Il-paga tal-ħaddiema Maltin tkompli tiżżerżaq ’l isfel fil-klassifika tal-paga minima meta mqabbla ma’ dik ta’ sħabhom Ewropej

Il-pagi ogħla li tkellem dwarhom Robert Abela fl-aħħar budget jidher li se jibqgħu l-ħolma ta’ ħafna ħaddiema Maltin, hekk kif l-aħħar ċifri ppubblikati mill-Eurofound juru stampa inkwetanti dwar is-sitwazzjoni tal-pagi tal-Maltin u l-Għawdxin.

Il-pagi ogħla li semma Robert Abela fl-aħħar budget jibqgħu “il-ħolma tiegħek”; il-ħaddiema Maltin qed iħossu dejjem aktar il-pressjoni tal-għoli tal-ħajja

Il-pagi ogħla li tkellem dwarhom Robert Abela fl-aħħar budget jidher li se jibqgħu l-ħolma ta’ ħafna ħaddiema Maltin, hekk kif l-aħħar ċifri ppubblikati mill-Eurofound juru stampa inkwetanti dwar is-sitwazzjoni tal-pagi tal-Maltin u l-Għawdxin.

Ir-rapport ta’ din l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea li taħdem biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja juri li Malta niżlet mit-tmien post fl-2016 u l-2021 għall-15-il post fl-2026 fost l-Istati Membri tal-UE f’dik li hi l-paga minima nazzjonali.

F’għaxar snin, seba’ pajjiżi li kellhom pagi inqas minn tagħna rnexxielhom jaqbżuna u llum għandhom paga minima ogħla minn dik ta’ pajjiżna. Dawn huma s-Slovenja, il-Litwanja, il-Polonja, Ċipru, il-Portugall, il-Kroazja u l-Greċja. Uħud minn dawn il-pajjiżi kienu ferm warajna ftit tas-snin ilu, iżda permezz ta’ politika aktar ambizzjuża dwar il-pagi qed javvanzaw b’rata mgħaġġla, filwaqt li l-ħaddiem Malti qed jibqa’ jiżżerżaq dejjem aktar ’l isfel.

Il-paga minima f’Malta żdiedet biss bi 3.5% bejn l-2025 u l-2026, għal madwar €994 fix-xahar. Fl-istess perjodu, pajjiżi oħra kellhom żidiet ferm akbar: l-Ungerija kważi 19%, is-Slovenja 16%, il-Bulgarija 13%, is-Slovakkja ftit aktar minn 12% u l-Litwanja ftit aktar minn 11%.

Agħar minn hekk, jekk tqabbel iż-żieda fil-paga minima ta’ pajjiżna din is-sena mal-2025 issib li kienet inqas minn dik għas-sena ta’ qabel. Mill-2024 għall-2025 il-paga minima f’Malta kienet għoliet bi 3.9% imma bejn is-sena l-oħra u din is-sena żdiedet biss bi 3.5%. B’kollox iż-żieda fil-paga minima nazzjonali għal din is-sena kienet ta’ madwar €7.50 fil-ġimgħa, li jfisser inqas minn €400 f’sena sħiħa. Illum il-paga minima nazzjonali f’Malta tinsab fil-livell ta’ €229 fil-ġimgħa.

Dawn iċ-ċifri tal-European Foundation for the Improvement of Living and Working Conditions huma konferma ċara li t-tkabbir ekonomiku li tant jiftaħar bih il-Gvern Laburista mhux qed jissarraf f’titjib biżżejjed fil-pagi tal-ħaddiema li jaqilgħu l-inqas. Tul is-snin, il-Gvern naqas milli jibni ekonomija ta’ valur miżjud u produttività ogħla li tkun tista’ ssostni pagi aħjar u kwalità tal-ħajja ogħla.

Għalkemm il-paga minima żdiedet bi ftit, din mhux tlaħħaq maż-żidiet reali fil-piżijiet ta’ eluf ta’ familji, fosthom iż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel, il-kera, il-proprjetà u ħtiġijiet essenzjali oħra. Apparti li l-paga minima f’Malta qed tavvanza ferm aktar bil-mod minn dik ta’ pajjiżi li qabel kienu warajna.

L-istampa ssir aktar inkwetanti fid-dawl tat-twissija li għadu kif għamel il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana b’rabta mas-sussidji tal-enerġija. Il-Ħadd li għadda, Caruana ammetta li l-ispiża mbassra għas-sussidju fuq id-diesel biss telgħet minn €30 miljun għal madwar €75 miljun fi tliet xhur, u wissa li dan jista’ jwassal għal tqaċċit fin-nefqa tal-Gvern minn xi mkien ieħor – fi kliem ieħor, ser jissikka ċ-ċintorin. Bl-implikazzjoni li wegħdiet elettorali li għamel il-Partit Laburista lin-nies qabel l-elezzjoni, jistgħu ma jitwettqux.

Dan iqajjem mistoqsijiet serji dwar kemm il-mudell ekonomiku tal-Gvern huwa sostenibbli u dwar min se jħallas il-prezz għad-deċiżjonijiet ħżiena li ħa l-Gvern tul dawn is-snin.

Il-ħaddiem ma jistax jibqa’ jisma’ biss dwar tkabbir rekord fuq il-karta. Filwaqt li pajjiżi oħra qed jaqbżuna, il-paga tal-ħaddiema Malti qed tiswa dejjem inqas meta mqabbla mal-pagi fl-Ewropa, u l-għoli tal-ħajja qed jibqa’ jnaqqar dejjem aktar mid-dħul tal-familji.

Wara snin ta’ tkabbir ibbażat fuq iż-żieda fil-popolazzjoni u l-importazzjoni ta’ ħaddiema b’pagi baxxi, ir-riżultat huwa ċar: l-ekonomija kibret, iżda l-ħaddiem Malti mhux iħoss dan it-tkabbir fil-paga tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen f’ekonomija li tkejjel is-suċċess tagħha mhux biss bin-numri tal-Prodott Gross Domestiku (GDP), iżda minn kemm il-ħaddiem jista’ jgħix b’dinjità bil-paga tiegħu. Malta teħtieġ bidla fil-mudell ekonomiku tagħha: aktar produttività, impjiegi ta’ kwalità, investiment fil-ħiliet u pagi li javvanzaw hekk kif jinħoloq aktar ġid.

Julian Borg
Shadow Minister għall-Infrastruttura u x-Xogħol

Darren Carabott
Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi

Adrian Delia
Shadow Minister għall-Finanzi

Annabella Cilia
Kelliema għax-Xogħol

15.09.2026