Il-Gvern Laburista kien bla pjan għall-popolazzjoni qabel l-elezzjoni u għadu bla pjan illum

Jekk il-Gvern Laburista lanqas biss jaf kemm se tkun il-popolazzjoni tagħna s-sena d-dieħla, kif qed jitkellem fuq Viżjoni 2050?

Din il-ġimgħa Robert Abela mera għalkollox u bilkemm ma riedx jirredikola dak li qal Clyce Caruauna tliet snin ilu, li sal-2040 il-popolazzjoni ta’ Malta se titla’ għal 800,000.

Imma fl-aħħar sigħat, mistoqsi jekk għadux jemmen li l-popolazzjoni tagħna se tikber b’dan il-mod, Clyde Caruana ikkonferma li hu hekk għadu jaħseb.

Għal darba oħra għandna Gvern li ma jafx fejn sejjer.

Sa ftit xhur ilu Robert Abela u l-Gvern tiegħu ma kellhom l-ebda pjan għall-popolazzjoni ta’ pajjiżna.

Illum ma nbidel xejn.

Għal Mistoqsija Parlamentari (1159) li saret mid-Deputat Nazzjonalista Michael Piccinino dwar kemm il-Gvern qed jipproġetta li se tiżdied il-popolazzjoni s-sena d-dieħla, u fl-2028, fl-2029 u fl-2030, il-Gvern wieġeb li m’għandux dawn it-tip ta’ ċifri.

Jekk il-Gvern Laburista lanqas biss jaf kemm se tkun il-popolazzjoni tagħna s-sena d-dieħla, kif qed jitkellem fuq Viżjoni 2050?

Jekk lanqas għandu idea ta’ kif se tikber jew tiċkien il-popolazzjoni, kif qed jippjana sistema tat-trasport tal-massa għal 15-il sena oħra?

Dan hu Gvern li la kellu pjan għal pajjiżna qabel l-elezzjoni u lanqas għandu pjan issa.

Jidher li Vision 2050 ma kienet xejn għajr PR exercise ieħor li reġa’ ħallas għalih il-poplu biex jipprova jpinġi lil Robert Abela u lil sħabu qishom jafu x’qed jagħmlu.

Illum hu evidenti li la jafu fejn sejrin u lanqas fejn se jieħdu lil pajjiżna.

16.07.2026