Wara li l-Gvern nefaq il-flus fuq parkeġġ fil-Bajja ta’ San Tumas, jinduna li ż-żona hija privata
Wara li jidher ċar li l-Gvern għamel xogħlijiet fuq żona li mingħalih li kienet proprjetà pubblika u issa qed jirriżulta li hija okkupata mill-privat, il-kunsillieri lokali tal-Partit Nazzjonalista f'Marsaskala qegħdin jinsistu li l-parkeġġ fiż-żona tal-Fajtata, in-naħa tal-Bajja ta’ San Tumas f'Marsaskala, għandu jibqa' parkeġġ pubbliku u u dan għandu jkun minghajr l-ebda ħlas biex jintuża matul il-ġimgħa kollha, inkluż fi tmiem il-ġimgħa.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern għandu jsib soluzzjoni għall-ġid tar-residenti ta’ Marsaskala
Wara li jidher ċar li l-Gvern għamel xogħlijiet fuq żona li mingħalih li kienet proprjetà pubblika u issa qed jirriżulta li hija okkupata mill-privat, il-kunsillieri lokali tal-Partit Nazzjonalista f’Marsaskala qegħdin jinsistu li l-parkeġġ fiż-żona tal-Fajtata, in-naħa tal-Bajja ta’ San Tumas f’Marsaskala, għandu jibqa’ parkeġġ pubbliku u u dan għandu jkun minghajr l-ebda ħlas biex jintuża matul il-ġimgħa kollha, inkluż fi tmiem il-ġimgħa.
Il-Partit Nazzjonalista jifhem ukoll li jistgħu jeżistu obbligi kuntrattwali fuq is-sit li jagħtu drittijiet fuq l-istess żona lil persuni jew entitajiet privati.
Għalhekk il-Gvern huwa fid-dmir li jara li jieħu dawk il-miżuri kollha fl-interess pubbliku biex ikollu t-titolu fuq l-imsemmija żona u fl-istess ħin min ħaqqu jiġi kkumpensat jingħata dan il-kumpens b’rispett sħiħ lejn il-liġijiet ta’ pajjiżna.
Il-kunsillieri tal-PN f’Marsaskala huma impenjati li jibqgħu jaħdmu biex jassiguraw li dan il-parkeġġ ikompli jintuża bla ħlas, mir-residenti ta’ Marsaskala u minn kull min jiffrekwenta l-inħawi, u dan mingħajr l-ebda inkonvenjent jew ostaklu.
Il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista jemmnu bi sħiħ li l-lokalità tagħhom għandu jkollha spazji pubbliċi intiżi għall-użu b’xejn mill-pubbliku inġenerali u jinsistu li mhuwiex aċċettabbli li qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet saru wegħdiet lir-residenti ta’ Marsaskala li issa jista’ jirriżulta li kienu biss wegħdi fiergħa ta’ qabel l-elezzjoni.
Errol Cutajar
Minority Leader u Kunsillier Lokali tal-PN f’Marsaskala
Celine Camilleri
Kunsilliera Lokali tal-PN f’Marsaskala
Jesmond Abela
Kunsillier Lokali tal-PN f’Marsaskala
05.07.2026