It-tbatija tan-nies hi reali, u responsabbli għaliha huwa l-Gvern
Kull minuta ta’ qtugħ tad-dawl mhix biss tbatija għall-anzjani, il-vulnerabbli u n-nies inġenerali imma wkoll ħaddiema wieqfa, negozji li ma jistgħux joperaw u daqqa diretta għall-produttività ta’ pajjiżna. Kull interruzzjoni fil-provvista tal-elettriku tfisser ekonomija li tieqaf tipproduċi, b’impatt fuq il-kompetittività ta’ Malta u l-fiduċja tal-investituri. Pajjiż li jrid jibni ekonomija aktar b’saħħitha ma jistax jippermetti li l-produttività tiegħu tiddependi fuq infrastruttura li tfalli.
Il-Gvern ta’ Robert Abela għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika għall-kriżi kontinwa tal-qtugħ tad-dawl; il-PN ikompli jinsisti għal kumpens awtomatiku għall-familji u n-negozji u dibattitu immedjat dwar il-Mozzjoni ta’ Sfiduċja fil-Ministru Miriam Dalli
Il-kriżi tal-qtugħ tad-dawl f’pajjiżna għadha għaddejja, b’familji f’diversi lokalitajiet li ilhom jiem, u f’ċerti każi aktar minn ġimgħa, mingħajr provvista stabbli tal-elettriku.
It-tbatija tan-nies hi waħda reali, u responsabbli għal din it-tbatija huwa l-Gvern ta’ Robert Abela.

Kull minuta ta’ qtugħ tad-dawl mhix biss tbatija għall-anzjani, il-vulnerabbli u n-nies inġenerali imma wkoll ħaddiema wieqfa, negozji li ma jistgħux joperaw u daqqa diretta għall-produttività ta’ pajjiżna. Kull interruzzjoni fil-provvista tal-elettriku tfisser ekonomija li tieqaf tipproduċi, b’impatt fuq il-kompetittività ta’ Malta u l-fiduċja tal-investituri. Pajjiż li jrid jibni ekonomija aktar b’saħħitha ma jistax jippermetti li l-produttività tiegħu tiddependi fuq infrastruttura li tfalli.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir fil-Belt Valletta; ix-Shadow Minister għall-Enerġija u l-Ambjent Mark Anthony Sammut u x-Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi Darren Carabott qalu li l-Gvern qed ikompli jinjora kompletament it-tbatija li qed jgħixu eluf ta’ familji u negozji.
Il-Gvern l-ewwel qal li l-investiment li sar kien qed jippermetti li l-provvista terġa’ tingħata fi ftit sigħat. Imbagħad reġa’ waħħal fi Gvern Nazzjonalista ta’ 13-il sena ilu, minkejja li rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika kkonferma nuqqas ta’ investiment fil-high-voltage network bejn l-2014 u l-2023.

Wara qal li kellu pjan ta’ ħames snin, imbagħad wara li ħabbar pjan ieħor, il-Prim Ministru qalilna “sorry” u issa, ilbieraħ, ipprova jitfa’ r-responsabbiltà fuq kulħadd – inkluż il-ħaddiema tal-Enemalta – minbarra fuqu nnifsu.
Huwa l-Gvern ta’ Robert Abela li kellu jiżgura li l-infrastruttura tal-elettriku tlaħħaq maż-żieda qawwija fil-popolazzjoni u fid-domanda għall-enerġija.
Il-Ministru Miriam Dalli ilha involuta direttament f’dan is-settur mill-2013 u għal żewġ leġiżlaturi kienet il-Ministru responsabbli. Minkejja nefqa ta’ €140 miljun u xogħlijiet f’diversi toroq, il-pajjiż reġa’ spiċċa jaffaċċja l-istess kriżi.
Il-Partit Nazzjonalista fost l-oħrajn qed jitlob:
- Tinġarr ir-responsabbilita politika mill-Ministru Miriam Dalli bħala l-Ministru responsabbli
- Kumpens awtomatiku impost mir-Regolatur, għall-familji u n-negozji li jsofru interruzzjonijiet fis-servizz
- Kumpens lill-ħaddiema tal-Enemalta li qed ibatu biex isolvu din il-kriżi
- Rendikont sħiħ tal-ħsarat u l-faults kollha li nqalgħu
- Rendikont ta’ kif intefqu l-€140 miljun li l-Ministru Dalli qed tirrifjuta li tagħti breakdown tagħhom fil-Parlament
- Trasparenza sħiħa dwar l-Enemalta, inkluż in-Network Development Plan, l-aħħar audited accounts u dwar x’sar mis-€60 miljun marbuta mal-carbon credits li kienu nstabu nieqsa.

Iż-żewġ Shadow Ministers spjegaw kif fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra l-PN talab ukoll biex il-Mozzjoni ta’ Sfiduċja mressaq mill-Oppożizzjoni fil-Ministru Miriam Dalli tiġi diskussa qabel il-Parlament jaġġorna għall-waqfa tas-sajf.
Mozzjoni ta’ sfiduċja minnha nfisha tqajjem kwistjoni diretta ta’ responsabbiltà politika u ma tistax titħalla pendenti għal diversi xhur. Ma jistax ikun li l-Parlament jieqaf għall-btajjel mingħajr ma jiddiskuti din il-kwistjoni u jħalli lill-poplu jiffaċċja xahrejn oħra ta’ sħana u biża’ ta’ aktar qtugħ tal-elettriku mingħajr ħadd ma jġorr ir-responsabbiltà.
Il-kelliema temmew jgħidu li Robert Abela jrid ikun ċar dwar għaliex qed jibża’ li tiġi diskussa din il-Mozzjoni fil-Parlament meta eluf ta’ nies qed ibatu minħabba n-nuqqasijiet tal-Gvern tiegħu. Dan ikompli jikxef kemm Robert Abela hu dgħajjef mal-Ministri tiegħu.
27.07.2026