L-Għawdxin għandhom dritt għal servizzi tal-ġustizzja f’Għawdex
AĦBAR

L-Għawdxin għandhom dritt għal servizzi tal-ġustizzja f’Għawdex

Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti għal Qorti ġdida f’Għawdex u għal investiment serju fis-servizzi ġudizzjarji tal-gżira. Huwa saħaq, iżda, li l-Għawdxin m’għandhomx għalfejn jitħallew jistennew li jkun lest il-bini l-ġdid biex jibdew jingħataw f’Għawdex stess is-servizzi li jistgħu jingħataw hemm minn issa.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg jiltaqa’ ma’ Avukati Għawdex: it-tribunali u l-bordijiet jistgħu jibdew joperaw f’Għawdex qabel tinfetaħ il-Qorti l-ġdida

L-Għawdxin li għandhom bżonn jidhru quddiem tribunal jew bord m’għandhomx ikollhom bilfors jaqsmu lejn Malta. Is-servizzi tal-ġustizzja għandhom jitfasslu skont il-ħtiġijiet ta’ Għawdex u jkunu aċċessibbli għall-pubbliku Għawdxi.

Dan kien wieħed mill-punti ewlenin diskussi waqt laqgħa bejn il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg u Avukati Għawdex – organizzazzjoni li tiġbor fi ħdanha avukati li primarjament ipprattikaw fil-Qorti ta’ Għawdex. Għal din il-laqgħa kien preżenti wkoll il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione.

Il-President ta’ Avukati Għawdex Chris Said spjega li l-Qorti ta’ Għawdex għandha ħtiġijiet differenti minn dawk tal-Qrati f’Malta. Saħaq li l-policies u s-servizzi ġudizzjarji għandhom jirriflettu din ir-realtà, u li t-tribunali u l-bordijiet li jistgħu joperaw f’Għawdex għandhom jibdew jagħmlu dan.

Ir-rappreżentanti ta’ Avukati Għawdex tkellmu wkoll proprju dwar il-ħtieġa ta’ bini ġdid għall-Qorti ta’ Għawdex, b’faċilitajiet adegwati għall-avukati, għall-ħaddiema u għall-pubbliku. Chris Said irrimarka li fil-bini attwali lanqas hemm kamra għall-avukati.

Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti għal Qorti ġdida f’Għawdex u għal investiment serju fis-servizzi ġudizzjarji tal-gżira. Huwa saħaq, iżda, li l-Għawdxin m’għandhomx għalfejn jitħallew jistennew li jkun lest il-bini l-ġdid biex jibdew jingħataw f’Għawdex stess is-servizzi li jistgħu jingħataw hemm minn issa.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta’ aktar effiċjenza fil-qasam tal-Qorti tal-Familja, partikolarment fejn jidħlu n-notifiki.

Avukati Għawdex, li ilha stabbilita ħames snin, ħabbret ukoll li għall-ewwel darba, il-ftuħ tas-Sena Forensi se jsir f’Għawdex. Filwaqt li din hi aħbar sabiħa, l-organizzazzjoni saħqet fuq l-importanza li huma jkunu parti mid-diskjussjonijiet dwar il-futur tal-ġustizzja f’Għawdex, inkluż dwar il-Qorti l-ġdida li għandha tinbena u li għadha fi stadju ta’ tender.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni tapppoġġja bis-sħiħ din is-sejħa biex ikun żgurat li s-servizzi tal-ġustizzja f’Għawdex ikunu effiċjenti u addattati għall-ħtiġijiet tal-Għawdxin.

25.09.2026