Kunu intom l-awturi tad-destin ta’ pajjiżna
AĦBAR

Kunu intom l-awturi tad-destin ta’ pajjiżna

Il-Kap tal-PN Alex Borg f’Mass Meeting f’Tas-Sliema: “Il-bidla tibda meta l-poplu jiddeċiedi li ħaqqu aħjar; fil-30 ta’ Mejju agħtu ċans lill-futur, agħtu ċans lill-bidla”

Il-Kap tal-PN Alex Borg f’Mass Meeting f’Tas-Sliema: “Il-bidla tibda meta l-poplu jiddeċiedi li ħaqqu aħjar; fil-30 ta’ Mejju agħtu ċans lill-futur, agħtu ċans lill-bidla”

Kunu intom l-awturi tad-destin ta’ pajjiżna. Il-bidla tibda minnkom. Tibda meta tiddeċiedu li tridu aħjar.

Fadal sitt ijiem. Għandi bżonn lil kull wieħed u waħda minnkom f’din il-mixja biex fit-30 ta’ Mejju tagħtu ċans lill-futur. Tagħtu cans lill-bidla. Tagħtu Nifs Ġdid lil Malta u Għawdex tagħna.

Quddiem folla mimlija enerġija waqt Mass Meeting f’Tas-Sliema, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li nhar is-Sibt f’ħames sekondi se niddeterminaw il-ħames snin li ġejjin.

“Intom se tiddeċiedu l-futur ta’ pajjiżna. Dawk il-ħames sekondi jistgħu jbiddlu lil Malta u Għawdxin, Kunu l-awturi tad-destin ta’ pajjiżna. Tħallux lil ħaddieħor jiddeċiedi għalikom. Morru ivvutaw. Waħdi mhux se nasal imma bikom miegħi naslu żgur. It-tama tal-poplu hi kbira”.

Waqt id-diskors imqanqal tiegħu Alex Borg indirizza lil dawk li soltu jivvutaw lill-Partit Laburista u li llum qed iħossuhom diżappuntati bil-partit li dejjem appoġġjaw, u qalilhom biex jagħmlu kuraġġ u jagħżlu l-bidla. Indirizza wkoll lil dawk li tbiegħdu mill-Partit Nazzjonalista, u li tul is-snin ivvutaw lil ħaddieħor. Alex Borg qal li din ukoll hija demokrazija. Hu skuża ruħu ma’ min ħassu mweġġa’ minn Gvernijiet Nazzjonalisti, u qalilhom li kif fl-imgħoddi huma vvutaw għall-bidla, dan hu l-mument biex għal darba oħra jerġgħu jivvutaw għall-bidla.

Alex Borg qal li erba’ ġimgħat ilu tħabbret elezzjoni sena qabel żmienha. Ħaddieħor ħaseb li se jaħsad lill-Partit Nazzjonalista u minflok sab partit lest, preparat, magħqud u b’viżjoni ċara u b’direzzjoni biex jagħti Nifs Ġdid lil Malta u Għawdex. Proposta wara proposta, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta pjan ċar biex il-problemi li ħoloq ħaddieħor jissolvew darba għal dejjem.

Imma l-aktar ħaġa li ma stenniex il-Partit Laburista, qal Alex Borg, kienet it-tweġiba tan-nies għal kull sejħa tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-PN qal li kull tant żmien jasal mument meta l-kelma “bidla” ma tibqax slogan imma ssir responsabbiltà – bħal meta missirjietna u ommijietna mxew wara Eddie Fenech Adami biex Malta ssir Ewropea, illum għandna responsabbiltà biex kull wieħed u waħda minna magħqudin flimkien inġibu l-bidla li se tagħti Nifs Ġdid lil Malta – mhux għall-aħmar jew il-blu imma għall-bajda u l-ħamra.

Hu qal li l-kapitlu sabiħ li se niktbu hu kollu dwar in-nies – dwar il-familji li jridu aktar ħin, dwar iż-żgħażagħ li jridu futur aħjar f’Malta u Għawdex, dwar l-anzjani li jixirqilhom ħajja serena, dwar il-ħaddiem li jrid xogħol b’dinjità, dwar in-negozji li jridu serħan il-moħħ.

Alex Borg qal li l-PN ilu jaħdem u fl-aħħar xhur u ġimgħat il-Partit Nazzjonalista wera biċ-ċar li hu gvern alternattiv, u dan kollu nbena fuq dak li qalu n-nies.

“L-aktar ħaġa li tqawwili qalbi hija t-tama li nara fikom. It-tama ta’ Nifs Ġdid għalikom u għall-pajjiż”.

Il-Kap tal-PN qal li l-proposti li ressaq il-PN, li tfasslu fuq dak li jridu n-nies, se jiggarantixxu ħajja aħjar b’kontijiet tad-dawl orħos, b’taxxi orħos, bit-tneħħija tat-taxxa tas-suċċessjoni, bi sptarijiet ġodda u b’niċeċ ġodda li se jsaħħu lil pajjiżna. Gvern Nazzjonalista se jinvesti fiż-żgħażagħ u fl-istudenti, fil-ħaddiema tas-saħħa. Se jinvesti bis-sħiħ f’Għawdex bħalma dejjem għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti. “Għax l-Għawdxin jafu fejn huma mal-Partit Nazzjonalista. Aktar investiment fil-portijiet, f’vapuri ġodda, f’toroq ġodda. L-Għawdxin ikun prijorità għall-Partit Nazzjonalista. Min aktar minn Għawdxi bħalhom jista’ jifhem il-bżonnijiet tal-Għawdxin?”.

Alex Borg qal li ħaddieħor ilu 13-il sena jgħid li se jsolvi l-problema tat-traffiku. Erba’ snin ilu wegħduna metrò taħt l-art. Illum qed iwegħduna Malta in Motion taħt l-art. Sal-lum fi 13-il sena ħlief wegħdi ma għamlux.

Imma l-Partit Nazzjonalista qed jiġi quddiem il-poplu bi proġett ta’ Mass Rapid Transport studjat u dettaljat u li fl-ewwel mitt jum Gvern Nazzjonalista jibda jaħdem fuqu biex fl-ewwel ħames snin ilesti l-ewwel u l-akbar linja tiegħu. Sadanittant ħaddieħor qed jgħidilna li fadallu ħames snin oħra ta’ studji – jiġifieri jekk jerġa’ jingħata l-fiduċja se jħalli lill-poplu ħames snin oħra ġġammjat.

Il-Kap tal-PN qal li l-għażla hi ċara – jew nibqgħu ħames snin oħra nistennew jew nagħtu ċans għal Nifs Ġdid bi proġett serju.Hu tkellem ukoll dwar il-pjan tal-Partit Nazzojonalista għall-popolazzjoni kif ukoll għall-ħarsien tal-identità tagħna, dwar pjan li jieħu ħsieb lill-anzjani u pjan li jieħu ħsieb lill-pazjenti tal-kanċer.

Alex Borg qal li l-proposti tal-PN urew xi tfisser politika li ddur man-nies, u Gvern Nazzjonalista se jkun qrib il-persuni dejjem.

Hu qal li l-pajjiżna ma jimxix ’il quddiem bil-calculator imma meta l-Maltin u l-Għawdxin iħossuhom siguri u jkollhom serħan il-moħħ.

“Nhar is-Sibt l-għażla se tkun tal-poplu. F’dawk il-ħames sekondi tal-vot, il-poter hu kollu f’idejkom. Aħna l-politiċi ma jkollniex poter. Se tkunu intom li tagħżlu d-direzzjoni li tridu tagħtu lil pajjiżna. Tibqgħux siekta. Kunu intom l-awturi tad-destin ta’ pajjżna. Kunu intom li tagħtu Nifs Ġdid lil Malta u Għawdex tagħna”.

Fil-bidu tad-diskors tiegħu l-Kap tal-PN sellem lil Robert Arrigo, lil Francis Zammit Dimech u lil Karl Gouder kif ukoll lil George Bonello Dupuis, lil Michael Refalo u lil Ċensu Tabone li lkoll servew lill-pajjiż b’tant imħabba. U sellem ukoll lil Ġorg Borg Olivier li kien joqgħod ftit ’il bogħod minn Dingli Street, u li welled lil Malta Indipendenti.

Waqt l-istess attività, tkellem ukoll Daniel Vella Fondacaro li qal li kull pajjiż jagħżel triqtu, u nhar is-Sibt il-poplu Malti se jagħżel it-triq għal pajjiżna. Hu sostna li għandna d-dmir li dan il-pajjiż inħalluh lil ta’ warajna aħjar milli sibnieh. Hu qal li l-proposti li jitressqu waqt kampanja elettorali wieħed irid jistaqsi jistgħux jagħmlu ġid lin-nies jekk għadna qed ngħixu f’pajjiż fejn għad għandna firda tal-kulur. Hu qal li għalhekk id-diskors ta’ Alex Borg li jitkellem dejjem fuq il-Bajda u l-Ħamra jagħmel ħafna sens illum. Daniel Vella Fondacaro qal li dan hu żmien ta’ tama u ta’ għaqda. Wasal iż-żmien li nimxu flimkien. Irridu nemmnu fil-poplu tagħna – fiż-żgħażagħ u l-anzjani. Wasal iż-żmien li lkoll żgħar u kbar ningħaqdu biex nagħtu Nifs Ġdid lil Malta u Għawdex.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione wkoll indirizza l-Mass Meeting u qal li l-preżenza ta’ folla daqstant sabiha timla lill-Partit Nazzjonalista bil-kuraġġ, imma tagħti wkoll messaġġ ta’ kuraġġ lil min qed isegwi fil-kwiet ta’ daru. Hu qal li din l-elezzjoni ġiet sena qabel żmienha u raġuni hemm, u din għad trid toħroġ. Imma minkejja li ġiet sena qabel, il-PN kien lest bi programm elettorali b’saħħtu bi pjan ċar, serju u ambizzjuż. Hu semma wħud mill-ħafna proposti tal-Partit Nazzjonalista mfassla għan-nies u ffukati fuq in-nies. U jekk il-poplu nhar is-Sibt jagħti l-fiduċja lill-PN, l-għada se jsib Gvern Nazzjoanlista preparat biex jiggverna għal kulħadd. Hu qal li l-għażla quddiem il-poplu hi li jħalli lill-Partit Laburista jkompli fejn ħalla – jiġifieri int tibqa’ tistenna s-sigħat l-isptar, tibqa’ ġġammjat fit-traffiku, u tibqa’ tagħmel is-sagrifiċċji minħabba l-ħajja dejjem togħla – inkella l-għażla ta’ Nifs Ġdid: għalik, għall-għeżież tiegħek u għal dan pajjiżna. “Perfetti m’aħniex, imma determinati aħna. Tħallu lil ħadd ibeżżagħkom jew jaqtgħalkom qalbkom jew iqarraq bik meta jgħidlek li dak li m’għamilx fi 13-il sena se jagħmlu issa,” temm jgħid Alex Perici Calascione, waqt li appella biex kulħadd jibqa’ jaħdem għall-bidla. Flimkien naslu. Flimkien, ma’ Alex Borg, niktbu paġna ġdida għal pajjiżna.

24.05.2026