Nifs Ġdid għas-sigurtà tal-familji u għall-Korpi Dixxiplinati
Alex Borg iħabbar 12-il proposta konkreta biex jissaħħu l-Korpi Dixxiplinati, jerġgħu jinfetħu l-għases u l-familji Maltin u Għawdxin jgħixu b’aktar serħan il-moħħ
linati, jerġgħu jinfetħu l-għases u l-familji Maltin u Għawdxin jgħixu b’aktar serħan il-moħħ
Is-sigurtà mhix lussu, iżda dritt fundamentali ta’ kull familja Maltija u Għawdxija. Għalhekk Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti prijorità nazzjonali lis-sigurtà tal-pajjiż, billi jinvesti fil-ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati, isaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità u jerġa’ jagħti serħan il-moħħ lill-familji tagħna.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg flimkien mal-kandidat tal-PN Darren Carabott, preżenta 12-il proposta bbażati fuq il-viżjoni ta’ Nifs Ġdid għall-Korpi Dixxiplinati.

Alex Borg beda billi sellem lill-ħaddiema kollha li jservu fil-Forzi tal-Ordni u fil-Korpi Dixxiplinati, li ta’ kuljum jagħtu servizz essenzjali lill-pajjiż u, f’ċerti ċirkostanzi, saħansitra jqiegħdu ħajjithom fil-periklu. Hu qal li dawn il-ħaddiema għandhom vokazzjoni li jservu lill-pajjiż, iżda ħafna minnhom qed iħossu qtigħ il-qalb minħabba nuqqas ta’ appoġġ, kundizzjonijiet li jridu jitjiebu u sistema li mhux dejjem tagħtihom ir-riżorsi meħtieġa biex jaqdu dmirhom bl-aħjar mod.
Il-Kap tal-PN qal li, għalkemm Malta dejjem kienet magħrufa bħala pajjiż sigur, illum ħafna familji qed jinnotaw li ċertu problemi qed jikbru quddiem għajnejhom. Huwa rrefera għall-ħħar Annual Crime Review ippubblikat mill-Gvern stess, li juri li:
- Reati vjolenti żdiedu minn 344 każ fl-2024 għal 383 każ fl-2025
- Każijiet ta’ serq bl-armi żdiedu fuq l-2024
- Is-serq ta’ karozzi tela’ minn 209 każ fl-2024 għal 309 każ fl-2025
- Każijiet marbuta mat-traffikar tad-droga żdiedu b’111%
Alex Borg qal li wara kull numru hemm persuna, familja, storja u vittma. Hu qal li l-għan tal-Partit Nazzjonalista hu li jsaħħaħ il-familji Maltin u Għawdxin billi jerġa’ jagħtihom is-serħan il-moħħ li jgħixu f’pajjiż sigur.

Gvern ġdid Nazzjonalista jinvesti bis-sħiħ fil-ħaddiema, fl-infrastruttura u fir-riżorsi tal-Korpi Dixxiplinati. Dan jinkludi titjib fil-pagi u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, tisħiħ tas-sigurtà tagħhom u miżuri konkreti biex il-pajjiż jattira u jżomm l-aqwa talent fi ħdan il-Korpi Dixxiplinati.
It-12-il propost mħabbra huma:
- Nirrikonoxxu u napprezzaw il-kontribut siewi tal-membri kollha fil-Korpi Dixxiplinari, filwaqt li nibqgħu impenjati li ntejbu l-pagi tagħhom, insaħħu s-sigurtà tagħhom, intejbu l-kundizzjonijiet ax-xogħol u ngħollu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.
- L-introduzzjoni ta’ skema ta’ paga u pensjoni għal dawk il-membri tal-Korpi Dixxiplinati li jagħżlu li jibqgħu jservu wara 25 sena servizz. Dawn il-membri jkunu jistgħu, flimkien mal-paga, jibdew jirċievu wkoll il-pensjoni tas-servizz, b’dan il-benefiċċju jibqa’ jgħodd sa massimu ta’ 10 snin minn meta jkunu laħqu l-perjodu ta’ 25 sena servizz.
- Il-pensjoni tas-servizz tal-membri rtirati tal-Korpi Dixxiplinati togħla kull sena biex tkun allinjata maż-żminijiet u mar-rank li l-membru kien jokkupa meta rtira. Din tkun ekwivalenti għal żewġ terzi tal-paga attwali tar-rank partikolari li l-membru jkun irtira bih.
- Jiġi introdott aġġustament annwali għall-għoli tal-ħajja fil-pensjoni tas-servizz għall-bqija tal-ħajja ta’ kull membru tal-Korpi Dixxiplinati li jirtira wara 25 sena servizz
- Jiġu indirizzati inġustizzji li seħħew ma’ membri tal-Korpi Dixxiplinati matul is-snin. Dawk kollha li sofrew xi forma ta’ inġustizzja fuq xogħolhom ikunu mismugħa minn bord indipendenti, sabiex l-ilmenti tagħhom jiġu indirizzati u jingħata rimedju jew kumpens fejn ikun mistħoqq.
- Tkun introdotta skema biex jitħajru jidħlu lura eks membri tal-Korpi Dixxiplinati li ma baqgħux fis-servizz. Din il-miżura tindirizza lil dawk li fil-passat ħassewhom imweġġgħin jew qatgħu qalbhom, sabiex l-esperjenza tagħhom tinġieb lura fis-servizz tal-pajjiż.
- Jerġgħu jinfetħu l-għases fil-lokalitajiet.
- Isir xogħol ta’ rinnovar f’dawk l-għases li għandhom bżonn biex ikollhom ambjent, għodda u riżorsi aħjar biex jaħdmu. Dan hu mod konkret kif jingħata lura r-rispett lill-Pulizija u jiġu inkoraġġiti f’ħidmiethom.
- Isir investiment strateġiku fl-immodernizzar tal-kapaċitajiet tal-Forzi Armati ta’ Malta. Il-Forzi Armati jridu jkunu lesti għal ambjent ta’ sigurtà dejjem aktar kumpless, b’investiment f’teknoloġija moderna, taħriġ u riżorsi adegwati, b’enfasi fuq oqsma bħas-cyber security, id-difiża nazzjonali, ir-rispons għall-emerġenzi u s-search and rescue.
- Fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Gvern ġdid Nazzjonalista jimplimenta politika ta’ dixxiplina b’dinjità, fejn iż-żmien ta’ detenzjoni, minbarra li jservi ta’ deterrent, jiffoka fuq ir-riabilitazzjoni u r-riforma tal-persuna. Dan jinkludi opportunitajiet ta’ studju u xogħol fil-komunità għal min ikun qed jiskonta sentenzi ta’ ħabs għal ċerti reati, b’mod partikolari għar-riforma taż-żgħażagħ.
- Ninvestu fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili permezz ta’ sistema diġitali ta’ blueprints tal-binjiet f’Malta, sabiex f’każijiet ta’ emerġenza l-ħaddiema jkollhom aċċess immedjat għall-pjanti korretti tas-sit u jkunu jistgħu jagħtu servizz aktar effettiv u sigur.
- Tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga permezz ta’ infurzar intelliġenti u investiment f’teknoloġija avvanzata fil-portijiet u sistemi li jgħassu t-traffikar biex jinqatgħu n-netwerks kriminali. Dawn il-miżuri jiffukaw fuq it-traffikanti u l-kriminalità organizzata, filwaqt li jsir investiment akbar fi programmi edukattivi għall-prevenzjoni u fir-riabilitazzjoni tal-vittmi tad-droga.
Darren Carabott qal li b’dawn il-proposti għall-Korpi Dixxiplinati, Gvern Nazzjonalista jrid mhux biss juru l-apprezzament tal-pajjiż kollu lil dawn il-persuni għas-servizz li jagħtu, imma jrid ukoll iserraħ moħħ kulħadd billi jsaħħaħ is-servizzi tas-sigurtà f’pajjiżna. It-titjib fil-pagi ta’ dawn l-uffiċjali jrid itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawn il-ħaddiema.
Il-Paga Pensjoni se tiżgura li l-Korpi ma jitilfux uffiċjali ta’ esperjenza wara 25 sena. It-titjib fil-kundizzjonijiet se jara li jattira aktar persuni fil-Korpi Dixxiplinati u jħeġġu lil min diġà għandu l-esperjenza biex jibqa’ jservi filwaqt li t-titjib fil-pensjonijiet mhux biss itejjeb il-ħajja ta’ uffiċjali pensjonanti imma jħeġġeġ ukoll lil dawk li għadhom fis-servizz. Il-ftuħ tal-għases fil-lokalitajiet huwa kruċjali għal sens ta’ sigurtà fl-ibliet u rħula u r-rinnovar u l-għotja tar-riżorsi tagħmel ix-xogħol tal-uffiċjali eħfef u aktar komdu. Il-Forzi Armati ta’ Malta jeħtiġilhom investiment serju biex jiġu relevanti għar-realtajiet tal-lum, filwaqt li f’Kordin hemm bżonn riforma biex din il-faċilità verament tgħin fir-riabilitazzjoni tal-persuni. U t-tisħiħ tal-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga huwa kruċjali biex inħarsu s-saħħa tan-nies.
Il-Partit Nazzjonalista jrid pajjiż fejn il-familji jgħixu b’mod sigur, fejn issir ġustizzja u fejn l-ommijiet u l-missirijiet jerġgħu jħossuhom komdi jħallu lil uliedhom jilagħbu barra jew jimxu filgħaxija b’serħan il-moħħ.
“Is-sigurtà mhix lussu. Hija dritt fundamentali ta’ kull familja Maltija u Għawdxija. U jiena nemmen li flimkien nistgħu nerġgħu nibnu pajjiż fejn in-nies iħossuhom siguri,” qal Alex Borg.
12.05.2026
