Insaħħu lill-ħaddiema u n-negozji billi nsaħħu lil dawk li jħarsu d-drittijiet tagħhom
Gvern ġdid Nazzjonalista jsaħħaħ il-ħaddiema u n-negozji billi jsaħħaħ id-djalogu soċjali f’pajjiżna permezz ta’ żewġ miżuri konkreti li jagħtu aktar għodod u aktar riżorsi lill-imsieħba soċjali.
Il-Kap tal-PN Alex Borg waqt żjara lill-UĦM Voice of the Workers: Gvern ġdid Nazzjonalista jkun Gvern li jisma’, jikkonsulta u jaħdem id f’id mal-ħaddiema, il-unions, in-negozji u l-imsieħba soċjali kollha
Gvern ġdid Nazzjonalista jsaħħaħ il-ħaddiema u n-negozji billi jsaħħaħ id-djalogu soċjali f’pajjiżna permezz ta’ żewġ miżuri konkreti li jagħtu aktar għodod u aktar riżorsi lill-imsieħba soċjali:
1. Inżidu l-assistenza finanzjarja u r-riżorsi lill-imsieħba soċjali
Gvern ġdid Nazzjonalista jimpenja ruħu li jżid l-assistenza finanzjarja lill-imsieħba soċjali biex jiżgura li dawn l-organizzazzjonijiet ikollhom aktar riżorsi biex ikomplu jagħmlu xogħolhom b’mod professjonali, indipendenti u effettiv. Dan ifisser aktar appoġġ lil dawk l-organizzazzjonijiet li kuljum jirrappreżentaw lill-ħaddiema, lin-negozji u lil setturi importanti tas-soċjetà madwar il-mejda tad-djalogu soċjali.
2. Inwaqqfu fond li jgħin fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet għas-suq tax-xogħol
Gvern ġdid Nazzjonalista jwaqqaf fond dedikat għar-riċerka, policy analysis u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet konkreti għas-suq tax-xogħol. Dan il-fond jgħin fl-immodernizzar tas-suq tax-xogħol f’Malta biex pajjiżna jibqa’ aktar kompetittiv u produttiv, filwaqt li jindirizza sfidi bħan-nuqqas ta’ ħaddiema mħarrġa, il-produttività baxxa, il-bżonn ta’ aktar ħiliet, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja, u l-bidliet teknoloġiċi li qed jolqtu lin-negozji u lill-ħaddiema.
Dawn il-miżuri tħabbru mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt żjara lill-UĦM Voice of the Workers fil-Furjana, fejn sostna li d-djalogu mal-imsieħba soċjali huwa kruċjali għal pajjiiż li jrid ekonomija b’saħħitha, suq tax-xogħol modern u kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin.

Alex Borg irringrazzja lill-UĦM Voice of the Workers għall-ħidma kbira li twettaq ta’ kuljum biex tirrappreżenta l-vuċi tal-ħaddiema madwar il-mejda, tiddefendi d-drittijiet tagħhom u tieħu ħsieb il-ħaddiema u l-familji tagħhom. Huwa qal li l-kontribut tal-UĦM lejn Malta kien kruċjali u strumentali, mhux biss fil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema, iżda wkoll fil-bini tas-soċjetà moderna Maltija u fit-tisħiħ tal-fibra soċjali ta’ pajjiżna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li organizzazzjonijiet bħall-UĦM Voice of the Workers huma pilastru tad-demokrazija, tal-istabbiltà soċjali u ekonomika, tad-djalogu soċjali u tal-iżvilupp ekonomiku. Huwa fakkar li ħafna mid-drittijiet u l-protezzjoni li għandhom il-ħaddiema llum huma frott il-ħidma, il-perseveranza u l-impenn tal-unions tul is-snin.
Alex Borg sostna li ekonomija b’saħħitha titkejjel bil-kwalità tal-ħajja tan-nies u minn kif qed jgħixu ta’ kuljum.
Huwa qal li minkejja l-fanfarri tal-Gvern, Malta llum qed tiffaċċja sfidi ekonomiċi serji, fosthom nuqqas ta’ ħaddiema mħarrġa, burokrazija żejda, produttività baxxa, spejjeż ogħla marbuta mat-teknoloġija u l-innovazzjoni, u sfidi dejjem akbar fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja.
Dawn il-problemi, qal Alex Borg, la jistgħu jiġu solvuti mill-gvern waħdu u lanqas mill-imsieħba soċjali waħedhom. Jistgħu jiġu solvuti biss jekk il-pajjiż jaħdem flimkien, b’direzzjoni ċara u bi mħabba komuni lejn Malta u lejn futur aħjar għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Għalhekk, Gvern ġdid Nazzjonalista se jaħdem id f’id mal-imsieħba soċjali, jassisti lill-organizzazzjonijiet fil-ħidma tagħhom, inaqqas pressjonijiet żejda, u joħloq ambjent fejn il-ħaddiema, il-familji u n-negozji jistgħu jirnexxu flimkien.
Alex Borg qal li dawn il-miżuri huma parti minn viżjoni usa’ għal djalogu soċjali serju li jwassal għal riżultati li jsaħħu l-investiment, itejbu l-produttività, itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u jibnu ekonomija aktar sostenibbli.
Huwa saħaq li bih Prim Ministru l-politika tal-Gvern ma tinbeniex biss mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, iżda tinbena mal-ħaddiema, in-negozji, il-unions u l-imsieħba soċjali. Malta għandha bżonn direzzjoni ċara, fejn kulħadd jiġbed il-ħabel fl-istess direzzjoni, mibnija fuq kollaborazzjoni u mhux konfront.
Dan huwa n-Nifs Ġdid li l-Partit Nazzjonalista jrid iwassal lill-pajjiż: politika mibnija fuq rispett, djalogu, stabbiltà u għaqda nazzjonali, biex il-progress f’Malta jinħass minn kulħadd — mill-ħaddiema, min-negozji, mill-imsieħba soċjali u mill-familji Maltin u Għawdxin.
Preżenti għal-laqgħa mal-UĦM Voice of the Workers kien hemm ukoll il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista Joe Aquilina, Ivan Castillo u Errol Cutajar.
13.05.2026


