Il-Partit Nazzjonalista fl-Imsida jibqa’ konsistenti fl-oġġezzjoni tiegħu għall-iżvilupp fil-Wied tas-Swatar
Il-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista fl-Imsida jtenni l-pożizzjoni konsistenti tiegħu kontra l-iżvilupp propost fil-Wied tas-Swatar, fi Triq Indri Grima.
Il-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista fl-Imsida jtenni l-pożizzjoni konsistenti tiegħu kontra l-iżvilupp propost fil-Wied tas-Swatar, fi Triq Indri Grima.
Il-Kumitat Sezzjonali dejjem ta l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-kunsillieri Nazzjonalisti li, flimkien mal-kunsillieri Laburisti, oġġezzjonaw għall-applikazzjoni ta’ żvilupp f’dan is-sit.
Dan il-messaġġ kien imsaħħaħ ukoll bil-petizzjoni ffirmata minn 1,552 persuna, f’xahar biss, wara inizjattiva tas-Sindku Nazzjonalista tal-Imsida Charles Selvaggi. Barra minn hekk, is-Sindku tal-Imsida kien ukoll preżenti fl-aħħar laqgħa tal-ippjanar dwar il-permess.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ li dan l-ispazju għandu jinżamm miftuħ u jiġi mħares bħala pulmun aħdar, tant meħtieġ f’zona diġà mibnija b’mod intensiv u li taqdi wkoll il-lokalitajiet tal-madwar.
Għaldaqstant, il-Kumitat Sezzjonali jappella lill-awtoritajiet ikkonċernati biex, fid-deċiżjoni tagħhom, iqisu bis-serjetà l-petizzjoni parlamentari mressqa mill-Kunsill Lokali f’isem mijiet ta’ residenti.
Id-deċiżjoni għandha tittieħed fl-interess tal-ġid komuni billi dan l-ispazju importanti jiġi mħares għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Għalhekk, il-Kumitat Sezzjonali jitlob li l-applikazzjoni għall-iżvilupp tiġi rrifjutata.
Alfred Farrugia
President, Kumitat Sezzjonali PN Msida
Simon Cassar
Segretarju, Kumitat Sezzjonali PN Msida
04.08.2026