Agrikoltura u Sajd

Sigurtà tal‐Ikel bl‐għelieqi u l‐baħar li jdawwarna

Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minn Alex Borg isostni l‐ħidma tal‐bdiewa, ir‐raħħala u s‐sajjieda b’kull mod possibbli. Dawn il‐ħaddiema li għandhom xogħol ta’ tbatija huma strumentali biex jibqa’ jkollna prodott Malti ġenwin, li bħala kosumaturi nsibuh fis‐suq u fl‐istess waqt bil‐ħidma tagħhom iħarsu l‐ambjent.

Irridu Malta aktar preparata, fejn is‐sigurtà tal‐ikel u tal‐ilma jitqiesu bħala pilastri tas‐sigurtà nazzjonali. Dan ifisser appoġġ konkret lill‐bdiewa, lir‐raħħala u lis‐sajjieda, biex ikollhom dħul li jirrifletti l‐ħidma li jagħmlu, aċċess għall‐art, teknoloġija moderna, taħriġ, infrastruttura aħjar u swieq aktar b’saħħithom għall‐prodott Malti kemm Malta kif ukoll barra.

Pjan ta' Azzjoni Settur li jirrendi għall‐bdiewa, raħħala u sajjieda

Id‐direzzjoni u l‐ħidma ta’ Gvern immexxi mill‐Partit Nazzjonalista għandha skopjiet ċari: reżiljenza inkluż fis‐setturi agrikoltura u sajd biex Malta tkun aktar preparata quddiem xokkijiet globali, tibdil fil‐klima, pressjonijiet fuq ir‐riżorsi u interruzzjonijiet fil‐provvista. Is‐sigurtà tal‐ikel u tal‐ilma inqisuhom bħala prijorità nazzjonali u pilastru tal‐kwalità tal‐ħajja.

Din il‐ħidma tibda b’appoġġ konkret lill‐produttur Malti. Irridu settur primarju li jkun vijabbli ekonomikament u li fl‐istess ħin iħares il‐pajsaġġ, il‐ħamrija, il‐baħar u l‐identità rurali u kostali tagħna.

Fil‐qalba ta’ dan il-pjan npoġġu l‐ilma. Nespandu l‐użu tan‐New Water, insaħħu l‐ħażna u l‐ħsad tal‐ilma tax‐xita, ninvestu f’irrigazzjoni u nnaqqsu l‐ħela permezz ta’ infrastruttura u teknoloġija aħjar. F’pajjiż b’art limitata u nieqes mir‐riżorsi naturali, kull qatra trid tintuża b’għaqal.

Nibnu wkoll katina tal‐ikel aktar ġusta, trasparenti u viċin il‐konsumatur. Nagħtu aktar valur lill‐prodott Malti, intejbu t‐traċċabbiltà, u nżidu l‐fiduċja tal‐konsumatur.

Aktar Proposti

Dħul ġust għall‐bdiewa u katina tal‐ikel b’saħħitha

03. Qafas nazzjonali għal prezz ġust lill‐produttur

Nistabbilixxu mekkaniżmu nazzjonali li jkejjel l‐ispiża reali tal‐produzzjoni għal prodotti strateġiċi u joħroġ kejl indikattiv ta’ prezz ġust. Fi żmien sentejn, dan għandu jintuża fil‐kuntratti, fl‐akkwist pubbliku u fin‐negozjati mal‐koperattivi biex il‐bidwi ma jbigħx b’ inqas mill‐ammont tal‐ispiża.


04. Kuntratti miktuba obbligatorji għall‐prodotti ewlenin

Niżguraw li l‐kuntratti bejn il‐produtturi, min jipproċessa l‐ikel u x‐xerrejja ewlenin ikunu obbligatorji, ċari u bil‐quddiem, fir‐rigward tal‐ħalib, il‐laħam, il‐ħaxix u l‐frott. Il‐kuntratti jridu jinkludu formola trasparenti dwar il‐prezz, il‐kwalità, il‐volumi, il‐ħlas u r‐reviżjoni meta jinbidlu l‐ispejjeż tal‐inputs.


05. Osservatorju Malti tal‐Katina tal‐Ikel

Noħolqu Osservatorju li jippubblika data regolari fuq il‐prezzijiet u l‐ispejjeż fil‐katina tal‐ikel. Fi żmien tliet snin, il‐bdiewa u l‐konsumaturi jkollhom stampa aktar ċara dwar fejn qed jinħoloq il‐valur, u l‐Gvern ikun jista’ jintervjeni kontra prattiċi inġusti b’mod li jkun ibbażat fuq l‐evidenza.


06. Aktar saħħa lill‐koperattivi u lill‐għaqdiet tal‐produtturi

Nagħtu inċentivi fiskali u amministrattivi biex aktar bdiewa u sajjieda jingħaqdu f’koperattivi moderni. Il‐koperattivi jingħataw appoġġ legali, diġitali u kummerċjali biex jinnegozjaw aħjar, inaqqsu l‐ispejjeż u jtejbu l‐poter tagħhom fis‐suq.


07. Procurement pubbliku favur il‐prodott Malti ta’ kwalità

Fil‐canteens pubbliċi, l‐isptarijiet, l‐iskejjel u d‐djar tal‐anzjani nippromwovu x‐xiri tal‐prodotti lokali meta dan ikun possibbli u skont ir‐regoli. Nżidu sostanzjalment il‐preżenza tal‐ikel Malti frisk u staġunali fil‐menù pubbliku.


08. Tikketta waħda “Prodott Malti Verifikat”

Nintroduċu skema waħda ta’ tikkettar u verifika tal‐oriġini, bil‐kontrolli meħtieġa u standards tal‐kwalità. Il‐konsumatur ikun jista’ jagħraf biċ‐ċar x’inhu prodott, imkabbar jew ipproċessat Malta u x’inhu importat, b’aktar fiduċja fis‐suq.


09. Laboratorju ta’ traċċabbiltà xjentifika

Ninvestu fi sħubija mal‐Università ta’ Malta biex nibnu sistema ta’ “fingerprinting” isotopiku għall‐ħalib, il‐ġobon, il‐laħam u l‐għalf. Malta jkollha għodda xjentifika biex tipproteġi l‐awtentiċità tal‐prodott tagħha u tnaqqas il‐frodi fil‐katina tal‐ikel.


10. Kampanja nazzjonali “Ixtri l‐Malti, Kul Aħjar”

Inniedu kampanja permanenti ta’ edukazzjoni u promozzjoni tal‐prodott lokali, marbuta mal‐istaġunalità, in‐nutrizzjoni u l‐appoġġ lill‐komunitajiet rurali. Il‐mira hi li nżidu d‐domanda għall‐prodott Malti ċċertifikat u nnaqqsu d‐dipendenza fuq l‐importazzjoni fejn nistgħu.

kontenut

Dħul ġust għall‐bdiewa u katina tal‐ikel b’saħħitha

Dħul ġust għall‐bdiewa u katina tal‐ikel b’saħħitha

03. Qafas nazzjonali għal prezz ġust lill‐produttur

Nistabbilixxu mekkaniżmu nazzjonali li jkejjel l‐ispiża reali tal‐produzzjoni għal prodotti strateġiċi u joħroġ kejl indikattiv ta’ prezz ġust. Fi żmien sentejn, dan għandu jintuża fil‐kuntratti, fl‐akkwist pubbliku u fin‐negozjati mal‐koperattivi biex il‐bidwi ma jbigħx b’ inqas mill‐ammont tal‐ispiża.


04. Kuntratti miktuba obbligatorji għall‐prodotti ewlenin

Niżguraw li l‐kuntratti bejn il‐produtturi, min jipproċessa l‐ikel u x‐xerrejja ewlenin ikunu obbligatorji, ċari u bil‐quddiem, fir‐rigward tal‐ħalib, il‐laħam, il‐ħaxix u l‐frott. Il‐kuntratti jridu jinkludu formola trasparenti dwar il‐prezz, il‐kwalità, il‐volumi, il‐ħlas u r‐reviżjoni meta jinbidlu l‐ispejjeż tal‐inputs.


05. Osservatorju Malti tal‐Katina tal‐Ikel

Noħolqu Osservatorju li jippubblika data regolari fuq il‐prezzijiet u l‐ispejjeż fil‐katina tal‐ikel. Fi żmien tliet snin, il‐bdiewa u l‐konsumaturi jkollhom stampa aktar ċara dwar fejn qed jinħoloq il‐valur, u l‐Gvern ikun jista’ jintervjeni kontra prattiċi inġusti b’mod li jkun ibbażat fuq l‐evidenza.


06. Aktar saħħa lill‐koperattivi u lill‐għaqdiet tal‐produtturi

Nagħtu inċentivi fiskali u amministrattivi biex aktar bdiewa u sajjieda jingħaqdu f’koperattivi moderni. Il‐koperattivi jingħataw appoġġ legali, diġitali u kummerċjali biex jinnegozjaw aħjar, inaqqsu l‐ispejjeż u jtejbu l‐poter tagħhom fis‐suq.


07. Procurement pubbliku favur il‐prodott Malti ta’ kwalità

Fil‐canteens pubbliċi, l‐isptarijiet, l‐iskejjel u d‐djar tal‐anzjani nippromwovu x‐xiri tal‐prodotti lokali meta dan ikun possibbli u skont ir‐regoli. Nżidu sostanzjalment il‐preżenza tal‐ikel Malti frisk u staġunali fil‐menù pubbliku.


08. Tikketta waħda “Prodott Malti Verifikat”

Nintroduċu skema waħda ta’ tikkettar u verifika tal‐oriġini, bil‐kontrolli meħtieġa u standards tal‐kwalità. Il‐konsumatur ikun jista’ jagħraf biċ‐ċar x’inhu prodott, imkabbar jew ipproċessat Malta u x’inhu importat, b’aktar fiduċja fis‐suq.


09. Laboratorju ta’ traċċabbiltà xjentifika

Ninvestu fi sħubija mal‐Università ta’ Malta biex nibnu sistema ta’ “fingerprinting” isotopiku għall‐ħalib, il‐ġobon, il‐laħam u l‐għalf. Malta jkollha għodda xjentifika biex tipproteġi l‐awtentiċità tal‐prodott tagħha u tnaqqas il‐frodi fil‐katina tal‐ikel.


10. Kampanja nazzjonali “Ixtri l‐Malti, Kul Aħjar”

Inniedu kampanja permanenti ta’ edukazzjoni u promozzjoni tal‐prodott lokali, marbuta mal‐istaġunalità, in‐nutrizzjoni u l‐appoġġ lill‐komunitajiet rurali. Il‐mira hi li nżidu d‐domanda għall‐prodott Malti ċċertifikat u nnaqqsu d‐dipendenza fuq l‐importazzjoni fejn nistgħu.

Tiġdid ġenerazzjonali u art għall‐biedja

Tiġdid ġenerazzjonali u art għall‐biedja

11. “Starter Pack” għall‐bdiewa żgħażagħ u ġodda

Noħolqu pakkett wieħed għall‐bdiewa taħt l‐40 sena u għal min jidħol ġdid fis‐settur li jkun jinkludi: għajnuna għall‐bidu, self b’rata vantaġġuża, mentorship u assistenza teknika. Sa tmiem il‐leġiżlatura, il‐mira hi li nkabbru b’mod tanġibbli n‐numru ta’ bdiewa żgħażagħ attivi f’Malta u Għawdex.


12. Bank nazzjonali tal‐art agrikola

Ir‐reġistru u l‐bank tal‐art diġà stabbiliti biex jidentifikaw l‐art agrikola abbandunata jew mhux użata biżżejjed u li jiffaċilita t‐trasferiment tagħha lejn bdiewa ġenwini jibdew ikunu operattivi u effettivi. Dan irid jibda jiffunzjona b’regoli ċari, trasparenti u bi preferenza lill‐bdiewa żgħażagħ u attivi.


13. Art tal‐Gvern lill‐bidwi ġenwin

Nagħmlu reviżjoni tal‐użu tal‐art agrikola tal‐Gvern biex din tingħata prijorità lil min tassew jipproduċi. Kull allokazzjoni ġdida trid tkun ibbażata fuq kriterji ta’ attività reali, investiment, produzzjoni, mhux fuq spekulazzjoni jew passatemp.


14. Skema ta’ suċċessjoni u rtirar dinjituż

Nintroduċu skema li tgħin lill‐bdiewa kbar fl‐età jgħaddu l‐operat lil ġenerazzjoni ġdida mingħajr ma jitkissru l‐għelieqi jew jintilef l‐għarfien. Il‐pakkett ikun ikopri pariri legali, fiskali u finanzjarji, kif ukoll inċentivi għal trasferiment ordnat tal‐azjenda.


15. Reġistru modern tal‐kirjiet u l‐użu agrikolu

Naġġornaw b’mod diġitali d‐data dwar il‐kirjiet, l‐użu, it‐trasferimenti u l‐istatus tal‐art agrikola. Ikollna sistema aktar ċara li tgħin fit‐tfassil tal‐politika, tnaqqas il‐kunflitti u tħares il‐valur agrikolu tar‐raba’ kontra pressjonijiet oħra fuq l‐art.


16. Servizz ta’ medjazzjoni fuq l‐art agrikola

Noħolqu servizz ta’ medjazzjoni bejn is‐sidien, il‐kerrejja u l‐bdiewa biex kwalunkwe tilwim dwar l‐art agrikola jissolva malajr u bl‐inqas spejjeż. Il‐mira hi li tonqos l‐inċertezza legali li taqta’ qalb il‐bdiewa u għalhekk tagħmilha aktar diffiċli biex isir investiment fit‐tul.


17. Ċentru tal‐ħiliet, agritech u taħriġ kontinwu

Nibnu ċentru ta’ Extension service u t‐taħriġ modern għall‐bdiewa u r‐raħħala, b’korsijiet fuq l‐immaniġġjar, il‐benesseri, l‐irrigazzjoni, id‐data, il‐ġenetika u l‐valur miżjud. Il‐mira hi li fi tliet snin ikollna sistema regolari ta’ taħriġ u aġġornament professjonali għall‐bdiewa u r‐raħħala ta’ kull età.

Sigurtà tal‐ilma

Sigurtà tal‐ilma

18. Estensjoni aċċellerata tan‐network tan‐New Water

Nifirxu n‐network tan‐New Water lejn iżjed żoni agrikoli bi pjan pubbliku ċar u b’fażijiet. Il‐mira hi li sa tmiem il‐leġiżlatura l‐akbar konċentrazzjonijiet tal‐biedja produttiva jkollhom aċċess affidabbli għal ilma alternattiv u ta’ kwalità xierqa għat‐tisqija.


19. Ilma proviżorju bla ħlas fejn in‐network ikun għadu ma wasalx

Fejn in‐New Water għadu ma wasalx, nintroduċu skema temporanja ta’ provvista bil‐bawżers għall‐bdiewa attivi u kommessi f’każijiet ta’ bżonn serju. Din tkun marbuta ma’ verifika u pjan ta’ tranżizzjoni biex il‐produzzjoni ma tintilifx qabel titlesta l‐infrastruttura meħtieġa.


20. Masterplan tal‐irrigazzjoni preċiża

Noffru grants u assistenza teknika għal miżuri u sperimentazzjoni ta’ użu aħjar u iktar għaqli tal-ilmafl-agrikoltura, fost l-ohrajn, drip irrigation, sensers tal‐ħamrija, kontrolli diġitali tal‐ilma u skedar aħjar tat‐tisqija. Fi tliet snin, il‐maġġoranza tal‐azjendi li jidħlu fl‐iskema jnaqqsu b’mod sostanzjali l‐ħela tal‐ilma mingħajr ma jnaqqsu l‐produttività.


21. Reviżjoni kredibbli tal‐politika tal‐boreholes

Nagħmlu reviżjoni sħiħa, legali u xjentifika tal‐politika tal‐boreholes biex noħorġu mill‐paraliżi, inrażżnu l‐abbuż u nħarsu l‐ilma tal-pjan. Fejn hemm trasferimenti possibbli bejn bdiewa attivi u kommessi, dawn iridu jsiru bil‐kontrolli u l‐monitoraġġ.


22. Ħsad obbligatorju tal‐ilma tax‐xita u riabilitazzjoni ta’ faċilitajiet għall‐ħażna

Ngħinu fi proċess tar‐rijabilitazzjoni ta’ ġibjuni, ċisterni, sistemi tal‐ġbir tal‐ilma tax‐xita, irziezet u kull bini agrikolu ieħor użat minn bdiewa kommessi. Sa nofs il‐leġiżlatura, kull investiment appoġġat minn Gvern ġdid Nazzjonalista jkun marbut ma’ pjan reali ta’ ħsad u użu mill‐ġdid tal‐ilma tax‐xita.


23. Inkomplu ninvestu fil‐widien u fil‐ġibjuni naturali

Inkomplu ninvestu fil‐ħarsien tal‐widien, nirrestawraw l‐ħitan tas‐sejjieħ, inżidu l‐ħażna naturali u r‐recharge tal‐ilma biex inżidu ż‐żamma tal‐ilma fil‐pajsaġġ. Din hi miżura ta’ reżiljenza kontra n‐nixfiet u l‐maltempati qawwija, u trid tiġi implimentata b’mod koordinat bejn l‐agrikoltura, l‐ambjent u l‐infrastruttura.


24. Użu mill‐ġdid tal‐ilma f’impjanti u fl‐industrija

Noħolqu skemi speċifiċi biex impjanti u industriji varji jnaqqsu d-domanda għall-ilma frisk u jerġgħu jużaw l-ilma riċiklat fejn dan huwa permess. Fi żmien erba’ snin, dawn ikunu fost l-ewwel setturi li jadottaw standards serji ta’ effiċjenza u ċirkularità tal-ilma.

Biedja sostenibbli, il‐klima u l‐bijodiversità

Biedja sostenibbli, il‐klima u l‐bijodiversità

25. Pjan għall‐ħamrija

Inniedu pjan Nazzjonali għall‐protezzjoni tal‐ħamrija b’analiżi, monitoraġġ u azzjoni kontra l‐erożjoni, il‐ħamrija iebsa u t‐telf tal‐materja organiku. Il‐bdiewa li jidħlu fl‐iskema jkollhom pariri personalizzati dwar l‐azzjonijiet li jkollhom bżonn jieħdu.


26. Għajnuna għal applikazzjoni tal- fertilizzanti b’mod aktar intelliġenti u nadif

Ngħinu lill‐bdiewa jużaw fertilizzanti u nutrijenti b’mod aktar preċiż, b’aktar użu ta’ alternattivi riċiklati meta dawn ikunu sikuri u permessi. Ninċentivaw proġetti li jipproduċu fertilizzanti lokalment biex, filwaqt li nnaqqsu l‐ispejjeż tal‐importazzjoni u spejjeż oħra relatati, jiġi riċiklat id‐demel lokali. Il‐mira hi li tul il‐leġiżlatura jonqos l‐iskart, jitnaqqsu l‐ispejjeż u tonqos il‐pressjoni fuq l‐ilma u l‐ħamrija.


27. Żieda gradwali fil‐biedja organika u agro‐ekoloġika

Nagħmlu pjan realistiku biex aktar art tidħol fi prattiċi organiċi jew agro‐ekoloġiċi fejn is‐suq u l‐katina tal‐ikel jippermettu. Irridu nżidu l‐medda tal‐art b’dawn il‐prattiċi, flimkien ma’ marketing, appoġġ tekniku u xiri pubbliku.


28. Pagamenti għal servizzi ekoloġiċi

Nirrikonoxxu lill‐bdiewa u r‐raħħala bħala kustodji tal‐pajsaġġ, tal‐ħamrija u tal‐bijodiversità permezz ta’ kumpensi li jmorru oltre minn dak stabbilit fil- CAP. Dawn il‐pagamenti jippremjaw il‐manutenzjoni tal‐ħitan tas‐sejjieħ, prattiċi tajba tal‐ħamrija, u t‐tnaqqis tal‐pressjonijiet ambjentali u t-tisħiħ tal-pajsaġġ Malti.


29. Carbon farming u nature credits għall‐bidwi Malti

Nibdew proġetti pilota biex il‐bdiewa u r‐raħħala jkunu jistgħu jibbenefikaw minn skemi ta’ carbon farming u nature credits. Sal‐ewwel tliet snin ikollna standards sempliċi, appoġġ tekniku u proġetti dimostrattivi li joħolqu dħul ġdid marbut ma’ prattiċi pożittivi.


30. Enerġija rinnovabbli fl‐irziezet u l‐binjiet agrikoli

Noffru skemi mmirati għall‐panelli solari, il‐ħażna tal‐enerġija u sistemi effiċjenti fl‐irziezet u l‐binjiet agrikoli, mingħajr ma nagħmlu ħsara lill‐art produttiva. Il‐mira hi li tul il‐leġiżlatura jonqsu l‐ispejjeż tal‐enerġija fis‐settur u tikber l‐awtonomija tal‐produttur fuq l‐input kritiku.


31. Ħarsien u propagazzjoni ta’ varjetajiet u razez indiġeni

Ninvestu fil‐konservazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l‐propagazzjoni ta’ varjetajiet lokali ta’ pjanti u razez rilevanti ta’ bhejjem u xtieli lokali, kemm għal reżiljenza klimatika kif ukoll għall‐identità agrikola. Fi tliet snin ikollna programm ta’ bank ġenetiku, nursery u appoġġ għall‐użu kummerċjali sostenibbli.


32. Inqas dipendenza fuq il‐prodotti importati

Noħolqu pjan biex innaqqsu d‐dipendenza fuq l‐inputs importati, fosthom fejn jidħlu l‐għalf, il‐fertilizzanti u l‐enerġija, permezz ta’ aktar ċirkularità, użu tal‐prodotti sekondarji u effiċjenza. Il‐mira hi li nsaħħu l‐awtonomija strateġika tas‐settur u nnaqqsu l‐vulnerabbiltà għal xokkijiet esterni.

Insaħħu l‐produzzjoni lokali

Insaħħu l‐produzzjoni lokali

33. Fond ta’ investiment għal tkabbir u modernizzazzjoni tal‐irziezet

Insaħħu l‐Fond li jgħin lill‐irziezet tal‐ħalib u setturi oħra jimmodernizzaw ruħhom, itejbu l‐kwalità tal-ħajja tal‐annimali u jnaqqsu l‐ispejjeż operattivi. L‐għajnuna tkun marbuta ma’ pjan ta’ sostenibbiltà, produttività u standards ta’ benesseri, bi prijorità lill‐operaturi attivi u kommessi.


34. Valorizzazzjoni sħiħa tal‐għoġiela maskili lokali

Nappoġġaw unità jew sistema kooperattiva biex l‐għoġiela maskili tal‐ħalib ma jintilfux iżda jitkabbru għaċ‐ċanga lokali. Sa nofs il‐leġiżlatura nibnu katina li tuża aktar riżorsi lokali, toħloq valur miżjud u tnaqqas id‐dipendenza fuq l‐importazzjoni taċ‐ċanga.


35. Marka “Ċanga Lokali”

Noħolqu marka ċċertifikata ta’ ċanga lokali bi standards dwar l‐oriġini, il‐benesseri u s‐sostenibbiltà. Fi tliet snin, din tidħol fil‐kummerċ, fil‐catering u fil‐kuntratti pubbliċi, biex jinħoloq suq affidabbli u jinkiseb prezz aħjar għal min jinvesti fil‐produzzjoni lokali.


36. Impjant modern għall‐ipproċessar u l‐ippakkjar tal‐laħam

Nappoġġaw aktar investiment f’faċilitajiet moderni tal‐qatla, l‐ipproċessar u l‐ippakkjar bi standards għoljin ta’ iġjene u effiċjenza. Il‐mira hi li jkollna aktar valur f’Malta, jonqsu l‐ispejjeż loġistiċi, filwaqt li l‐produtturi lokali jkunu jistgħu jilħqu swieq ġodda bi prodott ippreżentat aħjar.


37. Pjan ta’ għalf lokali u alternattiv

Ninkoraġġixxu l‐produzzjoni ta’ għalf lokali u użu aħjar tal‐prodotti sekondarji sikuri u tal‐għelejjel adattati għall‐klima. Fi żmien erba’ snin innaqqsu l‐piż tar‐raħħala għall‐ispejjeż tal-importazzjoni u nsaħħu l‐ekonomija ċirkolari bejn il‐bdiewa u r‐raħħala.


38. Immaniġġjar modern tad‐demel u ċentri agrikoli attrezzati

Nippjanaw żoni jew ċentri agrikoli b’infrastruttura moderna għall‐immaniġġjar tad‐demel, tal‐ilma u tal‐enerġija. Il‐mira hi li tul il‐leġiżlatura jitnaqqsu r‐riskji ambjentali, tittejjeb l‐iġjene u tinħoloq bażi aħjar għal riċiklaġġ tan‐nutrijenti u proġetti tal‐enerġija jew tal‐fertilizzanti organiċi.


39. Servizzi veterinarji aktar magħquda u professjonali

Nagħtu lura direzzjoni ċara lis‐servizzi veterinarji, b’aktar koordinazzjoni, taħriġ kontinwu u awtorità professjonali ċentrali. Fi żmien sentejn, innaqqsu l‐frammentazzjoni, insaħħu l‐prevenzjoni tal‐mard u nħarsu aħjar il‐benesseri tal‐annimali u s‐sigurtà tal‐katina tal‐ikel.


40. Pjan ta’ emerġenza għall‐mard tal‐annimali

Naġġornaw u nittestjaw regolarment pjanijiet ta’ preparatezza kontra l‐mard serju fil‐merħliet, b’taħriġ, bijosigurtà u komunikazzjoni ċara mal‐operaturi. Dan hu kruċjali biex waqt kriżi ma nitilfux setturi sħaħ tal‐produzzjoni u nkunu nistgħu naġixxu malajr ħalli nipproteġu s‐saħħa pubblika u l-investiment tal-bdiewa.

Sajd, akkwakultura u ekonomija blu

Sajd, akkwakultura u ekonomija blu

41. Strateġija ġdida għas‐sajd u l‐akkwakultura

Infasslu strateġija waħda, maqbula mal‐operaturi, ix‐xjenzati u l‐komunitajiet kostali, b’miri ċari għall‐istokk tal-ħut, id‐dħul, l‐infrastruttura u s‐sostenibbiltà. Hekk fi żmien sena tkun inqabdet direzzjoni fit‐tul u tieqaf il‐politika frammentata li tinbidel minn każ għal każ.


42. Prijorità lis‐sajjied żgħir u tradizzjonali

Nagħmlu skemi apposta għas‐sajjieda żgħar b’aċċess aħjar għal fondi, modernizzazzjoni u swieq.


43. Infrastruttura moderna fil‐portijiet tas‐sajd

Ninvestu f’aktar pilastri tal‐ilma u d‐dawl, faċilitajiet tas‐silġ, postijiet għall‐ħażna, spazji tat‐tiswija, rampi u żoni għal immaniġġjar nadif tal‐qabda. Fi tliet snin, il‐portijiet ewlenin tas‐sajd ikunu attrezzati aħjar biex tissaħħaħ l‐effiċjenza u tiżdied is‐sigurtà għall‐operaturi.


44. Traċċabbiltà diġitali tal‐ħut Malti

Noħolqu sistema diġitali aktar simplifikata li tidentifika l‐oriġini, il‐metodu tas‐sajd u l‐port tal‐ħatt għall‐ħut lokali. Fi żmien sentejn, il‐konsumatur u r‐ristorant ikunu jistgħu jagħrfu l‐prodott lokali u sostenibbli, filwaqt li s‐sajjied jieħu valur aħjar għall‐qabda tiegħu.


45. Qafas trasparenti għall‐kwoti u l‐liċenzji

Nintroduċu aktar trasparenza fit‐tqassim tal‐kwoti, ir‐rinnovar tal‐liċenzji u l‐kriterji tal‐allokazzjoni, b’pubblikazzjoni regolari tal‐prinċipji u tad‐deċiżjonijiet. B’hekk, fis‐settur jiżdied is‐sens ta’ ġustizzja, jonqsu s‐suspetti u tissaħħaħ il‐fiduċja bejn il‐Gvern u l‐operaturi.


46. Skema għas‐sajjieda żgħażagħ u l‐ewwel bastiment

Noħolqu għajnuna mmirata għaż‐żgħażagħ li jridu jidħlu fis‐settur, inkluż self garantit, taħriġ u appoġġ biex jixtru jew jieħdu bastiment. Il‐mira hi li jkollna numru ġdid ta’ sajjieda żgħażagħ li jidħlu jew jibqgħu fis‐settur b’karriera vijabbli.


47. Trasferiment tal‐għarfien bejn il‐ġenerazzjonijiet

Norganizzaw programm biex matulu s‐sajjieda tal‐esperjenza jgħaddu l‐għarfien tagħhom lil ġenerazzjoni ġdida. Dan ikollu ċertifikazzjoni u stipendi biex fi żmien tliet snin inkunu żgurajna li ma jintilifx patrimonju sħiħ ta’ ħila u identità marittima.


48. Akkwakultura bi standards ambjentali ogħla

Inħeġġu l‐użu ta’ teknoloġiji aktar moderni u nippromwovu d‐diversifikazzjoni tal‐ispeċi meta fattibbli fl‐akkwakultura. Il‐mira hi li s‐settur ikompli joħloq valur mingħajr ma jixħet piż eċċessiv fuq il‐baħar, it‐turiżmu jew l‐komunitajiet kostali.


49. Riċerka u innovazzjoni fil‐baħar

Nagħtu spinta lill‐Aquatic Resources Malta u lis‐sħubijiet mal‐universitajiet għal riċerka dwar l‐istokk tal-ħut, l‐ispeċijiet ġodda, it‐teknoloġija offshore u l‐mitigazzjoni tal‐impatti. Irridu aktar data, aktar innovazzjoni u aktar għodod biex il‐politika tas‐sajd ma tibqax tkun biss reattiva.


50. Riċiklaġġ tax‐xbieki u l‐irkaptu biex niġġieldu l‐ghost fishing

Inwaqqfu sistema nazzjonali ta’ ġbir, riċiklaġġ u sostituzzjoni tal‐irkaptu qadim jew mitluf, b’inċentivi għas‐sajjieda u l-għaddasa li jipparteċipaw. Sa nofs il‐leġiżlatura nnaqqsu l‐ħsara ekoloġika li jagħmel il‐ghost fishing u nsostnu prattika ta’ responsabbiltà ambjentali fis‐settur, li diġa hi prattikata.


51. Diversifikazzjoni tad‐dħul għall‐komunitajiet tas‐sajd

Nagħtu grants għal attività kumplimentari marbuta mas‐sajd, biex jiżdiedu t‐turiżmu marittimu fuq skala żgħira, l‐edukazzjoni dwar il‐baħar, ikel lokali u servizzi ambjentali. Dan jgħin lis‐sajjieda jsaħħu d‐dħul tagħhom u jnaqqsu l‐vulnerabbiltà għal varjazzjonijiet kbar fis‐suq jew fil‐qabdiet.

Sigurtà tal‐ikel, u ġustizzja mal‐konsumatur

Sigurtà tal‐ikel, u ġustizzja mal‐konsumatur

52. Pjan nazzjonali għas‐sigurtà tal‐ikel

Noħolqu pjan interministerjali li jidentifika l‐prodotti strateġiċi, il‐livelli mixtieqa ta’ produzzjoni lokali u xenarji ta’ kriżi. Fi żmien sena, Malta trid tibda tqis il‐produzzjoni tal‐ikel bħala materja ta’ reżiljenza nazzjonali.


53. Miri għal żieda fil‐produzzjoni lokali, meta jkun realistiku

Nistabbilixxu miri prattiċi biex tiżdied il‐produzzjoni lokali f’setturi fejn Malta tista’ tagħmel differenza mingħajr ma toħloq illużjonijiet. Il‐mira hi li sa tmiem il‐leġiżlatura nkabbru s‐sehem lokali tal‐prodotti magħżula u nnaqqsu ċerti vulnerabbiltajiet strateġiċi fil‐katina tal‐ikel. Inżidu l‐assistenza lill‐bdiewa u lill‐koperattivi biex jirnexxilhom isibu posthom aktar fis‐supermarkets il‐kbar bil‐prodotti tagħhom.


54. Ikel tajjeb u lokali fil‐politika soċjali

Ngħaqqdu l‐politika tal‐ikel ma’ dik soċjali permezz ta’ vouchers, swieq lokali u akkwist pubbliku. Hekk nagħmluha aktar faċli għall‐familji vulnerabbli li jixtru ikel frisk u nutrittiv. Dan jgħin għas‐saħħa pubblika, u fl‐istess waqt jgħin lill‐bidwi Malti u lis‐sajjied lokali.


55. Inqas skart tal‐ikel mill‐Għalqa sal‐Platt

Innedu miżuri kontra l‐iskart tal‐ikel fil‐livelli kollha, mill‐ħsad, sad‐distribuzzjoni, sakemm jaslu għand tal‐ħwienet, fir‐ristoranti u fi djarna. Fi tliet snin ikollna tnaqqis sinifikanti fl‐iskart permezz ta’ loġistika aħjar, donazzjonijiet, edukazzjoni u appoġġ lill‐ipproċessar tal‐prodotti li ma jilħqux standards estetiċi iżda li jkunu tajbin għall‐konsum.


56. Swieq tal‐bdiewa u punti qosra ta’ bejgħ dirett

Nespandu, insaħħu u ninvestu fi swieq tal‐bdiewa, ċentri lokali u pjattaformi diġitali għall‐bejgħ dirett. B’hekk tul il‐leġiżlatura aktar produtturi jżommu parti akbar mill‐valur finali, il‐konsumatur jixtri aktar il‐frisk u tonqos il‐ħtieġa ta’ intermedjazzjoni twila.


57. Pjan għal ikel aktar bnin, lokali u staġunali fl‐iskejjel

Naġġornaw il‐politika tal‐ikel fl‐iskejjel biex tagħti prijorità lill‐kwalità, l‐istaġunalità u l‐edukazzjoni dwar l‐ikel. It‐tfal jiġu esposti aktar għall‐prodotti lokali u drawwiet tal‐ikel aħjar, filwaqt li jinħoloq suq stabbli għall‐produtturi lokali.

Monitoraġġ u governanza tajba

Monitoraġġ u governanza tajba

58. Bord nazzjonali għall‐ikel, l‐ilma, il‐biedja u s‐sajd

Insaħħu l‐Bord li jiġbor flimkien lill‐produtturi, is‐sajjieda, ix‐xjenzati, il‐koperattivi, il‐konsumaturi u l‐awtoritajiet. Dan jissorvelja l‐implimentazzjoni, jagħti pariri lill‐Gvern u jiżgura li l‐politika ma tibqax maqsuma f’kompartimenti bejn ministeri u dipartimenti.


59. Pjattaforma pubblika b’indikaturi tas‐sigurtà tal‐ikel u tal‐ilma

Niżviluppaw pjattaforma diġitali nazzjonali li tiġbor u tippubblika indikaturi ewlenin dwar is‐sigurtà tal‐ikel u tal‐ilma, biex ittejjeb it‐trasparenza u tappoġġa t‐teħid ta’ deċiżjonijiet abbażi tal‐evidenza. Il‐pjattaforma tintegra data mingħand entitajiet rilevanti, tipprovdi dashboards aġġornati u sistema ta’ twissijiet bikrija.


60. Uffiċċju wieħed għal assistenza dwar il‐fondi u l‐permessi

Fi żmien sena nnaqqsu l‐piż amministrattiv, speċjalment minn fuq l‐operaturi żgħar, u nagħmlu l‐Gvern sieħeb li jwieżen lill‐bdiewa, lir‐raħħala u lis‐sajjieda huma u jistinkaw biex jiksbu xi fondi, permessi u taħriġ.

Niżżel il-PDF

Programm Elettorali

Agħżel kapitlu
Kapitli oħra
Agrikoltura u Sajd
PARTIT NAZZJONALISTA | NIFS ĠDID
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.