Il-vot ta’ konferma hu mandat biex inkomplu nġeddu l-Partit u nkunu Oppożizzjoni aktar qrib in-nies
AĦBAR

Il-vot ta’ konferma hu mandat biex inkomplu nġeddu l-Partit u nkunu Oppożizzjoni aktar qrib in-nies

Il-vot ta’ konferma b’saħħtu li ngħata mill-Kunsill Ġenerali tal-Partit huwa mandat ċar biex il-Partit ikompli fit-triq tat-tiġdid, b’aktar għaqda, dixxiplina u preżenza fost in-nies.

Alex Borg jgħid li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ ffukat fuq ir-realtajiet li qed jgħixu n-nies; isostni li l-PN se jkompli bir-riforma internat u se jkun qrib in-nies

Il-vot ta’ konferma b’saħħtu li ngħata mill-Kunsill Ġenerali tal-Partit huwa mandat ċar biex il-Partit ikompli fit-triq tat-tiġdid, b’aktar għaqda, dixxiplina u preżenza fost in-nies.

F’intervista fuq NET TV u NET FM, Alex Borg irringrazzja lill-Kunsillieri tal-fiduċja li tawh u qal li dan ir-riżultat iġib miegħu responsabbiltà akbar biex il-Partit Nazzjonalista jkompli jsaħħaħ ir-rwol tiegħu bħala alternattiva serja u kredibbli għall-Gvern. Spjega li wara li ngħalaq il-proċess intern, issa l-prijorità hija li l-Partit ikompli jkun preżenti fil-komunitajiet, jisma’ lin-nies u joffri soluzzjonijiet konkreti għall-isfidi li qed jaffaċċjaw il-familji Maltin u Għawdxin.

Dwar il-problemi li qed jaffaċċjaw diversi lokalitajiet matul is-sajf, fosthom is-Swieqi, Alex Borg qal li r-residenti għandhom dritt għal kwalità ta’ ħajja aħjar u li t-turiżmu ma jistax jibqa’ jiżviluppa għad-detriment ta’ dawk li jgħixu f’dawn il-komunitajiet. Huwa sostna li hemm bżonn infurzar aktar effettiv, aktar preżenza tal-Pulizija u Community Officers, regolamentazzjoni aktar b’saħħitha tax-short lets u Kunsilli Lokali b’aktar riżorsi biex ikunu jistgħu jindirizzaw il-problemi b’mod effettiv.

Meta mistoqsi dwar it-trasport pubbliku, il-Kap tal-PN qal li ċ-ċifri mogħtija mill-Gvern ma jirriflettux l-esperjenza ta’ kuljum tal-passiġġieri, li ħafna drabi jispiċċaw jitħallew fuq il-bus stops jew jaslu tard għax-xogħol. Alex Borg sostna li hemm bżonn aktar trasparenza, aktar karozzi tal-linja fuq ir-rotot u ppjanar aħjar, filwaqt li tenna li Malta għandha bżonn soluzzjoni strutturali ta’ mass transit u mhux sempliċement aktar studji.

Alex Borg tkellem ukoll dwar il-qtugħ tad-dawl li reġa’ laqat diversi lokalitajiet f’dawn l-aħħar jiem u qal li huwa inaċċettabbli li fl-2026 il-familji għadhom qed ibatu minn problemi ripetuti ta’ provvista tal-elettriku. Huwa sostna li dawn huma r-riżultat ta’ snin ta’ nuqqas ta’ ppjanar fl-infrastruttura u tenna li l-familji u n-negozji m’għandhomx ikunu huma li jħallsu l-prezz ta’ dan il-falliment.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega wkoll li minkejja l-waqfa għas-sajf fil-ħidma parlamentari, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jkun preżenti man-nies, permezz tal-grupp parlamentari u l-ħidma kontinwa mal-komunitajiet. Qal li l-Partit se jkompli jressaq proposti, iżomm lill-Gvern responsabbli għall-wegħdiet tiegħu u jkompli jsaħħaħ il-proċess ta’ riforma interna sabiex ikun dejjem aktar miftuħ, modern u qrib in-nies.

19.07.2026