Il-Maltin u l-Għawdxin għandhom dritt għal tweġibiet u soluzzjonijiet għall-qtugħ tad-dawl

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jitlob diskussjoni urġenti fil-Parlament dwar il-kriżi tal-provvista tal-elettriku

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jitlob diskussjoni urġenti fil-Parlament dwar il-kriżi tal-provvista tal-elettriku

Is-sitwazzjoni serja li qed jerġgħu jesperjenzaw eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin minħabba qtugħ ta’ dawl u problemi ta’ vultaġġ teħtieġ tweġiba u soluzzjoni immedjata. Għalhekk, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg se jitlob li l-Parlament jiddiskuti b’urġenza din il-kriżi li qed tkompli tolqot lill-pajjiż.

F’messaġġ live li għamel fuq il-media soċjali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li wasal sajf ieħor, iżda l-problemi baqgħu l-istess. Donnnazznu li f’pajjiżna, fis-sajf, li jkollok id-dawl sar lussu.

Alex Borg qal li l-familji Maltin ilhom tal-anqas erbat isjuf jiffaċċjaw qtugħ ta’ dawl u problemi ta’ vultaġġ. Fl-aħħar jiem eluf ta’ persuni spiċċaw bla elettriku u wħud kellhom iqattgħu sa erbat ijieli fi sħana qawwija, filwaqt li oħrajn sofrew ħsarat fl-apparat domestiku minħabba varjazzjonijiet fil-vultaġġ.

Dan kollu hu tort ta’ Gvern li ġab l-infrastruttura ta’ pajjiżna għarkopptejha u għal snin twal telaqha għal riħha, minkejja ż-żieda qawwija fil-popolazzjoni.

Minkejja l-inkonvenjent ta’ toroq maqlugħin għat-tħaffir ta’ trinek, u minkejja x-xogħol kbir li qed jagħmlu l-ħaddiema tal-Enemalta, jidher ċar li dan il-Gvern falla għal kollox fl-ippjanar tas-sistema tal-elettriku, u l-prezz qed iħallsuh in-nies.

Fl-istess messaġġ, ix-Shadow Minister għall-Enerġija u l-Ambjent Mark Anthony Sammut qal li dak li qed jesperjenzaw il-familji u n-negozji huwa r-riżultat dirett ta’ snin ta’ nuqqas ta’ ppjanar u investiment fil-grid nazzjonali. Sostna li l-ħaddiema tal-Enemalta qed jagħmlu xogħolhom b’dedikazzjoni, iżda l-problema hija waħda ta’ tmexxija u ppjanar fuq livell politiku. Qal li ma jistax ikun li kull sajf il-pajjiż jispiċċa jiffaċċja l-istess kriżi u appella lill-Gvern biex jagħti rendikont ċar ta’ x’sar, x’naqas li jsir u x’miżuri konkreti se jittieħdu biex din is-sitwazzjoni ma tibqax tirrepeti ruħha sena wara sena.

Bosta persuni qed ikollhom iħallsu spejjeż għal ħsarat fl-appliances minħabba problemi ta’ vultaġġ, filwaqt li oħrajn qed jarmu ikel u mediċini li jkunu tħassru minħabba l-qtugħ tad-dawl.

Fil-messaġġ tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li kien se jitlob li l-Parlament jiddiskuti b’urġenza din is-sitwazzjoni sabiex il-Gvern jagħti rendikont ta’ kif wasalna f’dan il-punt, x’miżuri immedjati qed jieħu biex jindirizza l-kriżi, u x’inhu l-pjan konkret biex il-pajjiż ma jibqax jesperjenza l-istess fallimenti sajf wara l-ieħor.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti għal aktar serjetà, ippjanar u kompetenza f’servizz essenzjali bħall-provvista tal-elettriku. Żgur li fl-2026, li jkollok id-dawl fid-dar tiegħek ma jistax jitqies kapriċċ, iżda dritt bażiku ta’ kull familja u ta’ kull negozju.

20.07.2026

  • Ara l-messaġġ tal-Kap tal-PN u tax-Shadow Minister għall-Enerġija u l-Ambjent hawn