Politika ċara dwar il-popolazzjoni biex nagħtu direzzjoni lil pajjiżna
AĦBAR

Politika ċara dwar il-popolazzjoni biex nagħtu direzzjoni lil pajjiżna

Il-Kap tal-PN Alex Borg f’Raħal Ġdid mal-kandidati tar-raba’ distrett jgħid li l-popolazzjoni u s-sigurtà f’pajjiżna għandhom bżonn direzzjoni ċara; jispjega l-proposti tal-PN fiż-żewġ oqsma

Il-Kap tal-PN Alex Borg f’Raħal Ġdid mal-kandidati tar-raba’ distrett jgħid li l-popolazzjoni u s-sigurtà f’pajjiżna għandhom bżonn direzzjoni ċara; jispjega l-proposti tal-PN fiż-żewġ oqsma

Il-popolazzjoni u l-immigrazzjoni huma fost l-aktar suġġetti sensittivi għal pajjiżna, għax jolqtu direttament il-ħajja tagħna. Il-Partit Nazzjonalista għandu pjan ċar u proposti serji li jagħtu direzzjoni ċara fuq fejn irid jieħu lill-pajjiż mingħajr xokkijiet ekonomiċi.

Waqt attività politika f’Raħal Ġdid mal-kandidati tal-PN tar-raba’ distrett, il-Kap tal-PN Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jindirizza b’serjetà u responsabbiltà — mingħajr estremiżmu u mingħajr biża’ li ngħidu l-verità – dak li qed iħasseb lil ħafna. Dan billi nħarsu lejn iż-żewġ naħat tal-munita – il-bżonnijiet ta’ min iħaddem u l-mod kif se nsaħħu l-infrastruttura tal-pajjiż biex ngħixu komdi f’pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li min ħoloq il-problema illum qed jaħrab milli joffri soluzzjoni u qed jinfexx biss fin-negattività. Imma l-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni ċara li tagħti direzzjoni ġdida lill-pajjiż jekk fit-30 ta’ Mejju jkollu l-fiduċja tal-poplu.

Huwa fakkar li fl-2013 Malta kellha popolazzjoni ta’ madwar 420,000 persuna, b’madwar 20,000 barrani, waqt li llum il-popolazzjoni qabżet il-570,000 persuna, b’madwar 170,000 barrani jgħixu f’Malta. Qal li dan il-pass mgħaġġel qed jagħmel pressjoni kbira fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Alex Borg sostna li l-Partit Nazzjonalista jemmen f’ekonomija li tikber, iżda b’mod sostenibbli. Għalhekk, Gvern ġdid Nazzjonalista jnaqqas il-burokrazija fis-sistema tal-permessi tax-xogħol u r-residenza permezz ta’ one-stop-shops għaċ-ċittadini, għall-employers u għal Third Country Nationals.

Qal ukoll li Gvern ġdid Nazzjonalista joħloq Awtorità Nazzjonali responsabbli mil-livelli tal-popolazzjoni, b’Labour Market Research Study, Malta Population Levels Plan u National Capacity Plan, biex il-pajjiż ikun jaf x’għandu bżonn is-suq tax-xogħol, kemm jista’ jiflaħ u jekk l-infrastruttura tistax tlaħħaq.

Alex Borg qal li persuni minn pajjiżi terzi li jaħdmu f’kuntatt dirett mal-pubbliku jkunu meħtieġa jagħmlu kors bażiku fil-Malti fi żmien sena, għax il-lingwa tagħna hija wkoll parti importanti mill-identità tagħna.

Dwar is-sigurtà, Alex Borg qal li Gvern ġdid Nazzjonalista joħloq Task Force Konġunta għas-Sigurtà tan-Nazzjon bejn il-Forzi Armati u l-Pulizija, jinvesti aktar fis-sigurtà f’Għawdex u jirriforma l-Immigration Appeals Board biex ikun aktar indipendenti u kredibbli.

Alex Borg qal li din mhijiex politika tal-biża’, iżda politika ta’ responsabbiltà, biex Malta terġa’ ssib bilanċ bejn l-ekonomija u l-kwalità tal-ħajja, bejn l-iżvilupp u l-identità, u bejn il-progress u l-paċi tal-moħħ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-PN hu ffukat fuq proposti li se jbiddlu għall-aħjar il-ħajja tan-nies filwaqt li ħaddieħor moħħu biex jikkritika u mbagħad jikkopja. Ħaddieħor, qal Alex Borg, hu moħħu f’politika negattiva. Imma l-Partit Nazzjonalista jinsab lest b’tim b’saħħtu ta’ kandidati, u bis-saħħa tan-nies se jagħti Nifs Ġdid lill-pajjiż.

Waqt din l-attività għamlu wkoll l-interventi tagħhom il-kandidati li se jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju f’isem il-Partit Nazzjonalista fuq dan id-distrett li hu magħmul mill-Fgura, il-Gudja, Raħal Ġdid, Santa Luċija u Ħal Tarxien.

Bernice Bonello rringrazzjat lil dawk kollha li attendew u lil dawk li anke minn darhom qed jagħtu s-sostenn lill-Partit Nazzjonalista tul din il-kampanja elettorali. Hi qalet li l-Gvern li llum qed iwiegħed kollox kellu 13-il sena biex iwettaq dak li qed jitkellem dwaru llum imma baqa’ ma wettaqx. Min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta proposti b’saħħithom fosthom il-proposti li ħabbar għall-first-time buyers. Hi qalet li dawn il-proposti se jagħtu Nifs Ġdid lill-dawk il-ħafna żgħażagħ u nies li ilhom jippruvaw jixtru d-dar tagħhom. Hi qalet li anke jekk it-triq hija twila, flimkien nistgħu nagħtu Nifs Ġdid lin-nies.

Duncan Borg Myatt qal li biex il-pajjiż jimxi ’l quddiem l-importanti l-ewwel u qabel kollox hi l-bajda u l-ħamra. Hu qal li meta 23 sena ilu ħareġ mill-università kellu ħafna apettattivi dwar il-futur tiegħu. 23 sena ilu l-Partit Nazzjonalista ppreżenta viżjoni ta’ Malta Ewropea. Dik kienet viżjoni li anke min dakinhar ikkritikaha llum jgħid li kienet waħda tajba. Illum, bħal dakinhar, il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ joffri viżjoni għal pajjiżna u Alex Borg qed joffri direzzjoni lil pajjiża għall-futur. Huwa semma l-proposta tal-PN li titneħħa t-taxxa tal-boll u qal kif din il-proposta messet lin-nies b’mod pożittiv. Hu qal li bi Gvern Nazzjonalista l-poplu – miż-żgħir għall-kbir – jieħu Nifs Ġdid.

Stefan Caruana qal li n-nies tar-raba’ distrett dejjem kienu ta’ sostenn għall-Partit Nazzjonalista. Hu qal li l-bażi tal-proposti tal-Partit Nazzjonalista  hija msejsa fuq l-edukazzjoni – bħall-proposta li żgħażagħ li jistudjaw suġġetti marbutin mas-saħħa jkollhom stipendju daqs minimum wage, u li l-istudenti kollha jingħataw żieda ta’ 25% fl-istipendji tagħhom. Bħala għalliem tal-arti qal li l-proġett tal-Partit Nazzjonalista ta’ PORT – Distrett Kulturali se jagħti lill-artisti aktar opportunitajiet biex jibnu karrieri ġodda. Dan hu l-mument taż-żgħażagħ, tal-anzjani, tal-familji biex flimkien, fit-30 ta’ Mejju, nagħtu lill-pajjiż Nifs Ġdid.

Michael Piccinino qal li l-Partit Nazzjonalista ma bediex joħroġ il-proposti fil-kampanja. Il-PN ilu xhur u snin jitkellem dwar soluzzjonijiet għall-għoli tal-ħajja, għas-saħħa, għall-bilanċ bejn xogħol u ħajja, għax il-PN jemmen li hemm bżonn soluzzjonijiet serji. Ħaddieħor jibda jitkellem fuq soluzzjonijiet lejlet l-elezzjoni, bħalma għamel fl-aħħar tliet elezzjonijet meta qalulna li se jsolvu t-traffiku. Illum dawn l-istess nies qed jiġu quddiem il-poplu bi proġett ieħor li l-Ministru tal-Finanzi ta’ Robert Abela qal li mhux se jiffirma għalih. Hu qal li t-triq vera hija għat-telgħa, imma bl-għajnuna ta’ kulħadd il-Partit Nazzjonalista jista’ joffri Nifs Ġdid lil Malta u Għawdex u fl-1 ta’ Ġunju naraw lil Alex Borg tiela’ t-taraġ ta’  Kastilja.

Mark Anthony Sammut qal li l-attendenza f’Raħal Ġdid turi li l-Partit Nazzjonalista huwa wkoll il-Partit tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Hu qal li r-Raba’ Distrett dejjem kellu politiċi ta’ stoffa u qal li llum hu determinat li f’din l-elezzjoni l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtella’ żewġ deputati minn dan id-distrett. Hu qal li kien ta’ privileġġ għalih li jservi fil-Parlament u qal li meta Alex Borg fdalu l-enerġija bħala dekasteru qallu li ried jagħmel rivoluzzjoni f’dan il-qasam. U llum il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta dik ir-rivoluzzjoni li se traħħas il-kontijiet tal-familji, tal-bdiewa, tar-raħħala, tal-għaqdiet volontarji. Il-Partit Nazzjonalista hu lest bi proposti f’kull settur biex wara l-elezzjoni tat-30 ta’ Mejju jmexxi lil dan il-pajjiż ’il quddiem.

L-attività politikta tal-Partit Nazzjonalista li jmiss hija għada fis-6.30pm fi Ġnien Monsinjur Victor Grech, fis-Swieqi, bis-sehem tal-Kap tal-PN Alex Borg.

14.05.2026