Irridu li ż-żgħażagħ tagħna jerġgħu jibdew jemmnu f’Malta tagħna
AĦBAR

Irridu li ż-żgħażagħ tagħna jerġgħu jibdew jemmnu f’Malta tagħna

F’Ħal Balzan, il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti ħames snin bla taxxa fuq id-dħul sa €50,000, iżid l-istipendji b’25% u jinvesti €5,000 f’pensjoni privata għaż-żgħażagħ taħt il-35 sena

F’Ħal Balzan, il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti ħames snin bla taxxa fuq id-dħul sa €50,000, iżid l-istipendji b’25% u jinvesti €5,000 f’pensjoni privata għaż-żgħażagħ taħt il-35 sena

Irridu li ż-żgħażagħ tagħna jerġgħu jibdew jemmnu f’Malta tagħna u li jemmnu li Malta temmen fihom. Irridu li jkomplu jistudjaw, jaħdmu u jibnu l-futur tagħhom f’Malta. Irridu nkunu qribhom, f’kull pass li jagħmlu. Irridu nagħtuhom l-opportunità biex ikomplu jikbru f’art twelidhom u mhux inħalluhom waħedhom f’pajjiż li qed jaqtgħalhom qalbhom.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt attività f’Ħal Balzan bis-sehem tal-kandidati tal-PN li se jikkontestaw fuq it-tmien distrett, fejn qal li Gvern ġdid Nazzjonalista se jagħti Nifs Ġdid liż-żgħażagħ permezz ta’ pjan prattiku u studjat li jolqot direttament il-ħajja tagħhom.

Alex Borg qal li l-PN għandu pjan mibni fuq erba’ bidliet ċari: studju aktar sostenibbli, spinta fil-bidu tal-karriera, sigurtà finanzjarja fit-tul u sehem reali għaż-żgħażagħ fit-tmexxija tal-pajjiż.

Fost il-proposti ewlenin, Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti eżenzjoni sħiħa mit-taxxa fuq id-dħul għal ħames snin wara xulxin, fuq dħul sa €50,000 fis-sena, lil żgħażagħ Maltin u Għawdxin li jidħlu fid-dinja tax-xogħol bħala impjegati jew self-employed. Dawn il-ħames snin jistgħu jintużaw meta ż-żgħażagħ ikollhom l-aktar bżonn: meta jkunu qed ifaddlu għall-ewwel dar, jibnu karriera jew jibdew familja.

Il-PN jemmen li ż-żgħażagħ ma jridux xkiel imma jridu li jkollhom ir-riedni f’idejhom. U r-riedni jeħduhom f’idejhom bl-edukazzjoni. Għalhekk Gvern Nazzjonalista se jżid ukoll l-istipendji tal-istudenti kollha b’25%, biex l-istudenti jkollhom aktar serħan il-moħħ u l-familji ma jibqgħux iġorru waħedhom il-piż tal-ispejjeż tal-istudju.

Alex Borg fakkar ukoll fil-proposta li biha Gvern Nazzjonalista se jinvesti fl-istudenti tas-saħħa – b’hekk ikun qed isaħħaħ kemm lill-istudenti kif ukoll il-qasam tas-saħħa. Għax Gvern Nazzjonalista jemmen fis-saħħa u dan jidher ċar ukoll fil-programm elettorali li ppreżenta u l-isptarijiet li se jibni. Din, qal Alex Borg, hija l-kredibbiltà. Ħaddieħor il-kredibbiltà tiegħu fis-saħħa taret mad-€900 miljun li ta lill-barranin għall-isptarijiet.

Alex Borg semma l-ħafna oqsma innovattivi li Gvern Nazzjonalista jrid li jiftħu beraħ il-bibien liż-żgħażagħ tagħna – l-AI, id-Data, in-New Space u l-Ekonomija Kreattiva. Din, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, hija l-Malta innovattiva, il-Malta ambizzjuża, il-Malta li trid tagħti Nifs Ġdid liż-żgħażagħ tagħna.

Miżura oħra hi l-Youth Pension Kick Start, li permezz tagħha Gvern ġdid Nazzjonalista se jaħseb anke għal meta ż-żgħażagħ tagħna jikbru, billi se jiddepożita €1,000 fis-sena għal ħames snin, direttament f’kont ta’ pensjoni privata għal kull persuna taħt il-35 sena li tiddeċiedi li tagħmel skema ta’ pensjoni privata.

Alex Borg qal li din mhix politika dwar iż-żgħażagħ, imma politika maż-żgħażagħ u għaż-żgħażagħ. Hu saħaq li fit-30 ta’ Mejju, il-poplu għandu f’idejh il-poter li jagħżel Nifs Ġdid għal Malta u Għawdex.

“Fit-30 ta’ Mejju se jkollkom ħames sekondi biex tivvutaw. F’dawk il-ħames sekondi se jkollok f’idejk il-futur ta’ pajjiżna. Użahom bil-għaqal. Użahom biex tagħti Nifs Ġdid lil Malta u Għawdex”.

Waqt l-attività f’Ħal Balzan għamlu l-interventi tagħhom ukoll l-10 kandidati tal-PN fuq it-tmien distrett elettorali.

Ivan Castillo qal li nhar it-Tnejn li għadda l-PN ippreżenta programm elettorali b’1,000 proposta – fosthom proposti dwar ix-xogħol u l-ħaddiem li tant jemmen fih il-PN. Waħda mill-proposti hija t-tisħiħ tal-flexible working hours biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jqattgħu aktar ħin mal-għeżież tagħhom. Hu fakkar kif meta l-PN ressaq il-proposti għall-work-life balance l-Partit Laburista mill-gvern ivvota kontrihom. Illum qed jipprietka dwarhom. Hu sostna li l-Partit Laburista jrid ibigħ lilu nnifsu bħala gvern kompetenti – imma gvern li ħalla n-nies bla dawl fis-sajf, id-drenaġġ fil-baħar u żied it-traffiku ma tantx juri kompetenza. Hu appella biex fit-30 ta’ Mejju min irid Nifs Ġdid jivvota lill-Partit Nazzjonalista.

Ludwig Cauchi tkellem dwar kif bħala ġenitur jinkwieta għall-futur ta’ wliedu u qal li ħafna ġenituri llum qegħdin fl-istess sitwazzjoni. Hu qal li bosta jkellmuh dwar kif uliedhom diġà qed jgħidulhom li jridu jitilqu minn Malta għal opportunitajiet aħjar. Hu semma kif il-Partit Nazzjonalista qed joffri alternattiva li tiftaħ il-bibien liż-żgħażagħ tagħna. Hu sostna li biex verament kulħadd ikollu ċans jgħix f’Malta aħjar, nhar is-Sibt 30 ta’  Mejju jeħtieġ li l-vot tagħna jmur għall-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista.

Edmund Cuschieri fakkar kif il-Partit Laburista qed jgħid li hu kredibbli. Imma din il-kelma mhix se tnessi t-tbażwir li sar fl-aħħar snin. Qal li gvern li ħeba l-assi tiegħu mill-poplu ma jistax jiġi quddiemu u jitkellem dwar kredibbiltà. Gvern li ppermetta skandlu bl-istparijiet mhux kredibbli. Gvern li mar fil-Parlment jivvota kontra inkjesta dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia m’għandux kredibbiltà. Hu sostna li kull min għandu naqra kredibbiltà m’għandux jiddejjaq jitbiegħed minn Partit Laburista li m’għadux jingħaraf u jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista. Hu semma bosta proposti li bihom il-PN irid jagħti Nifs Ġdid lil Malta u ħeġġeġ lil min għadu ma ddeċidiex x’se jagħmel nhar it-30 ta’ Mejju biex jagħti l-vot tiegħu lill-Partit Nazzjonalista.

Adrian Delia qal li l-Ministru tal-Finanzi qallu li ma jafx juża l-calculator. Kull darba li l-PN joħroġ bi proposta, il-Labour joħroġ jiġri jagħmel konferenza tal-aħbarijiet jipprova jkissirha. Clyde Caruana qalilna li nfaqna €900 miljun fuq tliet sptarijiet li baqgħu ma waslux. B’dawk id-€900 miljun konna nibnu numru ta’ sptarijiet. Imma minkejja li neffaqna €900 miljun fi tliet sptarijiet li ma sarux, Clyde Caruana qalilna li ħadna good value for money. Semma kif il-Labour mar żmerċ fil-flejjes li ntefqu sa issa fuq Ta’ Qali, u fit-tender tal-Emerġenza li ngħata b’direct order. Dak li Malta ddejnet f’50 sena Clyde Caruana ddejnu f’ħames snin. Hu qal li issa l-ħin li naqbdu l-calculators u nagħmlu s-somom u fit-30 ta’ Mejju nivvutaw għall-Partit Nazzjonalista.

Beppe Fenech Adami sostna li meta Alex Borg talbu jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni f’isem il-Partit Nazzjonalista hu ma kellu l-ebda dubju dwar dak li kellu jagħmel. Huwa sellem lil dawk kollha li tul is-snin tawh l-appoġġ tagħhom biex iservi fil-Parlament u qal li llum qed jerġa’ jitlob il-fiduċja tagħhom biex jerġa’ jservi lill-pajjiż. Hu qal li ħafna minn dawk li qegħdin wara l-Partit Nazzojnalista qegħdin hemm għax qed isegwu l-valurli li dejjem kellu Eddie Fenech Adami. Hu fakkar kif il-Partit Nazzjoanlista qed imur quddiem il-poplu bi proposti biex itejbulu ħajtu, aktar u aktar meta persuna tkun fl-aktar żmien diffiċli, bħall-proposta tal-mediċini tal-kanċer b’xejn. Hu appella biex fit-30 ta’ Mejju nagħmlu d-dover tagħna u nivvutaw biex wara t-30 ta’ Mejju jkollna Gvern Nazzjonalista immexxi minn Alex Borg biex ilkoll flimkien nagħtu Nifs Ġdid lil pajjiżna.

Angelo Micallef qal li huwa unur għalih li jservi f’din il-lokalità ta’ Ħal Balzan bħala Sindku. Huwa qal li ftit passi bogħod hemm l-għassa ta’ Ħal Balzan. Għassa li ilha magħluqa. Mid-distrett kollu, ir-residenti ta’ tliet lokalitajiet minn ħamsa jridu jmorru f’raħal ieħor biex isibu għassa miftuħa. Hu qal li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista li jara li kull lokalità jkollha għassa u li l-gwardjani lokali jerġgħu ikunu jappartjenu għal-lokalità jagħmlu ħafna sens. Din hi l-politika li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies – politika li ddur man-nies. Fit-30 ta’ Mejju għandna opportunità li nagħżlu lil min jaf fejn irid jasal bi Prim Ministru sod li jifhem lin-nies u li hu qrib in-nies u appella biex il-vot imur għall-kandidati tal-Partit Nazzjonalista.

George Muscat irringrazzja lil dawk kollha li qed jaħdmu biex il-Partit Nazzjonalista ikun il-gvern li jmiss biex imexxi lil Malta u Għawdex. Hu qal li bħala għalliem jara l-ħolm tal-istudenti meta jkunu fuq il-bankijiet tal-iskola. Hu qal li jrid li bil-ħidma tiegħu jara li dawk iż-żgħażagħ iwettqu l-ħolm tagħhom f’pajjiż li jridu jgħixu fih. Hu sellem liż-żgħażagħ li minkejja l-istress tal-istudju qed jattendu u jwieġbu għas-sejħiet tal-Partit Nazzjonalista. Hu qal li jekk jingħata l-fiduċja f’din il-kampanja, hu jwassal Nifs Ġdid ukoll fil-Parlament u jkun il-vuċi tan-nies fl-ogħla istituzzjoni.

David Pace Ross qal li l-poplu qed jingħata opportunità sena qabel żmineha f’elezzjoni li se tagħtina ċ-ċans nagħżlu gvern li jmexxi pajjiż fejn il-liġi tapplika għal kulħadd mingħajr privileġġi, gvern li joħloq level playing field għal kulħadd, gvern li jmexxi pajjiż fejn int tista’ tirnexxi bil-merti tiegħek mhux skont lil min taf, gvern li jbiddel id-direzzjoni tal-pajjiż. Se nkunu nistgħu nagħżlu li ngħaddu t-tmun ta’ pajjiżna lill-Partit Nazzjonalista – partit b’viżjoni, magħqud u lest li jwettaq dak li qed iwiegħed. Ejjew ma nitilfux l-opportunità li nagħtu Nifs Ġdid lil Malta u Għawdex.

Justin Schembri sostna li l-enerġija li qed tinħass fil-Partit Nazzjonalista qed tinbidel kuljum f’tama, u dawn l-enerġija u t-tama ġejjin mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg. Hu qal li erba’ snin ilu wkoll il-Partit Nazzjonalista kien f’din il-pjazza jitkellem dwar Gvern Laburista li kien qed jiddeterjora.  Illum, erba’ snin wara, il-Gvern kompla ddeterjora, imma fuq kollox il-Partit Nazzjonalista f’dawn l-erba’ snin issaħħaħ, kiber u ssoda u llum qed jippreżenta ruħu bħala l-gvern li jmiss. Hu qal li f’dawn l-erba’ snin serva bil-qalb u jrid ikompli jservi lill-pajjiż. Tkellem dwar l-edukazzjoni f’pajjiżna u l-proposti tal-PN dwarha – proposti li ma jridu jħallu lil ħadd lura. Hu qal li fadal ftit jiem biex fit-30 ta’ Mejju nagħżlu Nifs Ġdid għal pajjiżna.

Julie Zahra qalet li hi onorata li kienet parti mit-tnissil tal-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista. Hija qalet li l-proposta li tintegra l-arti u l-kultura mal-edukazzjoni minflok xi ħaġa lil hinn mill-istudji tal-istudent hija l-aktar proposta għal qalbha. Din flimkien mal-proġett PORT – Distrett Kulturali li jinkludi n-National Hall u l-Malta Expo – post fejn l-artisti jistgħu jesibixxu xogħolhom u l-istudenti jkunu jistgħu jitħarrġu. Hi fakkret fl-importanza tal-għaqdiet u l-każini li tant jaħdmu biex iżommu ħajja l-identità ta’ pajjiżna. Hi appellat biex fit-30 ta’ Mejju bil-vot tagħna nagħtu l-appoġġ lill-Partit Nazzjonalista biex nagħtu l-bidla li għandhom bżonn Malta u Għawdex.

21.05.2026