Il-Gvern sa fl-aħħar jimplimenta proposta tal-PN għas-settur tal-cabs

Filwaqt li rridu nkomplu naħdmu biex intejbu s-sigurtà fit-toroq, irridu bl-istess determinazzjoni nindirizzaw il-problemi li qed jolqtu lil eluf ta’ Maltin u Għawdxin kuljum. Dawn jinkludu t-traffiku esaġerat u l-konġestjonijiet tat-traffiku, in-nuqqas ta’ parkeġġ, il-ħin mitluf fit-toroq, il-piż fuq in-negozji, il-kwalità tas-servizz tat-trasport pubbliku u n-nuqqas ta’ ppjanar fit-tul.

Madanakollu l-kriżi fil-qasam tal-mobbiltà ma tiqafx ma’ dan – jeħtieġ li l-Gvern ikompli bil-kumplament tal-bidliet u jindirizza l-problemi li qed jolqtu lin-nies, fosthom it-traffiku, in-nuqqas ta’ parkeġġ u l-kwalità tat-trasport pubbliku

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li l-Gvern se jintroduċi limitu fuq is-sigħat konsekuttivi li jistgħu jaħdmu s-sewwieqa tal-cabs – proposta li l-Partit Nazzjonalista ilu li ressaq aktar minn sena.

Din hija miżura importanti li tpoġġi s-sigurtà fit-toroq fuq quddiem nett. Xufiera li jkunu mistrieħa jfissru toroq aktar siguri, protezzjoni akbar għall-passiġġieri u kundizzjonijiet aktar ġusti għal dawk li jaħdmu f’dan is-settur. Għalhekk, nilqgħu b’mod pożittiv il-fatt li l-Gvern sa fl-aħħar għażel li jimplimenta din il-proposta tal-Partit Nazzjonalista.

Madankollu, din hija biss parti mis-soluzzjoni. Għalkemm f’dan is-settur għad hemm każijiet ta’ kompetizzjoni inġusta li jridu jiġu indirizzati, il-kriżi fil-qasam tal-mobbiltà f’Malta tmur ferm lil hinn mix-xufiera tal-Y-plates, u għad hemm ħafna problemi oħra marbutin mat-trasport u t-traffiku li jridu jiġu indirizzati.

Filwaqt li rridu nkomplu naħdmu biex intejbu s-sigurtà fit-toroq, irridu bl-istess determinazzjoni nindirizzaw il-problemi li qed jolqtu lil eluf ta’ Maltin u Għawdxin kuljum. Dawn jinkludu t-traffiku esaġerat u l-konġestjonijiet tat-traffiku, in-nuqqas ta’ parkeġġ, il-ħin mitluf fit-toroq, il-piż fuq in-negozji, il-kwalità tas-servizz tat-trasport pubbliku u n-nuqqas ta’ ppjanar fit-tul.

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem b’mod kostruttiv biex iressaq soluzzjonijiet konkreti għal dawn l-isfidi. Meta l-Gvern jadotta proposta tajba tal-Oppożizzjoni, se nkunu l-ewwel li nagħrfuha u nilqgħuha. Iżda fl-istess ħin se nibqgħu ninsistu li l-pajjiż għandu bżonn pjan komprensiv li jindirizza l-isfidi kollha tal-mobbiltà, mhux waħda biss.

Il-familji, il-ħaddiema u n-negozji Maltin jistħoqqilhom sistema ta’ mobbiltà li tkun aktar sigura, aktar effiċjenti u mfassla skont il-ħtiġijiet tal-lum u ta’ għada. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jressaq il-proposti meħtieġa biex dan iseħħ.

Ivan Castillo
Shadow Minister għall-Mobbiltà Sostenibbli

30.07.2026