Il-Belt Valletta hija primarjament tal-Beltin

Dan l-inċident li fih intlaqtet statwa li hija parti mill-armar tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu mhuwiex wieħed iżolat fejn il-komunità Beltija qed tispiċċa ssofri danni minħabba li dan il-Gvern qed ikompli jippermetti li l-Belt Valletta tkun ta' kulħadd minbarra tal-Beltin.

Solidarjetà mal-Għaqda Festa Madonna tal-Karmnu 

Il-kunsillieri lokali tal-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta jesprimu s-solidarjetà tagħhom mal-Għaqda Festa Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta għall-inċident li ġara lbieraħ meta statwa li għandha iktar minn 100 sena spiċċat maqluba mal-art u ġarrbet ħsara konsiderevoli.

Dan seħħ hekk kif il-Belt Valletta se tiċċelebra l-festa tal-Madonna tal-Karmnu.

Dan l-inċident li fih intlaqtet statwa li hija parti mill-armar tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu mhuwiex wieħed iżolat fejn il-komunità Beltija qed tispiċċa ssofri danni minħabba li dan il-Gvern qed ikompli jippermetti li l-Belt Valletta tkun ta’ kulħadd minbarra tal-Beltin.

Minkejja l-ħafna wegħdi, minkejja l-ħafna kliem, minkejja li l-Gvern Laburista jipprova jagħti impressjoni li qalbu mal-Beltin, il-fatti juru bil-maqlub. Il-Beltin spiċċaw vittmi taċ-ċirkostanzi kull darba li jkunu se jiċċelebraw xi ħaġa fil-lokalità tagħhom – ibda mill-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira u ibqa’ għaddej sa kull festa u avveniment ieħor lokali li jiġi organizzat.

Wara li sentejn ilu, il-purċissjoni tal-Madonna tal-Karmnu kellha tieqaf fi Triq il-Merkanti sakemm tneħħa wire tad-dawl li kien qed jaqsam it-triq għaliex l-awtoritajiet m’għamlux xogħolhom sew, din is-sena l-istess purċissjoni se jkollha tibdel ir-rotta minħabba krejn li hemm armat fir-rotta tal-purċissjoni.

Din hija s-sitwazzjoni li dejjem qed tiddeterjora fil-Belt Valletta bil-Gvern, kull darba li jkun hemm dawn l-istanzi, minflok jara li dan kollu jieqaf u jagħti l-opportunità lill-Beltin li jgawdu dak li hu tagħhom, jipprova jixtri lill-Beltin bil-flus.

Il-Beltin mhux jinxtraw bil-flus iridu imma li jkollhom l-opportunità li jgawdu t-tradizzjonijiet tagħhom bħala komunità – tradizzjonijiet li jmorru lura mijiet tas-snin mingħajr iktar tfixkil u qtigħ il-qalb.

Għalhekk, il-kunsillieri tal-PN fil-Belt Valletta, filwaqt li jwiegħdu lir-residenti Beltin li se jibqgħu jaħdmu biss għall-interessi tagħhom, se jkunu qed jimbuttaw ’il quddiem biex il-Kunsill Lokali jagħmel iktar pressjoni mal-awtoritajiet ċentrali ħalli dawn l-insulti lejn il-Beltin jieqfu darba għal dejjem u l-Beltin ikollhom id-drittijiet tagħhom rispettati.

Ylenia Montfort
Minority Leader u Kunsilliera Lokali tal-PN fil-Belt Valletta

Roberta Bonello Felice
Kunsilliera Lokali tal-PN fil-Belt Valletta

Vince Fabri
Kunsillier Lokali tal-PN fil-Belt Valletta

12.07.2026