Se naraw li l-miżuri għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja jiġu implimentati
Bħala Oppożizzjoni se nkomplu nisħqu fuq l-implimentazzjoni ta’ miżuri għal aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. Irridu naraw li n-nisa verament ikollhom opportunitajiet ugwali jekk irridu niżguraw soċjetà aktar b’saħħitha.
Il-Kap tal-PN Alex Borg jiltaqa’ mal-Malta Women’s Lobby; diskussa l-ħtieġa ta’ miżuri li jagħtu aktar spazju, ħin u saħħa lin-nisa biex ikollna ċittadini aktar reżiljenti
Bħala Oppożizzjoni se nkomplu nisħqu fuq l-implimentazzjoni ta’ miżuri għal aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. Irridu naraw li n-nisa verament ikollhom opportunitajiet ugwali jekk irridu niżguraw soċjetà aktar b’saħħitha.
Waqt laqgħa mal-Malta Women’s Lobby bħala waħda minn sensiela ta’ laqgħat ta’ qabel il-budget, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-PN se jkompli jaħdem fuq miżuri li jagħtu aktar ħin lill-familji, bħar-remote working, u sostna li jeħtieġ aktar diskussjoni dwar ġimgħa iqsar ta’ xogħol.
Alex Borg tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta’ aktar miżuri ta’ prevenzjoni u għajnuna f’każijiet ta’ vjolenza domestika, kif ukoll ta’ taħriġ speċjalizzat li jgħin lill-maġistrati li jkollhom quddiemhom każijiet sensittivi ħafna tal-familji.

Ir-rappreżentanti tal-Malta Women’s Lobby tkellmu dwar il-fatt li Malta tinsab fis-16-il post fl-Unjoni Ewropea skont l-indiċi tal-ugwaljanza bejn is-sessi u li għad fadal ħafna xi jsir biex dan jitjieb. Semmew l-isfidi ta’ mijiet ta’ ommijiet single li qed irabbu lil uliedhom f’xifer il-faqar, kif ukoll tkellmu dwar nisa li jekk jitilqu minn sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll ix-Shadow Minister għall-Inklużjoni Graziella Galea u l–Kelliema tal-PN għall-Koeżjoni Soċjali Miriana Calleja Testaferrata De Noto.
Il-laqgħa saret fl-uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Belt Valletta.
19.10.2026