Malta teħtieġ ekonomija li verament issaħħaħ in-negozji u li ttejjeb il-ħajja tan-nies
AĦBAR

Malta teħtieġ ekonomija li verament issaħħaħ in-negozji u li ttejjeb il-ħajja tan-nies

Waqt laqgħa bejn il-PN u The Malta Chamber, ġie diskuss ukoll l-impatt tal-qtugħ fil-provvista tal-elettriku fuq in-negozji u l-familji. Alex Borg qal li pajjiżna jeħtieġ sistema tal-enerġija effiċjenti u affidabbli, sostnuta minn investiment serju fl-infrastruttura u fl-enerġija li tiġġedded, biex Malta tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq pajjiżi oħra.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg imexxi delegazzjoni tal-PN għal laqgħa ma’ The Malta Chamber – diskussi l-produttività, il-kompetittività u l-kwalità tal-ħajja

Hemm kunsens li Malta teħtieġ mudell ekonomiku ġdid li jkejjel is-suċċess mhux biss miċ-ċifri tat-tkabbir ekonomiku, iżda minn kemm in-negozji qed isiru aktar produttivi, kemm il-pagi qed jitjiebu u kemm il-familji qed igawdu kwalità ta’ ħajja aħjar.

Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt laqgħa li kellu dalgħodu mal-Malta Chamber of Commerce, Enterprise and Industry.

Alex Borg qal li ċ-ċifri tal-Prodott Domestiku Gross mhux dejjem jagħtu stampa sħiħa ta’ kif qed imorru l-ekonomija u n-negozji. Għaldaqstant, pajjiżna jeħtieġ indikaturi li juru b’mod aktar realistiku kemm qed jinħoloq valur, kemm qed jiżdiedu l-pagi u jekk it-tkabbir hux verament qed iwassal għal titjib fil-ħajja tan-nies.

Huwa rrefera għar-rapport LEAD ikkummissjonat minn The Malta Chamber, li jikkonferma kif il-maġġoranza tat-tkabbir fil-Gross Value Added ta’ Malta ġejja miż-żieda fil-popolazzjoni, filwaqt li ż-żieda fil-produttività hija minima.

“Pajjiżna ma jistax jibqa’ jiddependi fuq iż-żieda fil-popolazzjoni biex ikabbar l-ekonomija. Irridu ekonomija bbażata fuq il-produttività, l-innovazzjoni u xogħol li joħloq aktar valur,” qal Alex Borg.

Hu sostna li dan biss jista’ verament jiggarantixxi li n-negozji jibqgħu sostenibbli u jikbru b’mod reali, li l-ekonomija tal-pajjiż tkun fis-sod u li l-kwalità tal-ħajja tan-nies titjieb realment.

Matul il-laqgħa ġie diskuss ukoll l-impatt tal-qtugħ fil-provvista tal-elettriku fuq in-negozji u l-familji. Alex Borg qal li pajjiżna jeħtieġ sistema tal-enerġija effiċjenti u affidabbli, sostnuta minn investiment serju fl-infrastruttura u fl-enerġija li tiġġedded, biex Malta tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq pajjiżi oħra.

Il-konġestjoni tat-traffiku kienet ukoll fost it-temi ewlenin tal-laqgħa. Alex Borg sostna li t-traffiku qed inaqqas il-produttività, iżid l-ispejjeż għan-negozji u jnaqqas il-ħin li l-ħaddiema jistgħu jqattgħu mal-familji tagħhom. Għalhekk, hemm bżonn pjan nazzjonali fit-tul, mibni fuq kunsens politiku, biex il-problema tibda tiġi indirizzata b’mod serju.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-opportunitajiet li joffru l-Intelliġenza Artifiċjali u teknoloġiji ġodda fil-manifattura, li jistgħu jgħinu lin-negozji Maltin jittrasformaw ruħhom, iżidu l-produttività u jibqgħu kompetittivi. Hu qal li pajjiżna jista’ jkun fuq quddiem f’dan il-qasam li jista’ joffri futur sod lil ħafna ħaddiema.

Dwar l-ippjanar, Alex Borg qal li wasal iż-żmien għal reviżjoni tal-Pjani Lokali biex dawn jirriflettu r-realtajiet tal-lum u jipprovdu direzzjoni ċara għall-iżvilupp fil-ġejjieni.

“Ma jistax jibqa’ jkollna żvilupp bla pjan. Irridu żvilupp bi pjan, li jirrispetta l-ambjent, il-komunitajiet u l-kwalità tal-ħajja,” qal Alex Borg.

Min-naħa tagħhom, l-uffiċjali tal-Malta Chamber – li għal-laqgħa mal-Oppożizzjoni kienu mmexxija mill-President William Spiteri Bailey u mis-CEO Marthese Portelli – saħqu li d-djalogu mal-Oppożizzjoni huwa importanti biex il-pajjiż kollu jifhem dik li hi l-viżjoni u l-alternattiva ekonomika li qed joffri l-Partit Nazzjonalista meta jkun fil-gvern.

Il-Malta Chamber sostniet li n-negozji jeħtieġu soluzzjonijiet konkreti u direzzjoni ċara, għaliex l-investiment ma jinbeniex fuq il-kritika iżda fuq il-fiduċja u l-prevedibbiltà.

Hija tenniet is-sejħa tagħha biex Malta tgħaddi minn ekonomija bbażata fuq il-volum għal waħda bbażata fuq il-valur, u minn tkabbir dipendenti fuq il-popolazzjoni għal tkabbir imħaddem mill-produttività.

Il-Malta Chamber qalet li s-suċċess ekonomiku għandu jitkejjel mill-produttività, il-kompetittività, il-benesseri u l-kwalità tal-ħajja. Għal dan il-għan, Malta teħtieġ edukazzjoni moderna, enerġija affidabbli, sistema tal-ġustizzja effiċjenti u istituzzjonijiet b’saħħithom.

Id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista mmexxija mill-Kap tal-PN Alex Borg għal din il-laqgħa li saret fl-uffiċċji ta’ The Malta Chamber fil-Belt kienet tinkludi lill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione u lix-Shadow Ministers Julian Borg, Rebekah Borg, Eve Borg Bonello, Conrad Borg Manché, Darren Carabott, Jerome Caruana Cilia, Ivan Castillo, Adrian Delia, Bernard Grech, Michael Piccinino, Mark Anthony Sammut u Stephen Spiteri.

29.07.2026