Il-vot tiegħek fit-30 ta’ Mejju se jiddetermina l-ħames snin li ġejjin għalik u għal pajjiżna
Il-vot tal-poplu Malti u Għawdxi fit-30 ta’ Mejju se jiddetermina l-ħames snin li ġejjin – għalik u għall-pajjiż. Għalhekk għandna bżonn kampanja li tinħadem minn kulħadd flimkien, biex Malta u Għawdex jingħataw Nifs Ġdid u kapitlu ġdid.
F’Ħ’Attard, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jgħid li Gvern Nazzjonalista jagħti Nifs Ġdid lil Malta u Għawdex b’ekonomija b’saħħitha, kontijiet orħos u proġetti li joħolqu xogħol ta’ kwalità; jindirizzaw l-attività l-kandidati tal-11-il distrett
Il-vot tal-poplu Malti u Għawdxi fit-30 ta’ Mejju se jiddetermina l-ħames snin li ġejjin – għalik u għall-pajjiż. Għalhekk għandna bżonn kampanja li tinħadem minn kulħadd flimkien, biex Malta u Għawdex jingħataw Nifs Ġdid u kapitlu ġdid.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt attività politika mal-kandidati tal-11-il distrett f’Ħ’Attard, fejn irringrazzja lil dawk kollha li qed jilqgħu l-messaġġ tal-PN u qed jgħinu biex il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista tasal għand aktar nies.
Alex Borg qal li l-kampanja hi qasira u għalhekk kull persuna tista’ tagħmel differenza kbira billi tgħin tispjega l-proposti tal-PN u tikkonvinċi persuna oħra tingħaqad ma’ din il-mixja.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Robert Abela sejjaħ elezzjoni ġenerali sena qabel iż-żmien, u issa quddiem il-proposti tal-PN qed jinħakem minn paniku tant li reġa’ qala’ lil ta’ qablu. Robert Abela ma kienx qed jistenna li l-Partit Nazzjonalista kien se jkun ippreparat bi proposti b’saħħithom li jpoġġu lin-nies l-ewwel, fosthom il-pjan tal-enerġija li jwassal għal roħs ta’ 30% fil-kontijiet u t-tneħħija tal-kirja tal-meters tad-dawl.
Huwa qal li Partiti Nazzjonalista huwa determinat li fl-ewwel budget tiegħu fil-Gvern jalloka l-fondi għal dan il-proġett u fl-1 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla n-nies jibdew jirċievu l-kontijiet imraħħsa.
Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ ffukat u determinat, u mhux se jħalli l-propaganda qawwija tal-Partit Laburista, iffinanzjata mill-Gvern, ittellef il-ħidma tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista kuljum qed jippreżenta proposti sodi u fil-ġranet li ġejjin se jkompli jispjega kif mill-Gvern se jagħti Nifs Ġdid lill-pajjiż.
Waqt id-diskors tiegħu, Alex Borg qal li Gvern Nazzjonalista kien strumentali fil-ħolqien u l-iżvilupp ta’ setturi ekonomiċi li ddiversifikaw l-ekonomija Maltija, fosthom is-servizzi finanzjarji, il-gaming, l-avjazzjoni, il-farmaċewtika u s-settur marittimu. Dawn is-setturi għadhom sal-lum il-bażi tal-ekonomija ta’ pajjiżna u ħolqu impjiegi ta’ kwalità.
Illum il-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni soda għall-ġejjieni, bi proposti serji, fattibbli u costed, fosthom permezz ta’ Mediterranean Maritime Fuel Hub, proġett li se jpoġġi lil pajjiżna mill-ġdid fil-quċċata tas-servizzi marittimi. Dan il-proġett se juża parti minn Hurd’s Bank biex jinħoloq terminal offshore tal-LNG, b’possibbiltà li fil-futur jiġu inklużi fuels oħra.
Alex Borg qal li dan il-proġett hu stmat li se jiġġenera madwar €450 miljun fl-ewwel tliet snin fl-ekonomija Maltija u joħloq 150 impjieg ta’ kwalità għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdex.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal ukoll li permezz ta’ dan il-proġett, Gvern Nazzjonalista jneħħi t-tanker tal-gass mill-bajja ta’ Marsaxlokk u joħorġu offshore, fejn ikun qed isir l-investiment tal-Mediterranean Maritime Fuel Hub.
Hu fakkar li 13-il sena ilu, il-Gvern Laburista kien wiegħed lir-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa li t-tanker tal-gass kien se jibqa’ hemm għal tliet snin biss. Iżda 13-il sena wara, it-tanker għadu hemm.
Alex Borg qal li t-tneħħija tat-tanker minn Marsaxlokk se ġġib serħan il-moħħ lir-residenti tal-madwar, fosthom dawk ta’ Birżebbuġa u Marsaxlokk, għax jitneħħa l-periklu ta’ tanker tal-gass daqshekk viċin in-nies.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-PN qed ifassal politika għan-nies – hekk qed jagħmel meta jwiegħed sptarijiet ġodda, kura tal-kanċer fuq il-formularju, hekk qed jagħmel meta qed jaħdem għal kontijiet tad-dawl orħos, u hekk se jibqa’ jagħmel biex jagħti Nifs Ġdid lil-pajjiżna. “Ingħaqdu magħna biex fit-30 ta’ Mejju nagħtu niktbu kapitlu ġdid għal Malta u Għawdex tagħna”.
Fid-diskors tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil dawk kollha li tul is-snin servew lill-pajjiż u lill-Partit Nazzjonalista fuq il-11-il distrett, b’mod partikolari lil David Agius li mhux se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali.
Tul din l-attività politika tkellmu wkoll il-kandidati li se jikkontestaw l-elezzjoni f’isem il-Partit Nazzjonalista fuq il-11-il Distrett li jinkludi lil Ħ’Attard, il-Mosta, l-Imdina u n-Naxxar.
Ivan Bartolo tkellem dwar tliet valuri ta’ Alex Borg – l-onestà, l-umiltà u l-kuraġġ li jdaħħal f’dawk kollha li jaħdmu miegħu. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Alex Borg, bis-saħħa ta’ George Vital Zammit u tim sħiħ ta’ professjonsisti qed iressaq quddiem in-nies proposti lil jistgħu jtejbulhom ħajjithom. Huwa qal li n-nies qed jaqtgħu nifishom f’dal-pajjiż. “Hu għalhekk li għandna bżonn Nifs Ġdid – għandna bżonn lil Alex Borg Prim Ministru” qal Ivan Bartolo.
Dione Borg irringrazzja lil dawk kollha li attendew għal din l-attività u qal li Ħ’Attard kien, għadu u jibqa’ fortizza tal-Partit Nazzjonalista. Huwa sellem lil diversi persuni minn Ħ’Attard li ħadmu għal pajjiżna u għall-PN tul is-snin. Dione Borg qal li pajjiżna jinsab f’salib it-toroq għaliex fuqna jiddependi l-futur ta’ pajjiżna. Huwa qal li ħadd m’għandu jimpressjona ruħu bil-propaganda qawwija tal-Labour. “Kuraġġ. Ejjew nerġgħu nagħtu fiduċja akbar lin-nies fil-piolitika”.
Rebekah Borg tkellmet dwar kemm tammira is-sbuħija ta’ Ħ’Attard u l-mod kif il-komunità ta’ dan ir-raħal tinġabar flimkien. Rebekah Borg qalet li iżda dan ma jfissirx li f’Ħ’Attard kollox perfett u bħal kull raħal, ir-residenti ta’ dawn l-akkwati jiffaċċjaw diversi problemi. Hija qalet li għal kull problema hemm soluzzjoni. U l-PN qed joħroġ b’soluzzjonijiet għal pajjiżna – bħall-proposti li se jraħħsu l-kontijiet tad-dawl. Hija qalet li l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta soluzzjonijiet għan-nies.
Edmond Cuschieri rringrazzja lill-Partit Nazzjonalista għall-mod kif laqgħu fil-familja tiegħu u tal-kuraġġ li qed jagħtih kulħadd biex jaħdem ukoll għal bidla fil-pajjiż. Huwa qal li s-slogan tal-Partit Nazzjonalista Nifs Ġdid qed juri kemm hu bi ħsieb. Fl-aħħar jiem, bil-proposti li ppreżenta l-PN qata’ nifs il-Partit Laburista. Huwa qal li filwaqt li l-Labour qed iwiegħed l-ilma jiżfen, m’għandux flus għall-kura tal-kanċer b’xejn. Huwa appella lil kulħadd biex joħroġ minn daru fit-30 ta’ Mejju u jmur jivvota, u jivvota għal Nifs Ġdid.
Bernard Grech beda d-diskors tiegħu billi rringrazzja lil dawk kollha li qed jagħtu l-appoġġ lill-Partit Nazzjonalista. Huwa indirizza lil Alex Borg u qallu li sentejn ilu meta hu kien Kap u Alex Borg kien Deputat, il-Partit Nazzjonalista kiseb riżultat tajjeb ħafna. “Illum li jien kandidat u int Kap, jien qiegħed hawn biex flimkien nagħtu lil dan il-pajjiż Nifs Ġdid”. Bernard Grech qal li min illum qiegħed imwaħħal fit-traffiku jew f’waiting list l-isptar, min irid bidla, fit-30 ta’ Mejju jrid imur jivvota għal Nifs Ġdid. “Tuna l-appoġġ tagħkom. Agħtu l-appoġġ tagħkom lil Alex Borg – flimkien se nagħtukom Nifs Ġdid”.
Joseph Grech qal li l-11-il Distrett huwa d-distrett naturali tiegħu. Huwa qal li l-vjaġġ tiegħu fil-Partit beda ta’ età żgħira ħafna fl-istrutturi kollha tal-Partit. Illum huwa wkoll missier u għalhekk jifhem sew id-diffikultajiet ta’ min irid jibni famillja, jixtri dar u jgħix ħajja ta’ kwalità mal-maħbubin tiegħu. Huwa qal li jrid jaħdem biex kulħadd verament ikollu ħajja ta’ kwalità u l-enerġija ta’ Alex Borg timla lilu b’enerġija biex jaħdem aktar. Huwa qal li dan hu mument kruċjali f’pajjiżna – fejn se nagħżlu fejn irridu nieħdu lil pajjiżna. “Jien irrid nara lil kulħadd jieħu Nifs Ġdid u dak in-Nifs Ġdid jista’ jagħtihulna l-PN u l-Prim Ministru ta’ għada Alex Borg”.
05.05.2026









