Il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fis-soċjetà hija garanzija ta’ futur sabiħ għal pajjiżna
AĦBAR

Il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fis-soċjetà hija garanzija ta’ futur sabiħ għal pajjiżna

Iż-żgħażagħ qalu li diskussjonijiet bħal din tal-lum huma parti mis-soluzzjoni u li jeħtieġ li jkun hemm aktar opportunitajiet bħal dawn biex jagħtuhom vuċi u biex titfassal politika rilevanti għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-futur.

Il-Kap tal-PN Alex Borg f’diskussjoni maż-żgħażagħ

Iż-żgħażagħ iridu jkunu parti mit-tfassil tal-politika għal pajjiżna u meta nara żgħażagħ bħalkom attivi fl-oqsma differenti, nagħmel kuraġġ li pajjiżna għandu quddiemu futur sabiħ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal dan waqt diskussjoni ma’ grupp ta’ żgħażagħ, fejn kienu trattati diversi temi li jolqtu direttament lil din il-ġenerazzjoni

L-isfidi fit-trasport u t-traffiku, iż-żgħażagħ fil-volontarjat, is-soluzzjonijet għall-isfida tax-xiri tal-propjetà, l-involviment fil-politika nazzjonali, imma anke fuq livell Ewropew, l-isport u l-ambizzjonijiet għas-suċċessi, kif ukoll Budget li jħares fit-tul, kienu fost it-temi li ġew diskussi.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-PN faħħar l-involviment ta’ dawn iż-żgħażgħ f’setturi differenti tas-soċjetà u qal li t-temi li tkellmu dwarhom huma kollha temi li jistħoqqilhom aktar diskussjoni. Hu rrefera għall-Budget li se jkun qed jiġi ppreżentat fil-jiem li ġejjin u qal li dan irid ikun Budget li ma jaħsibx biss għal-lum imma għall-ġenerazzjonjiet futuri.

“Irid ikollna viżjoni fit-tul u b’Budget tajjeb nistgħu nsolvu l-isfidi li għandna – billi ngħaqqdu l-edukazzjoni max-xogħol, billi nagħtu aktar għajnuna lill-familji biex jixtru darhom, billi nisfruttaw aktar l-opportunitajiet fl-Ewropa u b’miżuri oħra bi pjan li jaħseb għal kulħadd”.

Tul din id-diskussjoni, li saret fil-Mediterranean College of Sports f’Birkirkara, ipparteċipaw Michael Spiteri, student tal-liġi, Leon Briffa, li huwa attiv fil-politika studenteska u l-volontarjat, Chloe Cachia, avukat Għawdxija u Viċi President tal-Forum Ewropew għaż-Żgħażagħ, Maya Lucia, li tilgħab mat-tim nazzjonali Malti tal-futbol, u Sean Grech, student tar-relazzjonijiet internazzjonali. Kull wieħed u waħda minnhom tkellmu dwar it-temi li huma attivi fihom u dwar temi li jmissuhom direttament.

Ix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ Eve Borg Bonello qalet li l-involviment taż-żgħażagħ f’kull qasam tal-ħajja hu kruċjali u meta jkollna żgħażagħ attivi fil-politika, inkunu qed niżguraw li qed infasslu futur sod fid-diversi setturi. Qalet li l-fiduċja taż-żgħażagħ fil-politika tinbena fuq fiduċja fl-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet, fil-kontabbiltà u fil-persuni li jokkupaw il-karigi.

Iż-żgħażagħ qalu li diskussjonijiet bħal din tal-lum huma parti mis-soluzzjoni u li jeħtieġ li jkun hemm aktar opportunitajiet bħal dawn biex jagħtuhom vuċi u biex titfassal politika rilevanti għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-futur.

Il-Kap tal-PN rringrazzja lil dawn iż-żgħażagħ għall-parteċipazzjoni tagħhom fid-diskussjoni tal-lum u ħeġġeġ aktar żgħażagħ biex ikunu attivi f’oqsma differenti tas-soċjetà.

Din id-diskussjoni tmexxiet minn Krista Caruana Garcia u Jean Paul Barbara.

L-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista jkomplu llum bil-Maratona Ġbir ta’ Fondi li tibda fit-3pm u tixxandar live fuq NET TV u NET FM.

11.10.2026