Il-Kap tal-PN jaċċetta l-istedina tal-Kunsill Lokali tas-Swieqi biex jiltaqa’ mar-residenti
Alex Borg diġà ħa pożizzjoni ċara u immedjata dwar din is-sitwazzjoni. Waqt żjara li għamel il-ġimgħa l-oħra fis-Swieqi, huwa sostna li dawn il-problemi huma sintomu ta’ Gvern li ħalla lill-Kunsilli Lokali waħedhom biex iġorru l-konsegwenzi tal-politika tiegħu, mingħajr is-setgħat u r-riżorsi meħtieġa.
Alex Borg se jkompli jisma’ lin-nies u jinsisti fuq azzjoni konkreta li tħares il-kwalità tal-ħajja tagħhom
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg aċċetta l-istedina tal-Kunsill Lokali tas-Swieqi biex iżur il-lokalità, jiltaqa’ mal-Kunsill u jisma’ direttament lir-residenti dwar l-isfidi serji li qed jiffaċċjaw ta’ kuljum.
Fl-istedina tiegħu kemm lill-Kap tal-Oppożizzjoni kif ukoll lill-Prim Ministru biex iżuru l-lokalità u jiltaqgħu mar-residenti u mal-kunsillieri b’urġenza, il-Kunsill spjega kif ir-residenti qed jintlaqtu minn storbju eċċessiv, vandaliżmu, rimi illegali ta’ skart, nuqqas ta’ osservanza tar-regoli u inkonvenjenzi oħra marbuta, fost l-oħrajn, mal-operat bla rażan ta’ uħud mix-short lets.
Alex Borg diġà ħa pożizzjoni ċara u immedjata dwar din is-sitwazzjoni. Waqt żjara li għamel il-ġimgħa l-oħra fis-Swieqi, huwa sostna li dawn il-problemi huma sintomu ta’ Gvern li ħalla lill-Kunsilli Lokali waħedhom biex iġorru l-konsegwenzi tal-politika tiegħu, mingħajr is-setgħat u r-riżorsi meħtieġa.
Huwa saħaq ukoll li t-turiżmu huwa importanti għal pajjiżna, iżda ma jistax jikber għad-detriment tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Il-prijorità tal-Gvern għandha tkun li l-familji jkunu jistgħu jgħixu fi djarhom fil-kwiet, fid-dinjità u fis-sigurtà.
Il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ jkun fiżikament preżenti fost in-nies, jisma’ r-realtajiet tagħhom u jinsisti fuq infurzar effettiv, aktar riżorsi għall-Pulizija u Kunsilli Lokali li jingħataw is-setgħat meħtieġa biex jipproteġu lir-residenti.
21.07.2026