Il-ħaddiema tal-Enemalta li qed jaħdmu bla waqfien fil-kriżi tal-elettriku jistħoqqilhom kumpens speċjali
Dawn il-ħaddiema mhumiex responsabbli għall-fallimenti fl-ippjanar u fin-nuqqas ta’ investiment li wasslu għall-kriżi li qed jesperjenza pajjiżna. Għall-kuntrarju, huma jinsabu fuq quddiem nett, jaħdmu sigħat twal, ħafna drabi f’temperaturi estremi, biex inaqqsu kemm jista’ jkun l-impatt fuq il-familji u n-negozji.
Il-PN jibqa’ jinsisti wkoll fuq kumpens awtomatiku għall-familji u n-negozji li jingħata kull darba li konsumatur isofri qtugħ fis-servizz – mhux wieħed “eċċezzjonali” li jingħata biss mill-gvern meta jkollna kriżi
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi l-apprezzament tiegħu lejn il-ħaddiema kollha tal-Enemalta li f’din il-kriżi tal-elettriku qed jaħdmu bla waqfien, f’kundizzjonijiet diffiċli u taħt pressjoni kbira, biex jirrestawraw il-provvista tal-elettriku f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Dawn il-ħaddiema mhumiex responsabbli għall-fallimenti fl-ippjanar u fin-nuqqas ta’ investiment li wasslu għall-kriżi li qed jesperjenza pajjiżna. Għall-kuntrarju, huma jinsabu fuq quddiem nett, jaħdmu sigħat twal, ħafna drabi f’temperaturi estremi, biex inaqqsu kemm jista’ jkun l-impatt fuq il-familji u n-negozji.
Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li l-ħaddiema kollha tal-Enemalta li huma involuti direttament fix-xogħol ta’ emerġenza matul din il-kriżi jingħataw kumpens finanzjarju speċjali, bħala rikonoxximent konkret għad-dedikazzjoni, is-sagrifiċċju u s-servizz tagħhom.
Waqt li l-Gvern falla fl-obbligu tiegħu li jippjana u jinvesti fl-infrastruttura tal-pajjiż, huma dawn il-ħaddiema li qed iġorru l-piż tal-konsegwenzi. Huwa għalhekk ġust li l-Istat jagħraf il-ħidma tagħhom b’mod tanġibbli.
Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li r-responsabbiltà politika għall-kriżi tal-elettriku tibqa’ tal-Gvern u ta’ min mexxa s-settur matul dawn l-aħħar snin. Din il-proposta ma tnaqqas xejn mill-ħtieġa li jkun hemm kontabbiltà dwar kif Malta spiċċat f’din is-sitwazzjoni.
Il-ħaddiema tal-Enemalta jistħoqqilhom ir-rispett, il-gratitudni u r-rikonoxximent tal-pajjiż kollu. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti biex dawn jingħataw il-kumpens li ħaqqhom, filwaqt li jkompli jżomm lill-Gvern responsabbli għan-nuqqasijiet serji li wasslu għal din il-kriżi.
Min-naħa l-oħra l-PN se jibqa’ jinsisti wkoll fuq il-ħtieġa li jkun introdott minnufih mekkaniżmu ta’ kumpens awtomatiku għal familji u negozji li jkunu sofrew telf minħabba qtugħ fit-tul jew ripetut tal-provvista tad-dawl kif ukoll għal kumpens għall-ikel, mediċini u apparat li jkun ġarrab ħsara.
Din is-sistema għandha tkun waħda awtomatika, li tidħol fis-seħħ skont kriterji stabbiliti kull darba li konsumatur isofri qtugħ fis-servizz, u mhux waħda li titħaddem biss b’mod “eċċezzjonali” meta l-Gvern jidhirlu li għandu jikkumpensa lill-familji u n-negozji effettwati fi kriżi tal-elettriku.
Fuq kollox, lil hinn minn kull kumpens, il-Partit Nazzjonalista jistenna li kemm jista’ jkun malajr in-nies jingħataw lura l-provvista tal-elettriku fl-iqsar żmien possibbli – li jridu l-Maltin u l-Għawdxin, aktar minn kumpens, hu li minkejja li ninsabu fl-eqqel tas-sajf ikunu jistgħu jkomplu b’ħajjithom kif mistenni f’pajjiż normali fis-sena 2026.
Mark Anthony Sammut
Shadow Minister għall-Enerġija u l-Ambjent
23.07.2026