lntom iċ-ċertifikat tat-tama li għandu dan il-pajjiż għall-bidla li jmiss għal Malta tagħna
Il-Kap tal-PN Alex Borg jindirizza Mass Meeting fil-Mosta: “Aħna rridu nwettqu l-ħolm tagħkom, imma biex nagħmlu dan irridu naħdmu lkoll flimkien biex fit-30 ta’ Mejju nibdew kapitlu ġdid għal pajjiżna”
Il-Kap tal-PN Alex Borg jindirizza Mass Meeting fil-Mosta: “Aħna rridu nwettqu l-ħolm tagħkom, imma biex nagħmlu dan irridu naħdmu lkoll flimkien biex fit-30 ta’ Mejju nibdew kapitlu ġdid għal pajjiżna”
Il-Mosta hija ċertifikat ta’ xi jfisser ir-riħ tal-bidla. U llum intom iċ-ċertifikat tat-tama li għandu dan il-pajjiż. It-tama għall-bidla li se tagħti Nifs Ġdid lin-nazzjon, lil Malta tagħna.
Il-poplu Malti u Għawdxi għandu quddiemu għażla ċara: jew jibqa’ miexi fl-istess direzzjoni ta’ instabbiltà, wegħdiet miksura u pajjiż li qed jitlef l-identità tiegħu, jew jagħżel Nifs Ġdid bi Gvern ġdid Nazzjonalista li jisma’, jirrispetta u jpoġġi lin-nies fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni.

Waqt Mass Meeting fil-Mosta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li f’dawn it-tliet ġimgħat ta’ kampanja l-Partit Nazzjonalista għażel li jagħmel ħaġa waħda fuq kollox: jisma’ lin-nies u jwieġeb għal dak li qed jgħidulu. Qal li l-kampanja tal-PN mhijiex mibnija fuq il-biża’, il-mibegħda jew il-propaganda, iżda fuq il-ħajja tan-nies, il-ħolm tagħhom u l-futur ta’ wliedhom.
Hu qal li fl-aħħar ġimgħat sema’ liż-żgħażagħ li qed jaqtgħu qalbhom li se jkunu jistgħu jixtru darhom; lill-anzjani li qed ibatu taħt l-għoli tal-ħajja; lis-self- employed li jħossuhom minsijin. U tul dawn it-tliet ġimgħat ta’ kampanja, il-PN wera lil dawn il-faxex kollha differenti l-viżjoni vera li għandu għal kull wieħed minnhom. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista ma tinteressahx kampanja ta’ tfigħ ta’ tajn u negattività, għax din ma ssarraf f’xejn għan-nies. Minflok qed imexxi kampanja li hi mdawra u ffukata biss fuq in-nies u fuq proposti mmirati biex itejbulhom ħajjithom.

Minkejja dan, ħaddieħor qed imexxi kampanja ta’ tfigħ ta’ tajn u attakki. Hawn sellem lil Conrad Borg Manchè li fl-aħħar ġimgħat għamel pass kuraġġuż u ingħaqad mal-Partit Nazzjonalista, u li għax għamel dan safa taħt attakk koordinat mil-Labour. Alex Borg qal li dan mhu se jintimida lil ħadd u li kull attakk se jsib lill-Partit Nazzjonalista sħiħ jiddefendi lil min irid biss ġid lil pajjiżna.
Il-Kap tal-PN qal li Gvern Nazzjonalista jrid jagħti futur aħjar lin-nies u se jagħmel dan bi programm elettorali li diġà qed juri biċ-ċar it-triq ’il quddiem, fosthom b’niċeċ ġodda bħall-Mediterranean Maritime Fuel Hub.
“Filwaqt li ħaddieħor mitluf f’kampanja ta’ dlam u biża’, aħna qed naħdmu għalik għax irridu nwettqu l-ħolm tiegħek”.
Alex Borg qal li Gvern Nazzjonalista mmexxi minnu se jibni fuq il-viżjoni li dejjem kellhom Gvernijiet Nazzjonalisti billi jiġġenera niċeċ ekonomiċi ġodda li jkun jista’ jgawdi minnhom kull Malti u Għawdxi.
Hu semma ftit mill-proposti tal-PN li tħabbru sa issa:
- Mill-1 ta’ Jannar li ġej jorħsu l-kontijiet tad-dawl b’medja ta’ 30%
- Iktar flus fil-but b’inqas taxxa għalik
- It-taxxa tas-suċċessjoni ma tibqax teżisti. Int ma tħallasx ċenteżmu taxxa meta tiret. Gvern Nazzjonalista jħallilek eluf ta’ ewro f’butek
- L-ewwel ħames snin tax-xogħol taż-żgħażagħ ikunu bla taxxa
- Il-pensjonijiet jogħlew biex l-anzjani jkollhom aktar flus f’idejhom
- Gvern Nazzjonalista jgħin liż-żgħażagħ u lill-first-time buyers billi jagħtihom l-10% depożitu sa massimu ta’ €45,000 u jħallas nofs l-interssi fuq l-ewwel 10 snin
- Gvern Nazzjonalista jsaħħaħ l-identità Maltija b’viżjoni serja fuq il-popolazzjoni wara li ħaddieħor ħadem bla pjan
Alex Borg qal li Gvern Nazzjonalista jrid jaħdem bi pjan serju fil-popolazzjoni meta issa anke dawk stess li ħadmu bla viżjoni fil-popolazzjoni qed jgħidulna li, jekk ma nbiddlux il-mudell ekonomiku, sa ftit snin oħra nofs il-popolazzjoni ta’ Malta tkun barranija.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li llum ninsabu f’elezzjoni bikrija għax Robert Abela ma rnexxilux jagħmel ħames snin jiggverna. Ma rnexxilux jgħaqqad in-nazzjon u lanqas irnexxielu jgħaqqad il-grupp parlamentari tiegħu u allura ddeċieda li jaħseb għalih innifsu. Din hi l-unika raġuni għaliex pajjiżna llum sejjer għal elezzjoni sena qabel żmienha, bl-instabbiltà li din iġġib magħha.
Hu semma kif fl-aħħar ġranet Robert Abela fettillu jibda jitkellem dwar il-wellbeing index: l-istess persuna li faga lil Malta, li mela lil pajjiżna bit-traffiku, li li għabba lis-servizzi b’piżijiet li ma jifilħux, illum qed jitkellem dwar il-wellbeing index. Alex Borg fakkar kif erba’ snin ilu l-Labour kien mela Malta b’billboards li jgħidu li kienu se jonfqu €700 miljun fi spazji miftuħa fosthom f’Bormla u l-Isla, fi Triq Sant’Anna, fil-Ħamrun, fir-Rabat Għawdex, fuq il-mini ta’ Santa Venera, f’Birkirkara u f’San Ġwann. Minn dan kollu Robert Abela ma wettaq xejn u l-ispazji miftuħa baqgħu biss fuq il-billboards.

Il-Kap tal-PN qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jinvesti fi spazji miftuħa madwar il-pajjiż. “Żommuni responsabbli għal din il-kelma. Għax il-kelma tiegħi hija kuntratt magħkom. U l-ispazji miftuħa tagħna mhux se jkunu miksijin biż-żrar, imma bil-ħaxix u s-siġar”.

Hu qal li l-Partit Nazzjonalista jħares lejn il-poplu u jara nies u mhux numri, persuni u mhux statistiċi, u l-viżjoni tal-PN hi waħda li trid tara li kull Malti u Għawdxi jirnexxi.
“Il-wegħda tagħna hi ċara. Aħna rridu nkunu dejjem magħkom. Imma waħedna ma nistgħux nagħmluha. Bikom magħkom se naslu. Aħna l-underdogs imma bis-saħħa tagħkom nistgħu nagħmlu l-ġid għal dan pajjiżna. Dan hu l-mument tagħkom. Pajjiżna qed isejħilna biex nagħtu Nifs Ġdid lil dan in-nazzjon”.

Waqt l-istess Mass Meeting tkellem ukoll Michael Psaila Debono, li wassal messaġġ f’isem ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ li tista’ tgħid kibret taf biss Gvern Laburista, iżda li fit-30 ta’ Mejju għandha s-saħħa tbiddel l-istorja ta’ pajjiżna. Hu qal li l-Labour joffri vouchers u ċekkijiet ta’ qabel l-elezzjoni, waqt li l-Partit Nazzjonalista joffri ġejjieni, tama u viżjoni. Saħaq li ż-żgħażagħ ma jridux politika ta’ quick fixes, iżda politika li taħseb għalihom fit-tul: meta jistudjaw, meta jidħlu fid-dinja tax-xogħol, meta jippruvaw jixtru dar u meta jibnu familja f’Malta.
Michael Psaila Debono qal li Gvernijiet Nazzjonalisti ħallew warajhom legat ta’ viżjoni u kuraġġ: Malta Indipendenti, Malta Ewropea u setturi ekonomiċi ġodda bħall-farmaċewtika, l-iGaming, l-avjazzjoni u s-servizzi finanzjarji. Qal li l-Partit Nazzjonalista, taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg, qed jerġa’ jħares ’il quddiem b’niċeċ ekonomiċi ġodda bħas-settur marittimu. Hu appella b’mod partikolari lil dawk li dejjem ivvutaw Labour biex fit-30 ta’ Mejju jpoġġu lil Malta l-ewwel u jagħżlu futur aħjar għalihom u għal uliedhom.

Tkellmet ukoll Gabriella Farrugia, omm u mara b’karriera, li qalet li l-bilanċ bejn ix-xogħol, il-familja u l-kwalità tal-ħajja ma jistax jibqa’ jitqies bħala lussu, iżda bħala bżonn essenzjali. Hija qalet li ħafna ġenituri, ħaddiema u żgħażagħ illum qed iħossuhom għajjenin, maqbuda bejn ix-xogħol, il-familja u l-ftit ħin liberu li fadlilhom. Sostniet li pajjiż b’saħħtu jibda minn familji b’saħħithom, u li x-xogħol għandu jagħti dinjità u opportunità, iżda l-ħajja ma tistax issir xogħol biss.
Gabriella Farrugia faħħret il-proposti tal-Partit Nazzjonalista favur il-familji, fosthom l-estensjoni tal-maternity leave għal sitt xhur bi ħlas sħiħ, iż-żieda fil-paternity leave, aktar parental leave, leave apposta meta t-tfal ikunu ma jifilħux, aktar remote working u flexible hours, għajnuna lin-nanniet li jgħinu fil-kura tan-neputijiet, it-tneħħija tat-taxxa fuq l-ewwel €10,000 minn overtime jew part-time, u aktar sapport għall-ħaddiema self-employed. Qalet li dawn il-proposti huma investiment fil-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin, biex in-nies mhux biss jaħdmu, iżda jgħixu sew.
Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jippreżenta l-programm elettorali tiegħu għall-elezzjoni tat-30 ta’ Mejju għada t-Tnejn waqt Kunsill Ġenerali li se jitlaqqa’ fid-Dar Ċentrali fis-6.30pm.
17.05.2026





