Il-Gvern ħoloq il-problema u issa jrid jgħaddi l-kont lin-negozji u lill-familji Maltin u Għawdxin

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li n-negozji u l-familji Maltin u Għawdxin m’għandhomx iħallsu għall-falliment tal-mudell ekonomiku tal-Gvern Laburista.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li n-negozji u l-familji Maltin u Għawdxin m’għandhomx iħallsu għall-falliment tal-mudell ekonomiku tal-Gvern Laburista.

Wara snin jibni ekonomija dipendenti fuq iż-żieda bla rażan fil-popolazzjoni, Robert Abela issa qed jipproponi li min iħaddem jerfa’ l-ispejjeż li ġab miegħu dan l-istess mudell ekonomiku.

Il-Gvern ma jistax jibqa’ jgħabbi lin-negozji b’aktar spejjeż biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ ippjanar tiegħu. Spejjeż li fl-aħħar mill-aħħar hemm ir-riskju li jgħaddu wkoll fuq il-konsumaturi u l-familji Maltin u Għawdxin.

Minflok ma jkompli jgħaddi l-kont tal-iżbalji tiegħu fuq ħaddieħor, il-Gvern għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-politika ekonomika li mexxa tul dawn l-aħħar snin.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen f’mudell ekonomiku li joħloq il-ġid permezz tal-produttività, l-investiment u xogħol ta’ kwalità, minflok ma sempliċement ikompli jżid il-popolazzjoni u l-piżijiet fuq in-nies u n-negozji.

Jekk il-Gvern ried jagħmel eżerċizzju biex iżid id-dħul tiegħu messu, minflok tefa’ l-piż fuq in-negozji, ra kif rażżan il-ħela ta’ fondi pubbliċi f’konsulenzi lill-ħbieb tal-ħbieb.

Michael Piccinino
Shadow Minister għas-Self-Employed, l-Intrapriżi Żgħar u l-Koperattivi

Darren Carabott
Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi

29.10.2026