Investiment qawwi f’Għawdex għal saħħa, edukazzjoni, xogħol ta’ kwalità u kwalità ta’ ħajja aħjar
Alex Borg jindirizza konferenza dwar il-futur ta’ Għawdex u jisħaq li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti Nifs Ġdid lil Għawdex b’investiment bla preċedent fl- bi programm speċifiku ta' fondi Ewropej għal din il-gżira
Alex Borg jindirizza konferenza dwar il-futur ta’ Għawdex u jisħaq li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti Nifs Ġdid lil Għawdex b’investiment bla preċedent fl-Għawdxin bi programm speċifiku ta’ fondi Ewropej għal din il-gżira
Gvern ġdid Nazzjonalista jinvesti bis-sħiħ f’Għawdex biex il-gżira ta’ Għawdex ma tibqax titqies bħala estensjoni ta’ Malta, iżda tkun verament fiċ-ċentru tal-politika nazzjonali.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt konferenza li saret dalgħodu dwar il-futur ta’ Għawdex organizzata mill-MEP tal-PN Peter Agius – diskors li fih sostna li Għawdex għandu bżonn viżjoni ċara, tmexxija serja u investiment konkret li jħalli riżultat fil-ħajja tan-nies.
Alex Borg qal li għal snin twal, il-Gvern Laburista wiegħed ħafna lil Għawdex iżda naqas milli jwettaq dak li l-Għawdxin verament għandhom bżonn: servizzi tas-saħħa denji, opportunitajiet ta’ għol ta’ kwalità, investiment fl-edukazzjoni, infrastruttura aħjar u ħarsien tal-identità Għawdxija.
Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħmel investiment b’saħħtu f’Għawdex, fosthom:
- Sptar Ġenerali ġdid għal Għawdex, b’investiment ta’ madwar €350 miljun, biex l-Għawdxin ikollhom servizz tas-saħħa modern, serju u denju, mingħajr ma jkollhom jiddependu kontinwament fuq Malta għall-kura bażika u speċjalizzata.
- Investiment fl-edukazzjoni u fil-ħiliet, biex iż-żgħażagħ Għawdxin ikollhom aktar opportunitajiet f’Għawdex stess u ma jkollhomx jitilqu mill-gżira tagħhom biex jimxu ’l quddiem.
- Ħolqien ta’ xogħol ta’ kwalità f’setturi ġodda, biex Għawdex ma jibqax jiddependi biss fuq impjiegi tradizzjonali, iżda jkun jista’ jattira niċeċ ekonomiċi ġodda, xogħol b’pagi aħjar u opportunitajiet għal min jixtieq jibni futur f’Għawdex.
- Investiment fil-konnettività u fl-infrastruttura, biex il-moviment bejn Malta u Għawdex ikun aktar effiċjenti u biex il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin titjieb b’mod tanġibbli.
- Ħarsien tal-ambjent, tal-wirt u tal-karattru Għawdxi, biex l-iżvilupp ikun sostenibbli u ma jeqiridx dak li jagħmel lil Għawdex uniku.

Alex Borg qal li dawn mhumiex wegħdi fl-arja, iżda pjan ċar biex Għawdex u l-Għawdxin jingħataw rispett, prijorità u futur aħjar. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen f’Għawdex li jikber mingħajr ma jitlef ruħu; Għawdex li joħloq xogħol mingħajr ma jeqred l-ambjent; u Għawdex fejn il-familji, iż-żgħażagħ, l-anzjani u n-negozji jingħataw l-għodod biex jirnexxu.
Il-konferenza ġabret flimkien rappreżentanti minn oqsma differenti tas-soċjetà Għawdxija, fosthom kelliema mill-qasam ekonomiku, soċjali, edukattiv u ċiviku. Il-Kandidati tal-PN għal Għawdex Norma Camilleri, Beppe Galea, Luke Said u Frank Anthony Tabone għaddew il-messaġġ tagħhom waqt din il-konferenza u kien hemm ukoll messaġġi minn MEPs barranin li faħħru l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex.

Matul il-konferenza ġew diskussi l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja Għawdex fosthom dawk marbutin mal-konnettività, l-infrastruttura u l-fondi għal Għawdex. Id-diskussjoni ffukat fuq l-opportunitajiet li hemm biex il-gżira tingħata direzzjoni ġdida.
Alex Borg temm jgħid li Gvern ġdid Nazzjonalista jkun Gvern li jisma’, jippjana u jwettaq. Għal Għawdex, dan ifisser investiment b’saħħtu, tmexxija serja u Nifs Ġdid għal gżira li ħandha potenzjal kbir u li jistħoqqilha ħafna aħjar.
09.05.2026
