08. Ċentru Mediterranju għal fuels marittimi nodfa f’Hurd’s Bank
Gvern ġdid Nazzjonalista jimxi minnufih lejn l‑implimentazzjoni ta’ proġett offshore f’Hurd’s Bank biex jinħoloq ċentru Mediterranju għal fuels marittimi nodfa. Dan ikun proġett modulari, validu għall‑ġejjieni, u mibni bi sħubija soda bejn is‑settur pubbliku u privat.
Ix‑xogħol preparatorju essenzjali diġà sar, inkluż scoping study komplut, u l‑pass li jmiss huwa ċar: l‑istrutturar kummerċjali tal‑proġett, l‑allinjament regolatorju u l‑avvanz lejn deċiżjonijiet tal‑investiment konkreti. Dan jinkludi l‑validazzjoni teknika finali, l‑aċċertament tas‑sostenibbiltà ambjentali u finanzjarja, u t‑twaqqif ta’ mudell ta’ governanza sod li jippermetti implimentazzjoni effiċjenti u mingħajr dewmien.
09. Investiment privat bil‑Gvern jiffaċilita l‑investiment
Il‑proġett se jitwettaq b’investiment privat, u l‑Gvern jaġixxi bħala faċilitatur strateġiku li jipprovdi ċ‑ċertezza regolatorja, il‑qafas istituzzjonali u l‑viżjoni fit‑tul. Dan mhuwiex proġett ta’ studji bla tmiem, iżda pass deċiż lejn infrastruttura marittima moderna li tnaqqas ir‑riskji ambjentali, issaħħaħ is‑sigurtà u toħloq attività ekonomika ġdida u sostenibbli għall‑pajjiż.
10. Inneħħu t‑tanker minn Marsaxlokk
Inneħħu l‑FSU Armada LNG Mediterranean mill‑port ta’ Marsaxlokk u nintegraw il‑faċilitajiet tal‑ħażna tal‑LNG fi pjan marittimu ħolistiku u fit‑tul. Dan il‑pjan ikun maħsub biex jonqsu b’mod sostanzjali r‑riskji ta’ tniġġis tal‑baħar, isaħħaħ is‑sigurtà tal‑komunitajiet kostali, u fl‑istess ħin jerġa’ jqiegħed lil Malta fuq quddiem nett fit‑tranżizzjoni lejn ekonomija marittima aktar nadifa, aktar sigura u sostenibbli fit‑tul.