Ambjent

Ambjent li jagħtik nifs, f’pajjiż fejn ma tkunx fgat

Nemmnu f’Malta li tikber b’mod responsabbli u sostenibbli. Pajjiż li jerġa’ jqiegħed il‐prijoritajiet nazzjonali f’posthom u li jħares ir‐riżorsi naturali tiegħu bħala pedament għall‐ġid komuni. Malta li tqiegħed il‐kwalità tal‐ħajja tan‐nies fil‐qalba tal‐politika u li tifhem li l‐iżvilupp ekonomiku għandu jservi biex in‐nies jgħixu aħjar, mhux biex jeqred il‐kwalità tal-ħajja tagħhom.

Il‐programm ambjentali ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minn Alex Borg hu mibni fuq pjan ċar: pajjiż aktar nadif, aktar sikur, aktar reżiljenti għat‐tibdil fil‐klima u li joffri ambjent ta’ kwalità għall‐ħajja ta’ kuljum tal‐familji Maltin u Għawdxin. Politika ambjentali li tħares l‐art, il‐kosta, il‐baħar, il‐widien, il‐bijodiversità u l‐pajsaġġ Malti bħala wirt nazzjonali li jeħtieġ jiġi protett għall‐ġid tal‐ġenerazzjonijiet tal‐lum u t’għada. Dawn huma riżorsi limitati u insostitwibbli li ma jistgħux jiġu ssagrifikati għal interessi fl‐immedjat jew għal deċiżjonijiet li jonqsu milli jqisu l‐interess nazzjonali fit‐tul.

It‐tibdil fil‐klima m’għadux sfida astratta jew imbiegħda. Għal Malta, bħala pajjiż gżira fil‐Mediterran, hu realtà li diġà qed tħalli impatt fuq is‐saħħa pubblika, ir‐riżorsi naturali, l‐infrastruttura u l‐ekonomija. Pajjiżna għandu bżonn investiment serju fit‐tħejjija għall‐effetti tat‐tibdil fil‐klima, fil‐protezzjoni tal‐komunitajiet u fit‐trasformazzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli u effiċjenti fl‐użu tar‐riżorsi.

Il‐komunitajiet tagħna jistħoqqilhom aktar spazji miftuħa, aktar siġar u infrastruttura ħadra, arja aktar nadifa, inqas storbju, aktar ordni urban u lokalitajiet aktar adattati għall‐isfidi klimatiċi tal‐futur. Ambjent nadif, organizzat u reżiljenti hu kundizzjoni essenzjali għal saħħa pubblika aħjar, kwalità tal‐ħajja aqwa u sens aktar sod ta’ identità u appartenenza nazzjonali.

Din hi l‐mira tagħna għal Malta: pajjiż li jieħu ħsieb l‐ambjent naturali u urban tiegħu bl‐istess serjetà li biha jieħu ħsieb lin‐nies tiegħu. Malta li tifhem li l‐kwalità tal-ħajja tal‐bniedem, il‐protezzjoni tal‐annimali, il‐konservazzjoni tan‐natura u r‐responsabbiltà lejn il‐ġenerazzjonijiet futuri huma lkoll marbutin flimkien.

Pjan ta' Azzjoni Parks, spazji miftuħa u kwalità tal‐ħajja

Il‐Partit Nazzjonalista qed jipproponi pjan komprensiv biex jinħolqu parks u spazji miftuħa ta’ kwalità li jkunu distribwiti b’mod ġust u aċċessibbli madwar Malta u Għawdex. Dan mhux se jkun proġett iżolat, iżda bidla strutturali fil‐mod kif il‐pajjiż jippjana u jmexxi l‐ispazju pubbliku tiegħu.

Il‐bidla fundamentali hi li l‐aċċess għall‐ispazji miftuħa jsir element ċentrali fil‐proċess tal‐ippjanar urban u territorjali. F’pajjiż fejn il‐popolazzjoni qed tiżdied, id‐densità urbana qed tikber u l‐komunitajiet qed jaffaċċjaw pressjonijiet dejjem akbar minn traffiku u żvilupp intensiv, l‐ispazji miftuħa ma jistgħux jibqgħu jitqiesu bħala l‐fdal u t‐tilqit tal‐iżvilupp.

Għalhekk, kull lokalità tintrabat ma’ park jew xibka ta’ spazji miftuħa skont il‐ħtiġijiet tagħha. Id‐daqs, il‐funzjoni u d‐disinn tal‐parks ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, fosthom:

  • id‐densità tal‐popolazzjoni,
  • in‐nuqqas eżistenti ta’ spazji miftuħa,
  • l‐aċċessibbiltà bil‐mixi, u
  • il‐ħtiġijiet tal‐familji, tat‐tfal, tal‐anzjani u tal‐komunità lokali.

 

Meta l‐art pubblika ma tkunx biżżejjed biex jintlaħqu dawn il‐miri, Gvern ġdid Nazzjonalista jkun lest jieħu d‐deċiżjonijiet meħtieġa biex jakkwista art b’mod ġust, trasparenti u b’kumpens xieraq skont il‐valur tas‐suq. Dan għax il‐kwalità tal‐ħajja teħtieġ investiment konkret u fit‐tul.

Dan hu l‐impenn tagħna: nagħtu lura spazju lin‐nies permezz ta’ parks reali u sostenibbli li jbiddlu b’mod pożittiv il‐mod kif ngħixu fil‐lokalitajiet tagħna. Mhux permezz ta’ interventi superfiċjali jew proġetti ta’ marketing politiku, iżda b’infrastruttura pubblika ta’ kwalità li toħloq komunitajiet aktar b’saħħithom, aktar sostenibbli u aktar umani.

Malta u Għawdex għandhom bżonn programm li jtejjeb il‐kwalità tal‐ħajja, li tqiegħed lin‐nies, lill‐komunitajiet u lill‐ambjent fiċ‐ċentru tal‐iżvilupp nazzjonali, u l‐ambjent li tagħti nifs ġdid. Dan hu li qed joffri dan il‐programm elettorali.

Aktar Proposti

Art, ippjanar u ġustizzja ambjentali

09. ERA b’vuċi deċiżiva fl‐ODZ u l‐ippjanar

Nagħtu setgħa reali u deċiżiva lill‐ERA fl‐applikazzjonijiet fuq art ODZ u fid‐deċiżjonijiet ambjentali sensittivi. L‐ebda permess ma għandu jgħaddi mingħajr approvazzjoni ambjentali ċara u vinkolanti. L‐awtorità ambjentali trid tieqaf tkun spettatriċi u ssir difensur sod tal‐ġid komuni.


10. Masterplans aġġornati għal kull lokalità

Kull lokalità jkollha masterplan modern u aġġornat kull għaxar snin, skont konsultazzjoni pubblika vera u fuq il‐kapaċità reali tal‐lokalità. L‐iżvilupp għandu jirrispetta l‐karattru, l‐infrastruttura u l‐kwalità tal‐ħajja tal‐komunitajiet.


11. Liġi dwar l‐ippjanar ġdida wara konsultazzjoni vera

Inniedu riforma nazzjonali tal‐ippjanar mibnija fuq konsultazzjoni miftuħa mal‐pubbliku, NGOs, professjonisti, Kunsilli Lokali u l‐Parlament. Malta teħtieġ sistema tal‐ippjanar trasparenti li taħdem għall‐ġid tan‐nies u mhux għall‐konvenjenza politika jew l‐ispekulazzjoni.


12. Appelli li jwaqqfu x-xogħol sakemm jinqatgħu fi żmien 6 xhur

Meta permess jitressaq għall-appell, ix-xogħol għandu jieqaf minnufih sakemm tingħata d-deċiżjoni finali. Il-ġustizzja ma tistax tibqa’ tasal wara li l-ħsara tkun diġà saret. Fl-istess ħin, l-appelli jridu jinqatgħu fi żmien stabbilit ta’ 6 xhur.


13. Aċċess veru għall‐informazzjoni u l‐ġustizzja ambjentali

Insaħħu t‐trasparenza b’aċċess aktar faċli għal data, studji u dokumenti ambjentali, flimkien ma’ għajnuna legali għall‐każijiet ta’ interess pubbliku. Il‐pubbliku għandu jkollu mhux biss id‐dritt li jkun infurmat, iżda wkoll il‐mezzi biex jiddefendi l‐ambjent tiegħu.

kontenut

Art, ippjanar u ġustizzja ambjentali

Art, ippjanar u ġustizzja ambjentali

09. ERA b’vuċi deċiżiva fl‐ODZ u l‐ippjanar

Nagħtu setgħa reali u deċiżiva lill‐ERA fl‐applikazzjonijiet fuq art ODZ u fid‐deċiżjonijiet ambjentali sensittivi. L‐ebda permess ma għandu jgħaddi mingħajr approvazzjoni ambjentali ċara u vinkolanti. L‐awtorità ambjentali trid tieqaf tkun spettatriċi u ssir difensur sod tal‐ġid komuni.


10. Masterplans aġġornati għal kull lokalità

Kull lokalità jkollha masterplan modern u aġġornat kull għaxar snin, skont konsultazzjoni pubblika vera u fuq il‐kapaċità reali tal‐lokalità. L‐iżvilupp għandu jirrispetta l‐karattru, l‐infrastruttura u l‐kwalità tal‐ħajja tal‐komunitajiet.


11. Liġi dwar l‐ippjanar ġdida wara konsultazzjoni vera

Inniedu riforma nazzjonali tal‐ippjanar mibnija fuq konsultazzjoni miftuħa mal‐pubbliku, NGOs, professjonisti, Kunsilli Lokali u l‐Parlament. Malta teħtieġ sistema tal‐ippjanar trasparenti li taħdem għall‐ġid tan‐nies u mhux għall‐konvenjenza politika jew l‐ispekulazzjoni.


12. Appelli li jwaqqfu x-xogħol sakemm jinqatgħu fi żmien 6 xhur

Meta permess jitressaq għall-appell, ix-xogħol għandu jieqaf minnufih sakemm tingħata d-deċiżjoni finali. Il-ġustizzja ma tistax tibqa’ tasal wara li l-ħsara tkun diġà saret. Fl-istess ħin, l-appelli jridu jinqatgħu fi żmien stabbilit ta’ 6 xhur.


13. Aċċess veru għall‐informazzjoni u l‐ġustizzja ambjentali

Insaħħu t‐trasparenza b’aċċess aktar faċli għal data, studji u dokumenti ambjentali, flimkien ma’ għajnuna legali għall‐każijiet ta’ interess pubbliku. Il‐pubbliku għandu jkollu mhux biss id‐dritt li jkun infurmat, iżda wkoll il‐mezzi biex jiddefendi l‐ambjent tiegħu.

Tibdil fil‐klima: Malta li tipprepara, tadatta u tmexxi

Tibdil fil‐klima: Malta li tipprepara, tadatta u tmexxi

14. Awtorità għat‐tibdil fil‐klima aktar soda

Insaħħu l‐Awtorità għat‐Tibdil fil‐Klima b’aktar indipendenza, esperti tekniċi u setgħat reali biex tmexxi l‐politika klimatika ta’ Malta. Din tkun ċentru strateġiku nazzjonali li jidentifika r‐riskji għal pajjiżna, jikkoordina l‐azzjoni bejn l‐entitajiet kollha u jmexxi l‐pjan ta’ adattament u trasformazzjoni ekonomika għall‐futur.


15. Pjan ċar u serju komunikat lill‐pubbliku

L‐Awtorità tkun obbligata tippreżenta pjan nazzjonali ċar, konkret u aġġornat dwar it‐tibdil fil‐klima, b’azzjonijiet, responsabbiltajiet, skadenzi u spejjeż definiti. Il‐pubbliku għandu jkun jaf x’jinbidel f’pajjiżna u kif se nkunu ppreparati għal dan it‐tibdil.


16. Malta b’vuċi aktar soda fl‐Unjoni Ewropea

Nibnu kapaċità diplomatika u teknika aktar soda biex tkun tista’ tiddefendi l‐interessi tagħha fl‐UE bħala pajjiż gżira vulnerabbli għat‐tibdil fil‐klima. Malta trid tattira aktar fondi Ewropej, aktar appoġġ u aktar flessibbiltà biex tipproteġi lill‐pajjiż u lill‐ekonomija tiegħu.


17. Azzjoni immedjata għal kisbiet malajr, bħal bjut bojod

Nimplimentaw miżuri immedjati u effettivi biex innaqqsu s‐sħana urbana u l‐kontijiet tal‐enerġija, inkluż programm ta’ soqfa friski u bjut bojod, aktar dell fit‐toroq, aktar siġar u materjali urbani li jnaqqsu t‐temperaturi fil‐lokalitajiet tagħna.


18. Trasformazzjoni ekonomika

Inniedu programm ta’ investiment biex Malta tipprepara ruħha ekonomikament għat‐tibdil fil‐klima. Dan jinkludi investiment fl‐enerġija nadifa, infrastruttura reżiljenti, sistemi moderni tal‐ilma, industriji ċirkolari, riċiklaġġ avvanzat, innovazzjoni u teknoloġiji sostenibbli biex Malta tibqa’ kompetittiva fl‐ekonomija Ewropea tal‐ġejjieni.


19. Tibdil fil‐klima integrat fil‐politika tal‐ippjanar

Nagħmlu l‐adattament għat‐tibdil fil‐klima parti obbligatorja minn kull pjan lokali, masterplan u proġett infrastrutturali. Malta trid tibda tippjana għal temperaturi aktar għoljin, għargħar, nixfiet u pressjonijiet klimatiċi ġodda.


20. Soluzzjonijiet ibbażati fuq in‐natura

Nagħtu prijorità lil soluzzjonijiet naturali bħat‐tħawwil tas‐siġar, restawr tal‐widien, art permeabbli, ġonna tax‐xita, afforestazzjoni u protezzjoni tal‐kosta biex niġġieldu s‐sħana urbana, l‐għargħar u t‐tniġġis. Fejn in‐natura tista’ ssolvi problema, Malta trid tieqaf tagħżel biss il‐konkrit.


21. Edukazzjoni u għarfien dwar it‐tibdil fil‐klima

Inniedu programm nazzjonali ta’ edukazzjoni klimatika fl‐iskejjel, fil‐komunitajiet u mal‐industrija biex il‐pubbliku jifhem ir‐riskji, il‐bidliet meħtieġa u r‐rwol li kulħadd għandu biex Malta tadatta għall‐futur b’mod responsabbli u sostenibbli.

Kwalità tal‐arja

Kwalità tal‐arja

22. Inwessgħu l‐monitoraġġ tal‐kwalità tal‐arja

Insaħħu u nwessgħu n‐network nazzjonali tal‐monitoraġġ tal‐kwalità tal‐arja b’aktar stazzjonijiet, aktar kejl lokali u data aktar frekwenti u preċiża. Il‐kwalità tal‐arja trid issir prijorità nazzjonali fil‐politika tas‐saħħa, l‐ambjent u l‐ippjanar.


23. Monitoraġġ tal‐arja li jasal u jinftiehem min‐nies

Nintroduċu Air Quality Index nazzjonali li jkun aċċessibbli kuljum fl‐aħbarijiet tat‐temp, l‐Apps u dashboard pubbliku live, b’informazzjoni ċara skont il‐lokalità, twissijiet għas‐saħħa u data miftuħa biex kulħadd ikun jaf x’arja qed jieħu.


24. Waste-to-Product flok Waste-to-Energy

Nibdlu l-istrateġija mill-waste-to-energy għal strateġija moderna ta’ waste-to-product, biex l-iskart isir materjal b’valur ekonomiku b’separazzjoni aħjar, riċiklaġġ avvanzat u rkupru tal-materjali. Dan inaqqas l-emissjonijiet, itejjeb il-kwalità tal-arja u jqiegħed lil Malta f’pożizzjoni aħjar biex tattira fondi Ewropej għal ekonomija aktar ċirkolari u sostenibbli.

Natura, kosta u pajsaġġ

Natura, kosta u pajsaġġ

25. Malta Nature Network

Noħolqu l‐Malta Nature Network, qafas nazzjonali wieħed li jgħaqqad lil Natura 2000, il‐widien, il‐ħitan tas‐sejjieħ, ix‐xagħri, il‐kurituri ekoloġiċi u l‐irqajja’ rurali f’sistema waħda ta’ protezzjoni u mmaniġġjar. Nintroduċu wkoll kumpens ġust lill‐bdiewa u s‐sidien tal‐art li jipproteġu u jżommu dawn l‐assi naturali ħajjin.


26. Tmexxija attiva ta’ Natura 2000 fuq l‐art u fuq il‐baħa

Nagħtu aktar riżorsi, ħaddiema speċjalizzati u infurzar serju biex is‐siti ta’ Natura 2000 ikunu ġestiti u protetti fil‐prattika. Il‐ħarsien tan‐natura għandu jitkejjel bir‐riżultati fuq il‐post, mhux biss bil‐liġijiet jew bil‐pjanijiet tal‐immaniġġjar fuq il‐karta.


27. Restawr tal‐widien

Insostnu programm ta’ restawr ekologiku tal-widien – l‐ewwel wieħed ikun Wied Qirda – biex inneħħu l‐ispeċijiet invażivi, nirriġeneraw il‐ħabitats naturali u nsaħħu r‐rwol tal‐widien bħala sistemi naturali għall‐ilma, il‐bijodiversità u l‐kwalità tal‐ħajja.


28. Aktar żoni tal‐baħar protetti

Nespandu ż‐Żoni tal‐Baħar Protetti b’aktar monitoraġġ, sorveljanza u infurzar biex nipproteġu l‐bijodiversità marina, insaħħu l‐istokk tal‐ħut u nibnu baħar aktar san li jgħin għal sajd sostenibbli u turiżmu ta’ kwalità.


29. Qafas regolatorju għall‐kosta u l‐pajsaġġ kostali

Nintroduċu protezzjoni aktar b’saħħitha għall‐kosta Maltija permezz ta’ setback rules, monitoraġġ tal‐erożjoni u pjanijiet ta’ adattament għat‐tibdil fil‐klima. Il‐kosta trid tibqa’ patrimonju naturali u pubbliku għall‐ġenerazzjonijiet futuri.


30. Jiżdiedu l-postijiet għall‐għawm

Isiru aktar żoni għall-għawm f’lokalitajiet kostali ewlenin. Dan il-programm ta’ swimming zones ġodda jżidu l-ispazju disponibbli għall-għawm u jtejbu l-esperjenza tar-residenti u tat-turisti.


31. Pjan trasparenti u sostenibbli għal Kemmuna

Nippubblikaw l‐istudji kollha dwar il‐carrying capacity ta’ Kemmuna u niftħu konsultazzjoni nazzjonali trasparenti dwar il‐ġejjieni tagħha. Id‐deċiżjonijiet dwar Kemmuna nibbażawhom fuq ix‐xjenza, il‐protezzjoni ambjentali u l‐interess nazzjonali.


32. Politika nazzjonali għall‐pajsaġġ Malti

Nadottaw qafas legali għall‐protezzjoni u l‐immaniġġjar tal‐pajsaġġ Malti rurali, urban u kostali biex inwaqqfu d‐degradazzjoni kontinwa tal‐identità viżiva ta’ pajjiżna. Nużaw aktar immeppjar 3D u data LIDAR fil‐proċess tal‐ippjanar biex jiġu evalwati aħjar l‐impatti ta’ żviluppi kbar.


33. Politika kontra t‐tniġġis tad‐dawl

Naġġornaw il‐liġijiet dwar it‐tniġġis tad‐dawl u nintroduċu standards ġodda għal dawl artifiċjali qrib siti sensittivi. Dan jgħin biex nipproteġu s‐saħħa, il‐bijodiversità, il‐pajsaġġ billejl u l‐potenzjal turistiku ta’ Malta.

Kwalità tal‐ħajja u governanza ambjentali

Kwalità tal‐ħajja u governanza ambjentali

34. Standards għoljin għall‐infrastruttura ħadra

Inniedu programm biex inżidu u ntejbu l‐infrastruttura ħadra fil‐lokalitajiet urbani b’aktar siġar, dell u spazji naturali, abbażi ta’ standards moderni tas‐saħħa pubblika u l‐kwalità tal‐ħajja. Fid‐dawl tas‐sħana dejjem akbar fiċ‐ċentru tal‐Mediterran, din hi prijorità urġenti għal Malta.


35. Masterplan pubbliku b’GIS 

Nippubblikaw masterplan fil-qafas ta’ GIS nazzjonali li juri b’mod trasparenti kull proġett tat‐tħaddir u infrastruttura ħadra f’Malta u Għawdex, bir‐riżultati mistennija u b’aġġornamenti regolari biex iċ‐ċittadini jkunu jistgħu jsegwu u jkejlu l‐progress.


36. ERA aktar indipendenti, trasparenti u effettiva

Nirriformaw l‐ERA biex tikseb aktar indipendenza, aktar kontabbiltà u standards ċari tal‐prestazzjoni. L‐awtorità ambjentali trid tkun b’saħħitha biżżejjed biex tinforza l‐liġi b’mod konsistenti, trasparenti u effettiv.


37. KPIs għall‐aġenziji ambjentali

Nintroduċu KPIs ċari u li jistgħu jitkejlu għall‐entitajiet ambjentali marbuta mal‐bijodiversità, il‐kwalità tal‐ħajja u r‐riżultati ambjentali reali, biex intejbu l‐governanza, il‐koordinazzjoni u t‐twettiq tal‐politika ambjentali.


38. Aktar ċertifikazzjoni għall‐ekonomija turistika ambjentali

Ninċentivaw lil‐lukandi, ir‐ristoranti, il‐bajjiet u l‐operaturi turistiċi jiksbu ċertifikazzjonijiet ambjentali internazzjonali biex Malta tattira turiżmu ta’ kwalità u aktar sostenibbli, filwaqt li tnaqqas l‐impatt ambjentali tal‐industrija.


39. Limiti statutorji għall‐istorbju

Nintroduċu limiti legali ċari għall‐istorbju marbut mat‐traffiku, l‐impjanti u l‐operat industrijali, abbażi ta’ standards tal‐UE u internazzjonali. Nespandu l‐monitoraġġ tal‐istorbju madwar Malta u nieħdu miżuri konkreti biex innaqqsu t‐tniġġis akustiku u ntejbu l‐kwalità tal‐ħajja fil‐komunitajiet tagħna.

Inħarsu u nsaħħu l-qalba tal-irħula u l-ibliet

Inħarsu u nsaħħu l-qalba tal-irħula u l-ibliet

40. Management plans u fondi speċifiċi għall-bliet

Gvern ġdid Nazzjonalista jfassal management plans u jalloka fondi speċifiċi għall-bliet imdawrin bis-swar u għaċ-ċentri storiċi ewlenin ta’ Malta u Għawdex, fosthom l-Imdina, il-Belt Valletta, il-Birgu, l-Isla, Bormla, ir-Rabat u Victoria. Dawn il-pjanijiet jintroduċu ordni bilanċjata fejn jinħass ċertu nuqqas ta’ regolamentazzjoni. L-inizjattivi jinkludu sistemi tat-traffiku aħjar, parkeġġi organizzati, użu xieraq tal- ispazji pubbliċi, inkluż tal-bankini. Dan anki b’rispett lejn ir-residenti li jagħtu lil dawn il-postijiet il-karattru uniku tagħhom.


41. Il-pjazez jitgawdew bla periklu

Naħdmu biex aktar pjazez tal-bliet u l-irħula jitgawdew min-nies. Isiru sistemi aħjar tat-traffiku li jagħti prijorità lir-residenti u lill-komunità. L-għan hu li kull lokalità jkollha parkeġġ adegwat, inkluż parkeġġi taħt l-art meta dan ikun possibbli. Meta ma jkunx possibbli, nintroduċu sistemi ta’ park-and-ride għall-viżitaturi.

Kunsilli Lokali b’saħħithom għalik u għall‐ambjent lokali

Kunsilli Lokali b’saħħithom għalik u għall‐ambjent lokali

42. Kunsilli Lokali b’aktar setgħat ambjentali

Nagħtu lura responsabbiltajiet konkreti lill‐Kunsilli Lokali fl‐ambjent, l‐indafa u t‐tisbiħ tal‐lokalitajiet, b’aktar fondi u awtonomija biex id‐deċiżjonijiet jerġgħu jibdew jittieħdu qrib ir‐residenti.


43. Formula ġdida ta’ finanzjament għall‐Kunsilli

Naġġornaw il‐finanzjament lill‐Kunsilli Lokali biex ikun jirrifletti aħjar il‐popolazzjoni, il‐pressjoni staġunali, il‐livell tal‐attività, u r‐responsabbiltajiet reali ta’ kull lokalità.


44. Revenue sharing mal‐lokalitajiet

Nintroduċu sistema ta’ revenue sharing biex il‐lokalitajiet jirċievu sehem ġust mill‐attività ekonomika u kummerċjali li toħloq pressjoni fuq is‐servizzi u l‐infrastruttura tagħhom.


45. Konsultazzjoni obbligatorja mal‐Kunsilli fuq proġetti nazzjonali

Nagħmlu obbligatorja l‐konsultazzjoni mal‐Kunsilli Lokali qabel ma jitwettqu proġetti nazzjonali li jolqtu direttament lill‐komunitajiet tagħhom. Il‐vuċi tal‐lokalità trid tkun parti mid‐deċiżjoni.


46. Għoti lura tal‐funzjonijiet lill‐Kunsilli Lokali

Nagħtu lura bosta funzjonijiet essenzjali lill‐Kunsilli Lokali, fosthom il‐manutenzjoni ta’ toroq lokali, aspetti tal‐indafa u parteċipazzjoni aktar attiva fl‐infurzar lokali, b’koordinazzjoni ċara mal‐entitajiet nazzjonali.


47. Standard nazzjonali ta’ eċċellenza fil‐Gvern Lokali

Nintroduċu sistema ta’ benchmarking u standards tal‐prestazzjoni biex intejbu l‐kwalità tas‐servizzi tal‐Kunsilli Lokali u nħeġġuhom jilħqu standards Ewropej ta’ governanza u amministrazzjoni.


48. Mekkaniżmu biex kwistjonijiet lokali jitressqu quddiem il‐Parlament

Nagħtu d‐dritt lill‐Kunsilli Lokali li jressqu formalment kwistjonijiet serji jew urġenti quddiem Kumitati Parlamentari, biex il‐problemi tal‐komunitajiet ikollhom vuċi aktar b’saħħitha fil‐livell nazzjonali.

L‐annimali: tant għeżież fil‐familji tagħna

L‐annimali: tant għeżież fil‐familji tagħna

49. Sptar veterinarju nazzjonali operattiv 24 siegħa kuljum

Il‐ħarsien tal‐annimali jeħtieġ servizzi serji, kontinwi u affidabbli. Għalhekk, Gvern ġdid Nazzjonalista jimpenja ruħu li jiżviluppa u jopera Sptar Veterinarju Nazzjonali li jkun miftuħ u funzjonali għal kollox 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil‐ġimgħa, inkluż billejl, fi tmiem il‐ġimgħa u fil‐festi pubbliċi. Dan is‐servizz jipprovdi kura ta’ emerġenza veterinarja kontinwa u aċċessibbli, biex is‐sidien tal‐annimali, il‐voluntiera u l‐organizzazzjonijiet ta’ salvataġġ ikollhom is‐serħan il‐moħħ li f’kull ħin hemm appoġġ professjonali disponibbli. L‐isptar veterinarju jkun ibbażat fuq mudell sostenibbli, trasparenti u effiċjenti, b’investiment xieraq fir‐riżorsi umani, fit‐tagħmir mediku u fil‐governanza tas‐servizz biex ikunu evitati s‐sitwazzjonijiet ta’ waqfien li kellna fil‐passat.


50. Ministeru b’responsabbiltà għall‐ħarsien tal‐annimali

Noħolqu portafoll ministerjali apposta għall‐ħarsien tal‐annimali, b’responsabbiltà politika ċara, baġit speċifiku u struttura amministrattiva professjonali. Dan il‐ministeru jkun responsabbli mill‐koordinazzjoni tal‐politika dwar il‐benesseri tal‐annimali, l‐infurzar, il‐governanza tas‐settur, il‐kollaborazzjoni mal‐NGOs u l‐implimentazzjoni ta’ standards moderni dwar il‐ħarsien tal‐annimali.


51. Kummissarju indipendenti għall‐ħarsien tal‐annimali

Nsaħħu l‐kariga ta’ Kummissarju Indipendenti għall‐Ħarsien tal‐Annimali, maħtur bi proċess trasparenti u abbażi tal‐kompetenzi professjonali. Il‐Kummissarju jaqdi rwol ta’ superviżjoni, monitoraġġ u kontabbiltà biex jissaħħu l‐governanza, l‐infurzar u l‐protezzjoni effettiva tal‐annimali fil‐prattika.


52. Riforma tal‐professjonijiet veterinarji u paraveterinarji

Nirrikonoxxu formalment speċjalizzazzjonijiet veterinarji differenti u nsaħħu r‐regolamentazzjoni tal‐professjonijiet paraveterinarji bi standards moderni, taħriġ akkreditat u qafas professjonali ċar. L‐għan hu li kull professjonist li jaħdem direttament mal‐annimali jkun suġġett għal kriterji tal‐kwalità, tal‐etika u tal‐kompetenza li jkunu jirriflettu l‐aqwa prattiċi internazzjonali.


53. Ċimiterji u krematorji għall‐annimali f’Malta u Għawdex

Noħolqu faċilitajiet apposta għad‐dfin u krematorju tal‐annimali domestiċi f’Malta u f’Għawdex biex il‐pajjiż ikollu qafas modern u regolamentat. Dawn il‐faċilitajiet jitmexxew skont standards ambjentali u sanitarji adegwati u jkunu jirrispettaw il‐valur emozzjonali li ħafna familji jagħtu lill‐annimali tagħhom.


54. Infurzar aktar sod kontra l‐moħqrija, it‐trattament mhux xieraq u n‐negliġenza

Insaħħu b’mod sostanzjali l‐infurzar kontra l‐abbuż u n‐negliġenza tal‐annimali permezz ta’ aktar spezzjonijiet regolari, taħriġ speċjalizzat lill‐uffiċjali tal‐infurzar, koordinazzjoni aħjar bejn l‐awtoritajiet u pieni aktar effettivi u deterrenti. Il‐liġijiet dwar il‐ħarsien tal‐annimali għandhom jiġu infurzati bis‐serjetà u b’konsistenza biex il‐protezzjoni tal‐annimali ma tibqax biss fuq il‐karta.


55. Lista pożittiva għall‐ispeċi permessi

Nintroduċu sistema ta’ lista pożittiva li tidentifika b’mod ċar l‐ispeċi tal‐annimali li jistgħu jinżammu legalment bħala annimali domestiċi. Dan il‐qafas hu maħsub biex jipproteġi l‐benesseri tal‐annimali, isaħħaħ is‐sigurtà pubblika, inaqqas iż‐żamma illegali jew mhux xierqa tal‐annimali eżotiċi, u jindirizza l‐problema tat‐traffikar u abbandun ta’ speċijiet mhux adattati għall‐ambjent domestiku. Nistabbilixxu wkoll ċentru temporanju speċjalizzat għall‐annimali eżotiċi konfiskati sakemm dawn jittieħdu f’ post adattat u sikur.


56. Microchipping estiż u pussess responsabbli

Nestendu l‐obbligu tal‐microchipping għal aktar speċi meta dan ikun meħtieġ u nsaħħu l‐qafas tal‐pussess responsabbli tal‐annimali. Dan jinkludi infurzar aktar regolari tal‐liġijiet eżistenti, reġistri aktar effiċjenti, kampanji edukattivi dwar ir‐responsabbiltajiet tas‐sidien, u miżuri biex jonqos l‐abbandun tal‐annimali. L‐għan hu li jissaħħaħ it‐traċċar, il‐protezzjoni u r‐responsabbiltà fit‐trobbija tal‐annimali.


57. Xelters reġjonali u ċentri ta’ re‐homing

Nespandu n‐network tax‐xelters reġjonali, iċ‐ċentri ta’ re‐homing u l‐faċilitajiet tal‐adozzjoni f’Malta uf’Għawdex. Dawn iċ‐ċentri jipprovdu rijabilitazzjoni xierqa lill‐annimali salvati jew konfiskati, programmi ta’ adozzjoni responsabbli, appoġġ minn trainers u behaviourists kwalifikati, u spazji siguri u adattati għall‐annimali u l‐familji. L‐għan hu li kull annimal li jista’ jiġi rijabilitat jingħata opportunità realistika għal dar ġdida u kwalità tal‐ħajja aħjar.


58. Kura veterinarja essenzjali aktar affordabbli

Naħdmu biex kura veterinarja essenzjali, mediċini veterinarji u sterilizzazzjoni jkunu aktar affordabbli għall‐familji. Dan jista’ jsir bi trattament fiskali aktar ġust u miżuri mmirati li jgħinu biex il‐kura bażika tal‐annimali tibqa’ aċċessibbli għal aktar nies.


59. Liċenzjar immirat biex jonqos l‐abbandun

Nintroduċu sistema moderna u proporzjonata ta’ liċenzjar għal ċerti kategoriji ta’ annimali biex jonqos l‐abbandun, jissaħħaħ il‐pussess responsabbli, ikunu evitati sitwazzjonijiet ta’ riskju jew negliġenza. Il‐qafas ikun ibbażat fuq il‐bilanċ bejn il‐protezzjoni tal‐annimali, ir‐responsabbiltà tas‐sidien u l‐prinċipju tal‐proporzjonalità.


60. Assigurazzjoni għall‐annimali domestiċi

Ninċentivaw aktar użu ta’ skemi tal‐assigurazzjoni għall‐annimali domestiċi biex jonqsu l‐piżijiet finanzjarji relatati mal‐kura veterinarja. L‐għan hu li nippromwovu prodotti tal‐assigurazzjoni aktar inklużivi u aċċessibbli li ma jagħmlux diskriminazzjoni bejn razez differenti tal‐annimali.


61. Gwardjani tal‐annimali fil‐komunitajiet

Nintroduċu sistema ta’ gwardjani tal‐annimali li jaħdmu b’koordinazzjoni bejn il‐Kunsilli Lokali u d‐Direttorat għall‐Ħarsien tal‐Annimali. Dawn jaqdu rwol importanti fl‐infurzar lokali, fil‐monitoraġġ tal‐każijiet ta’ negliġenza jew abbandun, fl‐edukazzjoni pubblika, fl‐appoġġ lill‐komunitajiet, u fil‐koordinazzjoni mas‐servizzi veterinarji u l‐NGOs. L‐għan hu li l‐ħarsien tal‐annimali jsir aktar qrib il‐komunitajiet u aktar effettiv fil‐prattika.


62. Għajnuna lill-feeders

Niffaċilitaw aktar għajnuna għall-feeders tal-annimali, b’mod speċjali permezz ta’ sostenn fl-ikel, il-mediċina, servizzi veterinarji u programmi ta’ neutering sabiex jitnaqqas l-abbandun u jiżdied il-ħarsien tal-annimali.

Niżżel il-PDF

Programm Elettorali

Agħżel kapitlu
Kapitli oħra
Ambjent
PARTIT NAZZJONALISTA | NIFS ĠDID
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.