Wara disa’ snin għadna qed nistaqsu min ordna l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia
AĦBAR

Wara disa’ snin għadna qed nistaqsu min ordna l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

“Malta ma tistax tagħlaq dan il-kapitlu sakemm tkun għamlet dak kollu possibbli biex tkun taf il-verità kollha”.

Il-Kap tal-PN Alex Borg iħabbar li waqt id-dibattitu parlamentari ta’ għada l-Oppożizzjoni se tressaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika – irridu niżguraw li l-awtoritajiet ikunu ħielsa biex jaħdmu bla biża’; Malta ma tistax tagħlaq dan il-kapitlu sakemm tkun għamlet dak kollu possibbli biex tkun taf il-verità kollha

Dan hu assassinju li heżżeż lil pajjiżna, u sal-lum, disa’ snin wara, la saret ġustizzja mal-familja ta’ Daphne u sal-lum għadna qed nistaqsu min ordna l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, fil-preżena tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li filwaqt li waqt il-ġuri hu u l-PN żammew il-kawtela, issa huwa l-mument li għandna nitkellmu biex niżġuraw li l-familja u l-poplu jsiru jafu l-verità.

Dan, qal Alex Borg, huwa l-obbligu tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni u l-obbligu tal-Gvern li hu fid-dmir li jħares liċ-ċittadini billi jiżgura li ssir ġustizzja.

Filwaqt li tenna l-fiduċja tiegħu fil-proċess fil-Qrati, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li m’għandux fiduċja fi Gvern li hu l-istess wieħed li l-Inkjesta Pubblika sabet li kien responsabbli li ħoloq kultura ta’ impunità u li wassal biex inqatlet Daphne Caruana Galizia.

Alex Borg qal li fl-aħħar sigħat għamel kuntatt ma’ Peter Caruana Galizia kif ukoll ma’ wliedu u qal li ħadd ma jista’ jifhem dak li qed iħossu dawk li tilfu lil persuna li jħobbu u li issa wara dan il-ġuri baqgħet ma saritx ġustizzja magħhom.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li tul dawn id-disa’ snin rajna Prim MInistru li nbidel imma Gvern li baqa’ l-istess, u għaldaqstant dan il-Gvern ma jistax jagħti garanzija li se ssir ġustizzja.

Ftit tas-snin ilu tliet imħallfin qalulna li l-Gvern Laburista għandu jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dan l-assassinju.

Alex Borg qal li llum pajjiżna għandu mistoqsija fundamentali quddiemu – l-Istat Malti x’se jagħmel issa biex verament jasal biex jissolva dan il-każ?

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li dan mhux każ li beda lbieraħ, imma beda meta l-ġurnalista tpoġġiet fil-mira ta’ kampanji sħaħ ta’ demonizzazzjoni mill-istess membri tal-Gvern u nies tiegħu – u għalhekk l-Inkjesta Pubblika qalet li l-Istat ħoloq il-kultura ta’ impunità.

Il-Gvern Laburista ssemma kontinwament fil-ġuri li għadu kif intemm, b’fatti li kixfu l-qrubija ta’ numru ta’ persuni implikati ma’ uffiċjali għolja tal-Gvern. Tant kien hemm qrubija bejn kriminali u politiċi, li għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna kellna aċċess f’Kastilja. U issa l-Imħallef ordnat li x-xhieda u l-materjal mill-ġuri dwar terzi persuni jiġu riferuti biex jiġu investigati fejn hemm suspett ta’ responsabbiltà kriminali. Hu insista li l-Pulizija għandha tinvestiga minnufih dan kollu.

Dan waħdu, qal Alex Borg, juri s-severità ta’ dak li għandna quddiemna.

Hu staqsa kemm verament il-Gvern Laburista għamel minn kollox biex toħroġ il-verità, jew jekk intervjenewx biex il-verità tindifen.

Alex Borg fakkar li Robert Abela kien parti mill-Kabinett li ħoloq il-kultura ta’  impunità li assassinat lil Daphne Caruana Galizia. Fakkar kif Robert Abela ftit xhur ilu sejjaħ elezzjoni bikrija, u llum nafu għaliex. U fakkar kif Robert Abela raqad fuq ir-rakkomandazzjonijet tal-Inkjesta Pubblika, għax għalih l-ewwel l-interessi tiegħu huma dawk partiġjani u mhux dawk tal-poplu jew tal-pajjiż.

Wasal iż-żmien biex ngħaddu mill-kliem għall-fatti u kien għalhekk li l-Oppożizzjoni talbet dibattitu urġenti fil-Parlament li se jsir għada. Dibattitu li matulu l-Partit Nazzjonalista se jkun qed iressaq fil-Parlament ir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – bi proposti relatati ma’ bidliet leżiżlattivi li għandu bżonn pajjiżna.

Hu qal li jistenna li għada l-Gvern jaqbel mal-Oppożizzjoni u jimplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

Jeħtieġ li jkollna l-ħelsien tal-pulizija, tal-ġudikatura, tal-ġurnalisti u tal-uffiċjali pubbliċi, tan-negozjanti u ta’ kull  ċittadin Malti u Għawdxi – biex dawn ikunu jistgħu jwettqu dmirhom bla biża’ u favuri, u biex ikunu mħarsa.

Alex Borg qal li trid tkompli r-riforma tal-istituzzjonijet biex ħadd ma jkollu f’idejh poter eċċessiv, ikun min ikun.

“Malta ma tistax tagħlaq dan il-kapitlu sakemm tkun għamlet dak kollu possibbli biex tkun taf il-verità kollha”.

03.09.2026