Il-Maltin għandhom jingħataw l-opportunità jkomplu jimirħu u jkabbru l-kapaċitajiet tagħhom fil-qasam tal-avjazzjoni

F’settur globali u kompetittiv bħall-avjazzjoni, l-akbar riżorsa ta’ Malta tibqa’ l-kapaċità tan-nies tagħha. Il-kisba ta’ Lisa Micallef hija prova konkreta ta’ dak li l-Maltin kapaċi jagħmlu meta jingħataw l-opportunità jimirħu f’diversi oqsma.

Il-Partit Nazzjonalista jawgura lil Staff Sergeant Lisa Micallef tal-Air Wing tal-Forzi Armati ta’ Malta, li saret l-ewwel persuna Maltija li kisbet il-Master Technician Award – unur prestiġjuż mingħand FlightSafety International f’Wichita, Kansas, fl-Istati Uniti.

Dan ir-rikonoxximent, miksub wara taħriġ intensiv u speċjalizzat fil-manutenzjoni, l-avjonika, is-sigurtà u l-operat tal-ajruplani King Air B200, huwa xhieda oħra tal-kapaċità, il-professjonalità u t-talent tal-ħaddiema Maltin fis-settur tal-avjazzjoni.

Is-suċċess ta’ Lisa Micallef għandu jimliena bi kburija, iżda għandu wkoll iwassalna biex inħarsu ’l quddiem. F’pajjiżna għandna nies li kapaċi jikkompetu u jiksbu rikonoxximenti fl-ogħla livelli internazzjonali. Dak li jinħtieġu huma aktar opportunitajiet, aktar taħriġ speċjalizzat u aktar investiment biex ikunu jistgħu javvanzaw fil-karriera tagħhom hawn Malta.

Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fil-potenzjal tal-avjazzjoni bħala settur ekonomiku importanti għal pajjiżna. Kien il-Partit Nazzjonalista li ta bidu għall-iżvilupp ta’ dan is-settur bħala pilastru ġdid tal-ekonomija Maltija, u llum huwa essenzjali li ma nikkuntentawx b’dak li nkiseb, iżda nkomplu nibnu fuqu.

Malta għandha tkompli tinvesti f’aktar opportunitajiet ta’ taħriġ u speċjalizzazzjoni, f’rabtiet aktar b’saħħithom bejn l-edukazzjoni u l-industrija, u f’ambjent li jattira investiment ġdid u joħloq karrieri ta’ kwalità u ta’ valur miżjud għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

F’settur globali u kompetittiv bħall-avjazzjoni, l-akbar riżorsa ta’ Malta tibqa’ l-kapaċità tan-nies tagħha. Il-kisba ta’ Lisa Micallef hija prova konkreta ta’ dak li l-Maltin kapaċi jagħmlu meta jingħataw l-opportunità jimirħu f’diversi oqsma.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jawgura lil Staff Sergeant Lisa Micallef għal dan is-suċċess prestiġjuż u jawguralha aktar kisbiet fil-karriera tagħha.

Ivan Castillo
Shadow Minister għall-Mobbiltà Sostenibbli

John Baptist Camilleri
Kelliem għall-Avjazzjoni

Conrad Borg Manché
Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà

19.08.2026