Ir-responsabbiltà tar-revoka tal-ordnijiet ta’ ffriżar tal-assi ta’ Keith Schembri u martu minħabba negliġenza taqa’ kollha fuq l-Avukat Ġenerali

Dak li seħħ hu falliment serju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’pajjiżna u jqajjem dubji dwar jekk l-awtoritajiet li suppost xogħolhom huwa l-ħarsien tal-ġustizzja hux qed iħarsu lejn uċuh.

Il-Qorti rrevokat ordnijiet ta’ ffriżar tal-assi fuq Kasco Holdings ta’ Keith Schembri u Josette Schembri Vella għax l-awtoritajiet responsabbli naqsu milli jġedduhom fil-ħin. Ir-responsabbiltà kollha ta’ dan taqa’ f’ħoġor l-Avukat Ġenerali.

Dak li seħħ hu falliment serju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’pajjiżna u jqajjem dubji dwar jekk l-awtoritajiet li suppost xogħolhom huwa l-ħarsien tal-ġustizzja hux qed iħarsu lejn uċuh.

L-Avukat Ġenerali għandha tispjega minnufih kif ordnijiet daqshekk importanti tħallew jiskadu u għandha tiċċara jekk dan kienx nuqqas gravi ta’ kompetenza, jew kienx nuqqas li seħħ b’disinn. F’każ bħal dan, l-Avukat Ġenerali għandha obbligu li tagħti rendikont ċar lill-poplu Malti u Għawdxi.

F’pajjiż serju, l-awtoritajiet responsabbli mill-ħarsien tal-ġustizzja jieħdu xogħolhom bis-serjetà, u każijiet ta’ allegata korruzzjoni, ħasil ta’ flus u kriminalità finanzjarja jitmexxew bl-akbar kompetenza. Li l-awtoritajiet “jinsew” iġeddu l-ordnijiet ta’ ffriżar ma tista’ qatt tkun aċċettata bħala kompetenza u serjetà u dan iqajjem dubji serji dwar dawk f’karigi li suppost qed jaraw li l-ġustizzja ssir u tidher li qed issir ma’ kulħadd indaqs.

L-Oppożizzjoni se tibqa’ taħdem biex il-poplu kollu jkollu s-serħan il-moħħ li s-sistema tal-ġustizzja hi verament ġusta, u ma tivvantaġġjax lil dawk marbuta mal-poter billi tħalli lok għal żbalji li jistgħu jibbenefikaw minnhom il-ftit “privileġġjati”.

Il-liġijiet għall-allat u dawk għall-annimali m’għandhomx post fl-ebda pajjiż, u min qed jippermettihom m’għandux il-kompetenza li jżomm karigi li suppost jiggrantixxu li l-liġi tkun ugwali għal kulħadd.

22.06.2026