Jekk Robert Abela ma jwettaqx dak li wiegħed lin-nies qabel l-elezzjoni, irid jispjegalhom għalfejn
AĦBAR

Jekk Robert Abela ma jwettaqx dak li wiegħed lin-nies qabel l-elezzjoni, irid jispjegalhom għalfejn

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li t-tneħħija tas-sussidji tal-enerġija tkun tfisser tbatija kbira għall-familji, żgħażagħ, anzjani, ħaddiema u negozji u li din hi xi ħaġa li m’għandhiex tkun ikkunsidrata. Madankollu huwa qal li kull tqaċċit fin-nefqa jrid jiġi spjegat lin-nies u jekk Robert Abela ma jwettaqx dak li wiegħed lill-elettorat qabel l-elezzjoni, bħalma kienet pereżempju l-wegħda tas-Super Bonus, irid jagħti spjegazzjoni hu.

F’intervista fuq NET Television, il-Kap tal-PN Alex Borg ikompli jispjega dwar l-Omnibus Bill tal-PN; jgħid li l-Festi tal-Indipendenza fuq il-fosos huma opportunità għall-ġenerazzjoni żagħżugħa; il-wegħda tat-tieni Viċi Kap se titwettaq

Jekk il-Gvern Laburista ma jkunx jista’ jżomm mal-wegħdi li għamel lin-nies qabel l-elezzjoni biex jiġi elett fil-gvern, irid jispjega għalfejn Robert Abela u ħadd aktar.

Waqt li kien intervistat mill-Editur Eżekuttiv ta’ MaltaToday Kurt Sansone live fuq NET Television, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg kien mistoqsi dwar artiklu li deher illum fil-gazzetta fejn Clyde Caruana qed jindika li biex il-Gvern ikun jista’ jżomm is-sussidji tal-enerġija se jkollu jqaċċat in-nefqa tiegħu minn xi mkien ieħor.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li t-tneħħija tas-sussidji tkun tfisser tbatija kbira għall-familji, żgħażagħ, anzjani, ħaddiema u negozji u li din hi xi ħaġa li m’għandhiex tkun ikkunsidrata. Madankollu huwa qal li kull tqaċċit fin-nefqa jrid jiġi spjegat lin-nies u jekk Robert Abela ma jwettaqx dak li wiegħed lill-elettorat qabel l-elezzjoni, bħalma kienet pereżempju l-wegħda tas-Super Bonus, irid jagħti spjegazzjoni hu.

Alex Borg kien mistoqsi dwar il-qrubija ta’ negozjanti mal-politiċi, bħala spunt mill-ġuri li ntemm ftit tal-jiem ilu.

Il-Kap tal-PN qal li mill-Oppożizzjoni l-Partit Nazzjonalista qed ikompli jimbotta biex din il-liġi tidħol fis-seħħ għaliex hija realtà li bħalissa ż-żewġ partiti jiddependu fuq donazzjonijiet.

Mistoqsi wkoll dwar l-Omnibus Bill, jigifieri l-pakkett ta’ liġijiet li jwettaq bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia li l-Partit Nazzjonalista ħabbar din il-ġimgħa waqt laqgħa mal-imsieħba soċjali, NGOs u membri tas-soċjetà ċivili; Alex Borg qal li l-Oppożizzjoni se tkun qed tippreżenta dan l-abbozz mal-ewwel opportunità li jkollha fil-Parlament.

Dan l-abbozz ikompli jibni fuq dak li ppreżentat l-Oppożizzjoni fl-2022 imma jżid ukoll għadd ta’ rakkomandazzjonijiet abbażi ta’ dak li seħħ fl-aħħar snin.

Alex Borg qal li waqt din il-laqgħa ingħata ftit ħjiel ta’ x’fih dan l-abbozz, inkluż liġijiet anti-SLAPP u liġijiet dwar unexplained wealth.

Kurt Sansone staqsa wkoll dwar il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq il-ġurnaliżmu. Alex Borg qal li hemm bżonn ta’ aġenzija tal-media li tirregola lilha nnifisha, mingħajr indħil mill-Gvern. Huwa qal li l-bord ta’ din l-aġenzija għandu jkun ħieles u l-aġenzija tkun tista’ tiżgura li l-ġurnalisti jkollhom il-ħarsien u r-regolamentazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jaħdmu bla biża’.

Dwar il-protesti li qed jissejħu biex issir ġustizzja wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Alex Borg qal li jappoġġja dawn il-protesti li qed isiru minn għaqdiet diversi, inklużi dawk tal-istudenti.

Hu qal li dan huwa l-mument li nitkellmu lkoll bla distinzjoni.

Alex Borg tkellem dwar il-Festi tal-Indipendenza li għall-ewwel darba wara tmien snin se jerġgħu jsiru fuq il-Fosos tal-Furjana.

Huwa qal li dawn se jagħtu opportunità lil ġenerazzjoni sħiħa li tiċċelebra l-jum li fih pajjiżna nħeles ftit passi bogħod minn fejn seħħ dan l-avveniment storiku.

Il-Kap tal-PN irrefera għall-preżenza tiegħu fil-Pride March tal-bieraħ u qal li dan hu konsistenti ma’ dak li dejjem għamel tul is-snin – turija li din hi konvinzjoni sħiħa u mhux xi mossa ta’ konvenjenza.

Fl-aħħar nett, mistoqsi dwar il-wegħda tat-tieni Viċi Kap tal-PN, Alex Borg qal li mhux biss se tkun qed tinżamm din il-wegħda, imma se jkun hemm reviżjoni sħiħa tal-istatut tal-Partit Nazzjonalista biex dan ikun jirrifletti ż-żminijiet tal-lum, u biex il-partit ikun aktar dinamiku u effiċjenti u jħejji ruħu kif xieraq biex ikun il-gvern ta’ għada.

13.09.2026