Nhar is-Sibt l-għażla hi bejn min ħoloq il-problemi u min qed jiġi quddiemkom bis-soluzzjonijiet
AĦBAR

Nhar is-Sibt l-għażla hi bejn min ħoloq il-problemi u min qed jiġi quddiemkom bis-soluzzjonijiet

Fin-Naxxar, il-Kap tal-PN Alex Borg jiżvela kif il-Gvern ta direzzjoni lill-NSO biex iżomm moħbija l-istatistika tad-dejn waqt li l-Bank Ċentrali Ewropew kixef lil Robert Abela u Clyde Caruana li f’xahar wieħed biss ssellfu biljun ewro

Fin-Naxxar, il-Kap tal-PN Alex Borg jiżvela kif il-Gvern ta direzzjoni lill-NSO biex iżomm moħbija l-istatistika tad-dejn waqt li l-Bank Ċentrali Ewropew kixef lil Robert Abela u Clyde Caruana li f’xahar wieħed biss ssellfu biljun ewro

Kburi li rnexxielna naslu s’hawn flimkien. Għamilna ħafna. Ħdimna ħafna. Ħriġna ħafna proposti. Għandna tim ta’ kandidati b’saħħtu u kburi li nsejħilhom kollegi. Flimkien ejjew nagħtu Nifs Ġdid lil pajjiżna.

Waqt attività politika fin-Naxxar li matulha kienu ppreżentati l-kandidati tal-PN fuq l-10 distrett, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg għamel commitment ċar li l-inċineratur ma jsirx qrib in-Naxxar għax is-saħħa tan-nies tiġi l-ewwel.

Hu sostna li rajna Gvern Laburista li juża l-ambjent biss għall-PR imma ħlief wegħdi li qatt ma twettqu ma rajniex. Għal kull €1 li tonfoq Project Green fuq siġar, tonfoq aktar minn €2 fuq PR u reklami. Iċ-ċertifikat ta’ dan il-Gvern fl-ambjent u l-ispazji miftuħa huwa ż-żrar ta’ Ta’ Qali.

Alex Borg qal li Gvern Nazzjonalista rabat idejh li jara li f’kull lokalità jsir investiment fi spazju miftuħ. U din il-wegħda se jwettaqha.

Il-Kap tal-PN semma l-pjan għal Aesthetic Malta – pjan biex insebbħu lil Malta billi fost l-oħrajn jitneħħew il-wires kollha mdendlin ma’ faċċati u jgħaddu minn taħt l-art. Tkellem ukoll dwar l-iżvilupp u l-bżonn urġenti li jkun hemm pjan serju li jħares ukoll lin-nies minn traġedji. Semma l-wegħda tal-PN li biex ODZ tiċċaqlaq ikun hemm vot ta’ żewġ terzi fil-Parlament.

Hu tkellem dwar l-ekonomija u qal li ekonomija b’saħħitha ma tfissirx awtomatikament li n-nies qed jgħixu aħjar, u għalhekk il-PN fil-programm elettorali tiegħu indirizza kwistjonijiet li mhux bilfors jissarrfu fi flus imma li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Hawn semma wkoll l-importanza ta’ investiment fl-isport li tant hu kruċjali għal ħajja aktar sana u semma l-proposti biex l-atleti jkunu jistgħu jkomplu jimirħu fl-isport tagħhom.

Alex Borg tkellem dwar kif il-Gvern u l-Ministru għall-Finanzi taw direzzjoni lill-uffiċċju tal-istatistika tal-gvern, l-NSO, biex ma jippubblikax l-istatistika li ssoltu toħroġ fi tmiem kull xahar u li turi l-qagħda tad-dejn tal-Gvern, biex taparsi josserva l-jum ta’ riflessjoni lejliet l-elezzjoni. Din hija xi ħaġa li qatt ma ġrat u d-deċiżjoni saħanistra kkonfermaha l-NSO stess fi stqarrija. Imma Robert Abela, qal il-Kap tal-PN, ħaseb li n-nies jinsew, għax fil-fatt erba’ snin ilu l-NSO ippubblika l-istess statistika proprju fil-jum ta’ qabel l-elezzjoni. Il-Kap tal-PN żvela kif il-Bank Ċentrali Ewropew – li m’għandux idejh marbutin minn Robert Abela – fl-aħħar sigħat kixef kif is-self tal-Gvern fl-aħħar ta’ April laħħaq it-12 il-biljun ewro u li fl-aħħar xahar, jiġifieri bejn Marzu u April biss, f’xahar wieħed il-Gvern Laburista ssellef rekord ta’ biljun ewro. Mhux ta’ b’xejn li Robert Abela jrid jaħbi l-istatistika, qal Alex Borg. Robert Abela – li tant jitkellem dwar kredibbiltà, u l-Ministru Clyde Caruana – li kabbar l-ekonomija bl-importazzjoni tal-ħaddiema – dejnuna elf miljun ewro f’xahar. Dejn li se jibqa’ jaqa’ fuq il-ħaddiem Malti, is-self-employed u s-sidien tan-negozji.

Il-Kap tal-PN fakkar kif Clyde Caruana huwa l-istess Ministru li qed jgħidilna li fi ftit snin il-popolazzjoni ta’pajjiżna se tilħaq it-800,000 imma ma ħareġ bl-ebda soluzzjoni għall-problema li ħoloq hu stess.

Din, qal Alex Borg, hija l-kredibbiltà. Din hi d-differenza bejn dak li qed joffri l-Partit Laburista u l-viżjoni ċara tal-Partit Nazzjonalista li qed jiġi quddiem il-poplu bi pjan ċar għall-popolazzjoni u għall-ġejjieni ta’ pajjiżna.

“Dik hi l-għażla li għandkom quddiemkom nhar is-Sibt. Bejn min ħoloq il-problemi u min qed jiġi quddiemkom bi pjan biex int tgħix aħjar. Flimkien nhar is-Sibt ejjew nagħtu Nifs Ġdid lil Malta u Għawdex”.

Tul din l-attività għamlu wkoll l-interventi tagħhom is-16-il kandidat tal-Partit Nazzjonalista li se jikkontestaw fuq l-10 distrett.

Fid-diskors tagħha Janice Abela Chetcuti rreferiet għall-politika bħala l-mument li jagħmel lil uliedha kburin b’pajjiżhom. Hi qalet li l-Partit Nazzjonalista ilu s-snin ikun Oppożizzjoni proattiva u ma bediex jaħdem erba’ ġimgħat ilu u qed jaħdem għan-nies kif ukoll għall-annimali. Hi qalet li l-entużjażmu li ġab miegħu Alex Borg kompliet tħeġġeġ lill-kandidati tal-PN ikomplu jaħdmu biex jagħtu Nifs Ġdid lill-Maltin u l-Għawdxin.

Joe Aquilina rringrazzja lill-Partit Nazzjonalista tal-fiduċja li wera fih u lill-kandidati kollha għall-ħidma tagħhom. Hu qal li Alex Borg qed jispira ħafna nies u żgħażagħ u qed joffri tama ġdid lill-pajjiż. Stqarr li hu fehem li biex iwettaq politika tajba jrid jisma’ u jifhem lin-nies l-ewwel u qabel kollox. Tul il-kampanja sema’ messaġġi ta’ kuraġġ u oħrajn ta’ nies li qed ibatu u għalhekk kburi li għażel li jipprova jservi. Jekk in-nies jifhmu li l-vot tagħhom jista’ jagħmel id-dfferenza, ikun possibbli li nagħtu lil Malta Nifs Ġdid.

Graziella Attard Previ qalet li hi trabbiet u għexet dejjem fil-lokalitajiet tal-10 distrett u għalhekk tifhem sew x’inhuma l-isfidi tar-residenti. Hi semmiet fost l-oħrajn l-iżvilupp bla pjan, iż-żieda fil-popolazzjoni u  t-traffiku. Hi sostniet li Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jerġa’ jagħti prijorità lil-lokalitajiet. Hi qalet li kemm damet isservi fil-Parlament Malti ħadmet bis-sħiħ għall-ġustizzja soċjali, fosthom b’ħidma fuq il-work-life balance. Hi ħeġġet lil kulħadd biex nhar is-Sibt jivvota biex Alex Borg u l-PN jagħtu Nifs Ġdid lill-pajjiż.

Graham Bencini qal li dawn il-jumejn ikkonfermaw li l-Gvern Laburista hu gvern tal-ħabi. Ilbieraħ Robert Abela inkixef li kellu rapport f’idejh li juri li l-proġett tat-trasport tal-massa propost mill-PN jista’ jsir f’ħames snin. Illum niskopru li l-Gvern żamm l-istatistika li suppost ħarġet dil-ġimgħa dwar il-finanzi tal-Gvern. Dan kollu jikkonferma kemm il-Gvern Laburista jrid jaħbi min-nies. Fuq in-naħa l-oħra għandek Partit Nazzjonalista b’viżjoni friska u b’kap żagħżugħ b’direzzjoni ċara. Hu qal li fl-aħħar snin ħadem bis-sħiħ mill-Parlament u wiegħed li jekk jingħata l-fiduċja jaħdem b’aktar esperjenza u aktar enerġija minn qatt qabel.

David Bonello qal li ħaddieħor jgħid li l-PN baħħ, imma fost il-kandidati tal-PN hemm għażla mill-aqwa ta’ professjonisti. Hu qal li min irid jgħid li l-PN baħħ għamel kampanja sħiħa jattakka l-proposti tal-PN u baqa’ bla viżjoni. Sostna li minkejja l-attakki tal-Labour fuq il-proposti b’saħħithom tal-PN, hu jinsab ċert li n-nies qed jifhmu kemm dawn il-proposti jistgħu jagħtuhom Nifs Ġdid. Hu ħeġġeġ biex nhar is-Sibt kulħadd jagħmel dmiru u jivvota lill-kandidati tal-PN.

Eve Borg Bonello sostniet li kien hemm min ħaseb li se jaqbad lill-Partit Nazzjonalista fuq sieq waħda meta sejjaħ elezzjoni bikrija. Imma fil-fatt sab Partit Nazzjonalista ppreparat u lest biex imexxi lil dan il-pajjiż ’il quddiem. Hi sostniet li dawk il-ħames sekondi li għandna biex nivvutaw nhar is-Sibt jistgħu jagħtu direzzjoni ġdida lil Malta. Hija qalet li dawn l-erba’ snin li serviet tawha mill-Parlament kienu erba’ snin ta’ ħidma u sostniet li tixiteq tkompli sservi lill-pajjiż. Hi qalet li l-Maltin dejjem fehmu li minkejja li aħna żgħar nistgħu niksbu ħafna u sostniet li nhar is-Sibt nisgtħu nagħtu lil Malta Nifs Ġdid.  

Conrad Borg Manché irringrazzja lil kulħadd tal-merbħa li ngħata fil-Partit Nazzjonalista. Hu qal li l-10 distrett jagħti kontribut kbir ħafna lill-ekonomija tal-pajjiż, iżda, minkejja dan, fl-aħħar 13-il sena ma sar kważi l-ebda investiment f’dan id-distrett. Hu qal li r-residenti ta’ dawn il-lokalitajiet jiffaċċjaw sfidi akbar minn dawk f’irħula oħra, anke fl-aktar affarijiet bażiċi bħall-bankini. Hu qal li pajjiżna għandu bżonn bidla u appella biex nhar is-Sibt kulħadd jagħti l-fiduċja lill-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Alex Borg biex flimkien nagħtu Nifs Ġdid lil Malta u Għawdex.

Fid-diskors tiegħu Albert Buttigieg semma kif wara li serva bħala Sindku f’San Ġiljan, fl-aħħar snin hu serva fil-Parlament. Hu qal li dejjem emmen fil-politika għall-ħafna u mhux għall-ftit. Hu qal li jemmen li l-ġid komuni hu mibni fuq governanza tajba – xi ħaġa li fl-aħħar snin marret il-baħar. Hu għalhekk li l-PN għandu diversi proposti f’dan il-qasam. Fosthom li l-membri parlamentari jiddikkjaraw l-assi tagħhom, li jkun hemm l-obbligu li tiddikjara minn fejn ksibt ġidek u li r-rakkomandazzjonijiet mill-inkjesti pubbliċi ta’ Daphne Caruana Galizia u Jean Paul Sofia jitwettqu. Hu appella għal vot lill-Partit Nazzjonalista nhar is-Sibt.

Errol Cutajar sellem lil dawk li ma jistgħux jattendu għall-attivitajiet għax jaħdmu mal-gvern, imma qed isegwu mill-qrib dak li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista. Hu qal li f’dar li żar sab żagħżugħ li qallu li l-politiċi jaħsbu li ż-żgħażagħ ma jindirizzawx il-bżonnijiet tagħhom u mistoqsi x’qed jistudja ż-żagħżugħ qal li qed jistudja biex jaħdem fil-qasam tas-saħħa. Hawn hu qallu li Gvern Nazzjonalista qed jaħseb f’min qed jistudja fis-saħħa u fl-istudenti kollha. Hu qal li rrid ikollna l-fiduċja li wara nhar is-Sibt se jkollna gvern ġdid immexxi minn Alex Borg.

Graziella Galea sostniet li kien privileġġ għaliha li fl-aħħar erba’ snin serviet lin-nies ta’ dan id-distrett. Hi qalet li f’dan id-distrett kien hemm numru ta’ persuni li taw kontribut siewi lil pajjiżna – Ċensu Tabone, George Bonello Dupuis, Michael Refalo, Robert Arrigo u Karl Gouder. Hi sellmet ukoll lil Louis Deguara u lis-Sindku Chris Deguara. Hi qalet li fl-aħħar snin ħadmet bis-sħiħ fl-inklużjoni u l-volontarjat – żewġ setturi għal qalb il-PN, kif ukoll fil-qasam tal-konsumatur, u hawn semmiet il-ħidma tal-PN biex iwaqqaf is-serqa tal-eko-riduzzjoni mill-kontijiet tad-dawl. Hi appellat għall-appoġġ lill-PN għal Nifs Ġdid għal Malta.

Ray Gatt qal li l-enerġija tan-nies timlieh bil-kuraġġ. Hu qal li d-deċiżjoni li jservi għamilha għax ħass li pajjiżna għandu bżonn bidla. Sostna li bħala kandidat tal-PN jara ħafna xebh bejn il-professjoni tiegħu fis-saħħa u l-politika. It-tnejn jinvolvu l-kuntatt man-nies, li tisma’ u tifhem u li toffri soluzzjoni. Hu qal li fis-saħħa ta’ pajjiżna hemm ħafna xi jsir u  kien ukoll għalhekk li aċċetta l-istedina ta’ Alex Borg li jkun kandidat tal-PN. Semma numru ta’ proposti li qed iressaq il-PN fil-programm elettorali tiegħu. Hu qal li n-nies jixirqilhom jgħixu f’pajjiż aktar b’saħħtu u appella biex nibqgħu nikkonvinċu lil min għadu indeċiż biex nhar is-Sibt nagħtu ġejjieni aħjar lil pajjiżna u lill-poplu tagħna.

Marilena Gauci qalet li lil hinn minn kull riċerka u kull numru hemm in-nies. Persuni li għandhom il-ħolm tagħhom, il-bżonnijiet, l-aspirazzjonjiet tagħhom. Hija qalet li l-ħafna proposti tal-Partit Nazzjonalista f’kull qasam jagħtu kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin – kemm dawk fl-edukazzjoni, fis-saħħa, fl-ekonomija, għall-familji, għall-anzjani, għaż-żgħażagħ u għall-ħaddiema. Hi rringrazzjat lil kull min qed jappoġġjaha u qed jappoġġja lill-Partit Nazzjonalista u qalet li jekk tingħata l-fiduċja se taħdem b’ħilitha kollha għan-nies.

Joe Giglio ddeskriva din l-elezzjoni bħala waħda fundamentali għal pajjiżna. L-għażla quddiemna hi li jew inkomplu kif konna sejrin fl-aħħar snin b’ekonomija bla pjan imsejsa biss fuq l-importanzzjoni ta’ ħaddiema u li kissret l-ifnrastrututtura u ġabet magħha tant diffikultajiet, jew inkella inbiddlu d-direzzjoni b’ekonomija li tkattar il-ġid mingħajr ma tfarrak lill-pajjiż u lill-poplu, b’niċeċ ekonomiċi ġodda li ma jżidux il-piżijiet fuq in-nies. Hu sostna li l-PN għandu track record straordinarju fil-ħolqien ta’ niċeċ ekonomiċi li ħolqu ħafna ġdid u gvern ġdid immexxi minn Alex Borg se jerġa’ joħloq ġid għal kulħadd.

Noel Muscat qal li s-siegħa tal-prova waslet u nhar is-Sibt li ġej irridu nagħżlu jekk nibqgħux imwaħħlin fejn qegħdin bla direzzjoni, jew nagħżlu li nimxu ‘l quddiem bi gvern ġdid immexxi minn Alex Borg li se jagħti Nifs Ġdid. Hu qal li l-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista qed joffri pjan sod li qed ifassal futur aktar b’saħħtu u aktar dejjiemi għal pajjiżna u għall-poplu tagħna. Hu qal li l-lokalitajiet tad-disa’ u l-10 distrett tħallew għal riħhom minn dan il-Gvern u jixirqilhom ferm aħjar. Temm jgħid li hu qiegħed jiġi quddiem in-nies biex iservi u biex ikun parti minn gvern li jrid jagħti direzzjoni ġdida lill-pajjiż.

Mark Anthony Sammut rrefera għall-pjan tal-PN għat-trasport u biex jibda jsolvi l-pjaga tat-traffiku fl-ewwel ħames snin. Hu qal li fil-preżentazzjoni ngħataw id-dettalji tal-proġett u minnufih Robert Abela qal li dan kien proġett impossibbli. Din kienet ir-reazzjoni tal-Labour għal kull proposta tal-PN. Imma issa rapport kixef kif Robert Abela kien jaf li dan il-proġett seta’ jsir. Din turi d-differenza bejn Alex Borg li żera’ t-tama u l-pożittività u Robert Abela li żera’ l-biża’ u n-negattività. Hu qal li min qal li l-PN baħħ ħalla podium baħħ flok mar jiddibatti ma’ Robert Abela. Hu qal li l-għażla hi bejn min irid iwettaq u min irid iżomm kollox kif inhu. Aħna lesti. Jonqos biss inti li nhar is-Sibt, flimkien magħna, tagħti Nifs Ġdid lil Malta.

Rachel Williams qalet li l-governanza mhix buzzword imma ħtieġa biex kull wieħed u waħda minna nieħdu dak li ħaqqna. Il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem biex jippreżenta politika nadifa u li tkun accountable quddiem il-poplu. Hija qalet li Alex Borg se jmexxi gvern li jara li kull politiku jagħti rendikont ċar quddiem il-poplu dwar l-assi tiegħu u dwar l-użu tal-fondi pubbliċi kollha, biex il-poplu jkun jaf eżatt kif qed jintużaw flusu. Dan, qalet, hu kuntratt li qed jagħmlu l-kandidati tal-PN mal-poplu fuq il-proposti studjati. Hi appellat għall-appoġġ lill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista biex, immexxija minn Alex Borg, jagħtu Nifs Ġdid lil Malta.

Il-kampanja elettorali Nifs Ġdid tal-PN tiġi fi tmiemha għada l-Ħamis bil-Mass Festival fil-Park & Ride ta’ Pembroke.

27.05.2026

Ara l-istqarrija tal-Bank Ċentrali Ewropew li turi kif is-self tal-Gvern Malti fl-aħħar ta’ April kien jammonta għal kważi €12-il biljun, b’żieda rekord ta’ biljun ewro f’xahar hawn