Il-PN jipparteċipa fl-ewwel edizzjoni tal-EPP Summer University
AĦBAR

Il-PN jipparteċipa fl-ewwel edizzjoni tal-EPP Summer University

Dawn id-diskussjonijiet taw spazju importanti għall-kontribut ta’ akkademiċi minn Trinity College Dublin, University College Dublin u istituzzjonijiet oħra, flimkien ma’ esperti tal-Wilfried Martens Centre for European Studies.

Fi Trinity College f’Dublin, il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione jingħaqad ma’ kollegi oħra minn partiti membri tal-PPE għal diskussjoni dwar temi ta’ rilevanza diretta għall-futur tad-demokrazija u tal-Ewropa

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione rrappreżenta lill-Partit Nazzjonalista fl-ewwel edizzjoni tal-EPP Summer University, li nżammet fit-Trinity College f’Dublin, l-Irlanda, fil-31 ta’ Awwissu u l-1 ta’ Settembru.

L-inizjattiva tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) kellha l-għan li ssaħħaħ ir-rabta bejn il-politika u d-dinja akkademika, billi ġabet flimkien rappreżentanti tal-partiti membri tal-PPE u esperti akkademiċi u esperti ewlenin f’oqsma differenti. L-aġenda kienet tinkludi ħames sessjonijiet iffukati fuq temi ta’ rilevanza diretta għall-futur tad-demokrazija u tal-Ewropa.

Is-sessjonijiet trattaw “The Communications Dilemma: Democracy, Information, and the Fragmented Public Sphere”, “Democratic Resilience: Protecting Foundational Values in an Era of Extremism”, u “Academic Research Nexus: Universities and Europe’s Strategic Future”.

Fit-tieni jum ġew diskussi wkoll “Technological Sovereignty: Innovation, AI and the Ethics of Power” u “Is Survival Enough? From Crisis Management to Strategic Vision”.

Dawn id-diskussjonijiet taw spazju importanti għall-kontribut ta’ akkademiċi minn Trinity College Dublin, University College Dublin u istituzzjonijiet oħra, flimkien ma’ esperti tal-Wilfried Martens Centre for European Studies.

Għall-Vici Kap tal-PN Alex Perici Calascione, il-parteċipazzjoni f’din l-inizjattiva kienet ukoll opportunità biex jiddiskuti l-fehmiet tiegħu mas-Segretarju Ġenerali tal-PPE Dolors Montserrat, mal-President tal-Wilfried Martens Centre for European Studies Mikuláš Dzurinda, kif ukoll ma’ kollegi oħra mill-partiti membri kollha tal-Partit Popolari Ewropew.

L-EPP Summer University offriet pjattaforma għal skambju ta’ ideat bejn il-partiti politiċi taċ-ċentru-lemin Ewropew u d-dinja akkademika, b’enfasi fuq l-isfidi li qed tiffaċċja d-demokrazija Ewropea, it-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali, is-sovranità teknoloġika u l-ħtieġa għal viżjoni strateġika għall-futur tal-Ewropa.

09.09.2026