L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Miriam Dalli wara l-kriżi nazzjonali tal-qtugħ tad-dawl
AĦBAR

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Miriam Dalli wara l-kriżi nazzjonali tal-qtugħ tad-dawl

Il-mozzjoni hija mibnija fuq il-falliment gravi tal-Gvern li jipprovdi servizz essenzjali lill-poplu Malti u Għawdxi, wara ġimgħat ta' qtugħ ripetut tal-elettriku li ħallew eluf ta' familji u negozji mingħajr provvista għal sigħat twal, fl-eqqel tas-sajf.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg, flimkien max-Shadow Minister għall-Enerġija u l-Ambjent Mark Anthony Sammut, illum fil-Parlament ressqu mozzjoni ta’ ċensura u sfiduċja fil-Ministru responsabbli mill-enerġija Miriam Dalli, filwaqt li appellaw lill-Prim Ministru biex minnufih jitlob ir-riżenja tagħha jew ineħħiha mill-kariga.

Il-mozzjoni hija mibnija fuq il-falliment gravi tal-Gvern li jipprovdi servizz essenzjali lill-poplu Malti u Għawdxi, wara ġimgħat ta’ qtugħ ripetut tal-elettriku li ħallew eluf ta’ familji u negozji mingħajr provvista għal sigħat twal, fl-eqqel tas-sajf.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li din mhijiex sitwazzjoni ġdida. L-istess kriżi kienet seħħet fis-sajf tal-2023 u dak iż-żmien ukoll kienet tressqet mozzjoni simili. Minkejja l-wegħdiet tal-Gvern u minkejja li tħabbru investimenti sostanzjali biex jissaħħaħ in-netwerk tad-distribuzzjoni, il-problema mhux biss baqgħet teżisti, iżda reġgħet laqtet lill-pajjiż b’konsegwenzi serji fuq il-familji, in-negozji, il-pazjenti u persuni vulnerabbli.

Il-mozzjoni tfakkar ukoll fil-konklużjonijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO), li fir-rapport tiegħu dwar l-ippjanar u l-investiment tan-netwerk tad-distribuzzjoni sab nuqqasijiet serji fl-ippjanar tal-Enemalta u kkonkluda li n-nuqqas ta’ investiment fin-netwerk ta’ distribuzzjoni kien il-kawża ewlenija tal-kriżi.

Il-Partit Nazzjonalista jsostni li l-Gvern falla milli jippjana għall-ħtiġijiet dejjem jikbru tal-pajjiż, minkejja ż-żieda sostanzjali fil-popolazzjoni u fid-domanda għall-elettriku. Dan wassal għal infrastruttura li ma laħħqitx mar-realtà li ħoloq il-Gvern stess.

Il-PN iqis ukoll bħala inaċċettabbli li, minkejja l-iskala tal-problema u l-impatt tagħha fuq il-ħajja tan-nies, il-Ministru Miriam Dalli baqgħet tirrifjuta li terfa’ r-responsabbiltà politika għall-falliment li seħħ taħt it-tmexxija tagħha.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li ministru għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika meta l-fallimenti fil-qasam tiegħu jwasslu għal kriżi nazzjonali li taffettwa direttament il-ħajja u s-saħħa tal-poplu.

Il-Maltin u l-Għawdxin jistħoqqilhom infrastruttura moderna, servizzi affidabbli u Gvern li jieħu r-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet tiegħu.

22.07.2026