Viżjoni li tirriġenera s-suq tax-xogħol
Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta viżjoni li fost l-oħrajn tirriġenera s-suq tax-xogħol. Viżjoni li tagħti Nifs Ġdid lil min iħaddem u anke l-ħaddiema, minn kumpaniji kbar sa dawk żgħar u anke micro-enterprises.
Il-Kap tal-PN Alex Borg jiddiskuti l-viżjoni b’risq min iħaddem u l-ħaddiema mal-Malta Employers
Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta viżjoni li fost l-oħrajn tirriġenera s-suq tax-xogħol. Viżjoni li tagħti Nifs Ġdid lil min iħaddem u anke l-ħaddiema, minn kumpaniji kbar sa dawk żgħar u anke micro-enterprises.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta ltaqa’ mal-Kunsill tal-Malta Employers, fejn spjega l-viżjoni ekonomika li qed jippreżenta l-Partit Nazzjonalista, fosthom il-ħtieġa li pajjiżna jkompli jsaħħaħ il-kompetittività tiegħu.
Alex Borg tenna li Gvern ġdid immexxi minnu jara li jinħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità u li jitnaqqsu l-piżijiet burokratiċi fuq in-negozji. Enfasizza wkoll l-importanza ta’ investiment akbar fil-ħiliet u t-taħriġ tal-ħaddiema, aktar appoġġ għall-intrapriżi lokali, kif ukoll politika ekonomika li tħares lejn is-sostenibbiltà u l-innovazzjoni.
Il-Kap tal-PN qal li jrid ekonomija li tkompli tikber, iżda li anke tqiegħed lill-ħaddiem u lill-familji fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet tagħha. Dan grazzi wkoll għal viżjoni konkreta li toħloq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja.
Filwaqt li spjegaw il-proposti tagħhom, il-membri tal-Kunsill tal-Malta Employers iddiskutew ukoll diversi sfidi li qed jiffaċċjaw dawk li jħaddmu, fosthom il-ħtieġa ta’ ħaddiema bi kwalifiki adegwati.
Min-naħa tiegħu, akkumpanjat mill-kandidati tal-PN Graham Bencini, Jerome Caruana Cilia, Ivan Castillo, Beppe Fenech Adami u David Pace Ross, il-Kap tal-PN qal li laqgħat bħal dawn ikomplu jsaħħu d-djalogu bejn il-Partit Nazzjonalista u l-imsieħba kollha biex pajjiżna jgawdi minn Nifs Ġdid anke fis-settur ekonomiku u soċjali.
14.05.2026


