Oppożizzjoni serja llum, gvern b’saħħtu għal għada
Il-Partit Nazzjonalista se jkun Oppożizzjoni serja, kredibbli u viġilanti, li tagħmel skrutinju, titlob kontabbiltà u tesiġi trasparenza, dejjem bl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi l-ewwel u qabel kollox. Oppożizzjoni serja llum tissarraf fi gvern f’saħħtu għada.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg jitkellem waqt id-dibattitu fil-Parlament dwar l-Indirizz tal-President ta’ Malta fil-Ftuħ Statali tal-15-il Leġiżlatura Parlamentari
Il-Partit Nazzjonalista se jkun Oppożizzjoni serja, kredibbli u viġilanti, li tagħmel skrutinju, titlob kontabbiltà u tesiġi trasparenza, dejjem bl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi l-ewwel u qabel kollox.
Oppożizzjoni serja llum tissarraf fi gvern f’saħħtu għada.
Waqt id-dibattitu fil-Parlament dwar l-Indirizz tal-President ta’ Malta fil-Ftuħ Statali tal-15-il Leġiżlatura Parlamentari, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-poplu tkellem bil-vot tiegħu, u l-għażla tiegħu għandha tiġi rispettata. Iżda saħaq li r-rispett lejn dik l-għażla ma jfissirx skiet. Għall-kuntrarju, ir-rispett lejn dik id-deċizjoni jfisser li l-Oppożizzjoni għandha responsabbiltà kbira li tara li l-għażla li għamel il-poplu tiġi rrispettata u li dak li kien imwiegħed issa jiġi mwettaq b’governanza serja u kontabbli.
Alex Borg qal li demokrazija b’saħħitha ma teżistix bi Gvern biss, iżda teħtieġ ukoll Oppożizzjoni li tissorvelja b’reqqa, b’checks and balances li jaħdmu, u Parlament li jingħata r-rispett li jixraqlu. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista mhux se jaċċetta kultura fejn mistoqsijiet parlamentari jingħataw tweġibiet evażivi, fejn informazzjoni ta’ interess pubbliku tinħeba wara skużi u burokrazija, jew fejn il-Parlament jintuża biss biex jiġu mħabbra deċiżjonijiet li jkunu diġà ttieħdu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li issa għadda ż-żmien tal-wegħdiet vojta. In-nies mhux qed jistennew aktar kliem sabiħ jew proġetti mħażża fuq il-karta, iżda riżultati li jagħmlu differenza fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Il-familji jridu serħan il-moħħ quddiem l-għoli tal-ħajja. Iż-żgħażagħ iridu soluzzjonijiet reali fis-suq tal-proprjetà. Il-pensjonanti jridu dinjità u għajnuna konkreta. In-negozji ż-żgħar iridu ambjent fejn ikunu jistgħu jikbru, u l-ħaddiema jridu ekonomija li tagħtihom kwalità ta’ ħajja, pagi aħjar u ħin mal-familja.
Alex Borg qal li l-kejl tal-Oppożizzjoni se jkun wieħed ċar: kull deċiżjoni tal-Gvern se titqies fuq jekk tqiegħedx l-interessi tal-poplu l-ewwel. Fejn il-Gvern iressaq miżuri tajbin għall-familji, għan-negozji u għad-demokrazija, il-Partit Nazzjonalista jkun kostruttiv. Iżda fejn il-Gvern jaħbi informazzjoni, jonqos mit-trasparenza, jonfoq flus il-poplu mingħajr kontabbiltà, jew jieħu deċiżjonijiet kontra l-interess nazzjonali, l-Oppożizzjoni se żżommu responsabbli.
Hu saħaq li l-Istat, l-istituzzjonijiet, il-finanzi pubbliċi, l-art pubblika u l-poter mhumiex tal-Gvern, iżda tan-nies. Għalhekk, min għandu l-poter irid jagħti rendikont, min jieħu deċiżjonijiet irid jispjegahom, u min jonfoq flus il-poplu jrid juri kif u għaliex.
Alex Borg qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista mhux se jkun Oppożizzjoni passiva jew reattiva, iżda gvern alternattiv minn issa. Dan ifisser ħidma parlamentari serja, proposti, studju, kuntatt kontinwu man-nies u preżenza fil-komunitajiet, man-negozji, mal-ħaddiema, mal-għaqdiet, mal-bdiewa, mas-sajjieda, mal-professjonisti, maż-żgħażagħ, mal-anzjani u mal-familji.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni temm jgħid li din il-leġiżlatura se tkun test għall-Gvern, għall-Oppożizzjoni, għall-Parlament u għall-politika Maltija kollha. Il-Partit Nazzjonalista se jkun Oppożizzjoni b’saħħitha, viġilanti u determinata, li tiddefendi l-ġid komuni, issaħħaħ il-kontabbiltà u t-trasparenza, u tibni, pass pass, gvern alternattiv mibni fuq tmexxija responsabbli.
Fuq kollox se tkun Oppożizzjoni serja llum biex isservi bħala gvern b’saħħtu għada.
24.06.2026