa saħaq li ħadd m’għandu jispiċċa jmur jittallab għall-mediċini biex jgħix. Temm billi qal t-tim tal-kandidati fuq it-tielet distrett qed jaħdem flimkien b’għan wieħed – li wara t-30 ta’ Mejju naraw lil Alex Borg Prim Ministru ta’ pajjiżna.
07.05.2026
