Issuq inqas, tħallas inqas: Gvern Nazzjonalista jrid inaqqas it-traffiku u jagħti lura l-ħin lill-familji
F’San Pawl il-Baħar il-Kap tal-PN Alex Borg iħabbar skema volontarja li tippremja lil min juża l-karozza inqas, mingħajr taxxi ġodda. Interess qawwi min-nies fil-programm elettorali tal-PN hekk kif l-għodda bl-AI li tnediet ilbieraħ tiġġenera 5,000 riżultat f’24 siegħa
F’San Pawl il-Baħar il-Kap tal-PN Alex Borg iħabbar skema volontarja li tippremja lil min juża l-karozza inqas, mingħajr taxxi ġodda. Interess qawwi min-nies fil-programm elettorali tal-PN hekk kif l-għodda bl-AI li tnediet ilbieraħ tiġġenera 5,000 riżultat f’24 siegħa
Gvern Nazzjonalista jrid jippremja lil min, għax jagħżel hu, juża l-karozza tiegħu inqas. Min isuq inqas, iħallas inqas f’liċenzja tal-karozza jew saħansitra ma jħallas xejn jekk ma jaqbiżx il-500km f’sena.
Din hi proposta sempliċi, ġusta u innovattiva li għandha l-għan li tagħti Nifs Ġdid lill-kwalità tal-ħajja tan-nies, f’pajjiż fejn il-familji qed jitilfu sigħat fit-toroq, il-ħaddiema qed jitilfu ħin prezzjuż, in-negozji qed ibatu u t-traffiku sar waħda mill-akbar problemi ta’ kuljum.

Waqt attività politika li matulha kienu ppreżentati l-kandidati tat-12-il distrett f’San Pawl il-Baħar, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg – li se jkun wieħed mill-kandidati fuq dan id-distrett minbarra fuq it-13-il distrett elettorali – qal li filwaqt li ħaddieħor wiegħed ħafna sistemi ta’ trasport tal-massa li kollha baqgħu biss wegħdi, il-PN fl-ewwel ħames snin jara li tibda topera l-ewwel u l-akbar linja ta’ sistema tat-trasport tal-massa effiċenti u moderna. Alex Borg qal li Gvern Nazzjonalista dak li qed iwiegħed iwettqu.
Dan il-proġett ikun parti minn pjan sħiħ li jinvolvi anke miżuri oħra short-term. Hawn semma proposta li hemm fil-programm elettorali tal-PN fejn karozzi li jagħmlu sa 500 kilometru fis-sena ma jħallsu xejn bħala liċenzja.
B’din l-iskema l-liċenzja tkun tiżdied gradwalment, skont kemm wieħed juża l-karozza – bejn 500 u 5,000 kilometru fis-sena, il-ħlas jiżdied gradwalment. Min jagħmel sa 5,000 kilometru fis-sena jħallas massimu ta’ 80% tal-liċenzja, filwaqt li min jagħmel aktar minn hekk jibqa’ jħallas liċenżja bl-istess rati tal-lum.
Alex Borg qal li Gvern Nazzjonalista ma jikkastiga lil ħadd, iżda min jagħmel sagrifiċċju biex inaqqas il-vjaġġi tiegħu għandu jiġi ppremjat. Dan ikun ta’ għajnuna għal pensjonanti li jużaw il-karozza ftit, familji li jużaw il-vettura biss għal bżonnijiet essenzjali, dawk li jaħdmu b’mod hybrid jew remote, u persuni li jagħżlu li jivvjaġġaw flimkien minflok jużaw karozza għal kull persuna.
Il-Kap tal-PN spjega li l-għan hu li pajjiżna jibda jnaqqas gradwalment il-piż tat-traffiku. Illum il-karozzi f’Malta jagħmlu medja ta’ aktar minn 7,000 kilometru fis-sena. Jekk din il-medja tersaq lejn il-5,000 kilometru, Malta jkollha inqas traffiku, inqas konġestjoni, inqas tniġġis u kwalità tal-ħajja aħjar.
Alex Borg saħaq li din mhijiex biss proposta dwar il-liċenzji tal-karozzi, iżda proposta dwar il-ħin tan-nies, is-serħan il-moħħ tal-familji u l-bilanċ li Malta tilfet kawża ta’ snin ta’ nuqqas ta’ ppjanar fit-trasport.
Huwa semma l-pjan li għandu l-Partit Nazzjonalista għal pajjiż aħjar. Il-programm elettorali li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta lbieraħ hu viżjoni ta’ fejn irridu nieħdu lill-pajjiż, u kif se nerġgħu npoġġu lin-nies fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Il-Partit Nazzjonalista wera li hu preparat li jaf kif irid jibni lil Malta fil-futur. B’dan il-programm irridu nibnu legat li jibqa’ jitgawda mill-ġenerazzjoni li ġejja. Lil uliedna rridu naraw li bil-politika tal-lum nibnulhom Malta u Għawdex aħjar milli sibnieha, bħalma għamlu ta’ qabilna.
Hu semma numru ta’ proposti li jrid iwettaq Gvern Nazzjonalista, fosthom it-traħħis tat-taxxi, it-tneħħija tat-taxxa fuq il-wirt, ir-riforma fit-taxxi li tħalli aktar flus fil-bwiet tan-nies u tan-negozji, ir-riforma fl-enerġija li se tħalli kontijiet tad-dawl orħos u enerġija aktar nadifa. Semma l-proġett tal-Mediterranean Maritime Fuel Hub li se jrendi l-miljuni u se jneħħi t-tanker tal-gass mill-bajja ta’ Marsaxlokk u n-niċeċ ġodda tal-AI, in-New Space u d-Data kif ukoll l-investiment f’hub kulturali. Kollha niċeċ li mhux se jżidu piżijiet imma li se jrendu aktar fil-bwiet tal-Maltin.
Waqt li kien qed jitkellem dwar in-niċeċ ġodda u l-programm elettorali, Alex Borg semma l-għodda tal-AI li tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Partit Nazzjonalista u li tgħinek issib dak li tkun qed tfittex fil-programm elettorali tal-PN b’mod modern u veloċi. Din l-għodda, li tnediet ilbieraħ mal-programm elettorali, iġġenerat 5,000 riżultat fl-ewwel 24 siegħa u hi xhieda tal-politika ġdida u moderna li qed iwettaq il-Partit Nazzjonalista. Turi wkoll il-konkorrenza u l-interess qawwi tan-nies fil-proposti li qed iressaq il-PN.
Alex Borg qal li hu kburi li hu kandidat fuq dan id-distrett u li hu kburi wkoll bit-tim b’saħħtu ta’ kandidati li għandu l-PN filwaqt li appella biex fl-aħħar ftit jiem tal-kampanja kulħadd ikompli bil-ħidma biex jikkonvinċi, biex fit-30 ta’ Mejju flimkien nagħtu Nifs Ġdid lil Malta u Għawdex.
Din l-attività ġiet indirizzata wkoll mill-kandidati tal-PN fuq it-12-il distrett li jinkludi l-Imġarr, il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u Burmarrad.

Charles Azzopardi qal li llum il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta 16-il pilastru b’saħħithom fl-oqsma kollha, b’niċeċ ġodda li se jsaħħu lill-pajjiż u li jqisu li l-ekonomija tilħaq lil kulħadd. Hu qal li llum fil-Partit Nazzjonalista hemm numru ta’ kandidati li xi darba kienu jidentifikaw ruħhom mal-Partit Laburista imma llum ħassew li biex jaħdmu għall-Maltin u l-Għawdxin kellhom jingħaqdu mal-Partit Nazzjonalista. Hu sostna li l-PN mhu se jinsa lill-ebda dilettant. Il-Partit Nazzjonalista huwa l-partit tan-nazzjon kollu.

David Bonello qal li Alex Borg huwa Kap li jagħti enerġija lil dawk kollha li jridu jaħdmu favur Mallta. Hu qal li f’jumejn il-Kap tal-PN rebaħ żewġ dibattiti politiċi imma issa jonqos ir-rebħa l-aktar importanti. Huwa tkellem dwar il-pjan li għandu l-Partit Nazzjonalista fil-popolazzjoni – problema li ħoloq il-Partit Laburista fil-Gvern u li Gvern Nazzjonalista jrid jindirizza b’serjetà. Huwa qal li l-poplu qed jirreaġixxi f’mod pożittiv għal dak li qed jipproponi l-PN u li f’dawn l-aħħar jiem tal-kampanja l-ħidma biex nikkonvinċu aktar nies ma tistax tieqaf biex wara t-30 ta’ Mejju jkollna gvern immexxi minn Alex Borg.

Ivan Castillo tkellem dwar il-maturità politika tal-Kap tal-PN u kif din qed tikkonvinċi dejjem aktar nies biex jagħżlu Nifs Ġdid għal pajjiżna. Hu semma diversi miżuri li qed jipproponi l-PN fosthom fis-sigurtà u tkellem ukoll dwar il-proġett tal-Mediterranean Maritime Fuel Hub – proġett li tant darras lill-Partit Laburista, u li tant ma sabux x’jikkritikaw fih li tal-Labour spiċċaw infexxew f’attakki personali biex jippruvaw ixejnuh. Dan għax il-Partit Laburista jinsab f’paniku u ma fadallux aktar fejn imur. Ivan Castillo appella biex fit-30 ta’ Mejju bil-vot nagħtu l-fiduċja lil kull kandidat tal-Partit Nazzjonalista.

Graziella Galea qalet li hi trabbiet f’dar fejn il-politika kienet il-ħobża ta’ kuljum u llum iġġorr magħha dak kollu li tgħallmet tul is-snin. Hi qalet li l-politika mhijiex xalata imma servizz lin-nies. Tul is-snin li ħadmet fil-politika hija tgħallmet tifhem dejjem aktar il-problemi tan-nies. Hi tkellmet dwar is-sensittività tagħha lejn persuni b’diżabbiltà li anke l-esperjenzi personali tagħha għenuha tifhimhom aħjar. Hija rringrazzjat lil Alex Borg tal-ħidma tiegħu u awguratlu li wara t-30 ta’ Mejju jkompli jservi bħala l-Prim Ministru ta’ pajjiżna.

Joseph Grech semma kif meta Robert Abela sejjaħ elezzjoni sena qabel żmienha ħaseb li se jaħsad lill-Partit Nazzjonalista imma dawn it-tliet ġimgħat ta’ kampanja wrew biċ-ċar kemm kien żbaljat il-mexxej Laburista. Il-programm elettorali mibnu fuq 16-il pilastru juri kemm il-PN ilu jħejji ruħu biex iservi fil-gvern. Tkellem fuq kemm aktar u aktar nies qed jersqu qrib il-Partit Nazzjonalista u jgħidu li din id-darba jridu jagħtu l-fiduċja ġdida lill-Partit li jista’ jagħti Nifs Ġdid lil pajjiżna qal li b’ħidma msejsa fuq konvinzjoni, il-Partit Nazzjonalista se jkun il-gvern li jmexxi lil Malta wara t-30 ta’ Mejju.

Anton Mifsud qal li din hi l-ewwel darba li qed jikkontesta fuq dan id-distrett u li waqt iż-żjarat li qed jagħmel fid-djar tan-nies qed jiltaqa’ ma’ ħafna li qed jilqgħu l-proposti tal-Partit Nazzojnalista. B’mod partikolari jsemmu l-proposta tal-PN li titneħħa t-taxxa tas-suċċessjoni. Huwa qal li din il-miżura tagħti nifs lil ħafna nies u hija waħda minn dawk il-proposti li qed isemmulu ħafna. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista qed jisma’ lil kulħadd u Alex Borg u l-Partit Nazzjonalista se jibqgħu jieħdu ħsieb lil kulħadd mill-gvern.

Jonathan Muscat tkellem dwar kif inbidel San Pawl il-Baħar fl-aħħar snin. Hu tkellem dwar kif Gvernijiet Nazzjonalisti tal-imgħoddi investew bis-saħħa f’oqsma differenti fosthom fil-bandiera ta’ Malta biex konna r-raba’ l-akbar bandiera marittima b’saħħitha fid-dinja. Hu qal li għall-kuntrarju ħaddieħor minflok ra kif se jiġbed l-investiment lejn pajjiżna, irnexxielu jixħet lil pajjiżna fil-greylist. Huwa qal li l-programm elettorali Nifs Ġdid huwa pjan b’saħħtu biex nagħtu ħajja aħjar lin-nies. Huwa wkoll irrefera għall-proposta tat-tneħħija tat-taxxa tas-suċċessjoni u qal li din hi inġustizzja li Gvern Nazzjonalista se jirrimedja darba għal dejjem. Hu appella lil dawk li ma jridux jivvutaw biex fit-30 ta’ Mejju jivvutaw għal Nifs Ġdid għal kulħadd.

Ian Vassallo qal li t-12-il distrett hu magħmul minn kunsilli lokali mmexxija mill-PN u sellem lil dawk kollha li jaħdmu għal-lokalitajiet. Huwa tkellem dwar is-saħħa u dwar sptar reġjonali li kellu jsir fid-distrett. Gvern Nazzjonalista qed iwiegħed sptar ġdid fin-Naħa ta’ Fuq ta’ Malta biex in-nies ta’ dawn il-lokalitajiet ikollhom servizzi ta’ kwalità tas-saħħa qribhom. Hu qal li s-saħħa trid tingħata prijorità u Gvern Nazzjonalista qed jiggarantiha permezz ta’ sptarijiet moderni u permezz ta’ park nazzjonali tas-saħħa li se jiffoka fuq il-prevenzjoni. Hu qal li Gvern Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem għan-nies għax jemmen fihom u fil-kwalità tal-ħajja.

Rachel Williams qalet li dawk preżenti diġà huma konvinti li fit-30 ta’Mejju l-għażla hija ovvja. Iżda lil hinn minn min hu diġà konvint hemm ukoll dawk li għadhom qed jaħsbuha kif se jivvutaw jew hux se jivvutaw. Hi ffukat fuq il-governanzna: semmiet il-liġi li għadda baxx baxx il-Gvern Laburista biex min instab ħati jkun jista’ jiżgiċċa billi jħallas penali żgħira u t-taħwid fil-kontijiet tal-ARMS u qalet li dawn huma biss żewġ sintomi ta’ governanza ħażina. Dan filwaqt li ċ-ċittadin onest jaħdem, jaħli ħinu fit-traffiku u jiffaċċja problemi li ħoloqhom ħaddieħor. Hi qalet li biex ikollna gvern ġust fit-30 ta’ Mejju jeħtieġ nivvutaw għal Nifs Ġdid.

George Vital Zammit tkellem dwar il-Kunsill Ġenerali Straordinarju tal-bieraħ u qal li dan wera ċar l-enerġija u l-viżjoni li biha qed jaħdem il-Partit Nazzjonalista. Hu tkellem dwar il-kunsilli lokali u x-xogħol kbir li jagħmlu u dwar kif dawn jixirqilhom ferm aktar rispett u riżorsi. Fit-12-il distrett, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob il-fiduċja tan-nies biex ikun jista’ jagħti Nifs Ġdid anke f’dawn il-lokalitiajiet. Dan billi jara li x-xogħlijiet isiru bi pjan u li jsiru b’rispett lejn il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Hu qal li vot lill-PN hu vot għal mod ġdid kif nagħmlu l-politika u dan qed narawh kuljum fil-mod kif qed jagħmel il-politika Alex Borg.
L-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista jkomplu għada b’Rally fl-Imqabba bis-sehem tal-kandidati tal-ħames distrett.
19.05.2026
– Agħfas hawn għall-għodda tal-AI li nieda l-PN biex tagħmel il-mistoqsijiet tiegħek dwar il-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista
