Turiżmu
Pilastru ekonomiku kruċjali, mill‐volum għall‐valur
Gvern ġdid immexxi minn Alex Borg jassigura li t‐turiżmu jibqa’ pilastru ewlieni tal‐ekonomija Maltija, iżda issa dan is‐settur irid jimxi minn mudell mibni fuq in‐numri biss għal mudell mibni fuq il‐valur.
Il‐pjan tagħna hu li nibnu turiżmu ta’ kwalità li jiġġenera nefqiet aħjar minn dawk li jżuruna, li jħares lill‐komunitajiet tagħna, isaħħaħ l‐identità Maltija u Għawdxija, u jirrispetta l‐kwalità tal‐ħajja tar‐residenti.
It‐turiżmu għandu jiġġenera investiment, joħloq impjiegi u opportunitajiet mifruxa għal kulħadd. Dan għandu jsir b’rispett lejn il‐limiti u ċokon ta’ pajjiżna: l‐art, il‐bajjiet, l‐ibħra, l‐ambjent urban u rurali, l‐infrastruttura, l‐ilma, l‐iskart, l‐ispazji pubbliċi u l‐komunitajiet residenzjali.
Pjan ta' Azzjoni
Turiżmu li jsaħħaħ lil Malta
Il‐pjan tagħna hu li Malta u Għawdex ikunu destinazzjoni aktar distinta, aktar awtentika u aktar sostenibbli. Pajjiż li jilqa’ lill‐viżitatur b’ospitalità vera, mingħajr ma jitpoġġa piż fuq l‐infrastruttura u l‐komunitajiet tagħna. Jekk tinħoloq pressjoni żejda, anki l‐esperjenza tat‐turisti tispiċċa tbati b’detriment għalihom, għall‐industrija, għall‐ħaddiema u għal pajjiżna.
Irridu turiżmu li jħalli aktar valur f’pajjiżna: nefqa aħjar, impjiegi ta’ kwalità, investiment fil‐prodott, aktar professjonaliżmu u opportunitajiet akbar għan‐negozji lokali. Is‐suċċess ma jistax jibqa’ jitkejjel biss minn kemm jaslu turisti, iżda minn kemm Malta tibbenefika verament mill‐preżenza tagħhom.
Din il‐bidla titlob ippjanar aktar serju, infurzar aktar b’saħħtu u deċiżjonijiet mibnija fuq data. It‐tkabbir turistiku għandu jkun marbut mal‐kapaċità reali ta’ pajjiżna, tal‐lokalitajiet, tas‐servizzi u tal‐infrastruttura. Fejn hemm pressjoni żejda, irridu bilanċ; fejn hemm potenzjal ġdid, irridu investiment intelliġenti.
Irridu wkoll turiżmu li jirrispetta lir‐residenti. Lokalitajiet nodfa, siguri, miżmuma tajjeb u b’inqas pressjoni huma tajbin għall‐viżitatur, iżda qabelxejn huma dritt tan‐nies li jgħixu fihom.
Il‐mira tagħna hi waħda: turiżmu li jkabbar il‐ġid, isaħħaħ l‐identità Maltija, jgħolli l‐kwalità u jagħmel lil Malta post aħjar fejn tgħix, taħdem u tistrieħ.
01. Distrett Kulturali ġdid
Insaħħu l‐prodott tal‐Meetings Incentives Conferences & Exhibitions (MICE) b’aktar marketing, aktar koordinazzjoni mad‐DMCs u permezz tad‐Distrett Kulturali ta’ Malta kif spjegat fil‐kapitlu 4 dwar il‐kultura u l‐arti, li jkun jista’ jilqa’ numru akbar ta’ parteċipanti għal livell ogħla ta’ konferenzi. Il‐konferenzi u l‐avvenimenti professjonali jiġġeneraw nefqiet akbar għal kull ras, jimlew ix‐xhur ta’ barra mill‐istaġun u jagħtu profil għoli lid‐destinazzjoni. Ninċentivaw l‐attivitajiet tal‐MICE barra mill‐istagun b’għodod fiskali fosthom performance‐based rebates għad‐DMCs. Nirrevedu l‐applikazzjoni attwali tat‐Tour Operator Margin Scheme (TOMS) lid‐DMSs li qed toħloq żvantaġġ kompetittiv lid‐DMCs lokali meta mqabbla ma’ pajjiżi oħrajn bħal Spanja u l‐Portugall peress li qed timponi 18% VAT lill‐klijenti barranin li ma jkunux jistgħu jitolbu lura din l‐istess VAT.
02. Tnaqqis fir‐rata tal‐VAT għar‐ristoranti
Il‐VAT għas‐settur tal‐catering se jitnaqqas minn 18% għal 7% biex is‐settur tal‐ospitalità jkun aktar kompetittiv meta mqabbel ma’ destinazzjonijiet oħrajn fil‐Mediterran, noħolqu aktar armonizzazzjoni fir‐rati applikabbli fis‐settur, ngħinu lis‐settur ikun aktar sostenibbli u b’hekk ikun jista’ jgawdi wkoll il‐konsumatur.
03. Ftuħ ta’ Tourism Resilience and Reinvestment Reserve (TRRR)
Noħolqu mekkaniżmu ta’ Tourism Resilience and Reinvestment Reserve (TRRR) simili għal dak propost mill‐Kamra tal‐Kummerċ li jippermetti lill‐operaturi fit‐turiżmu jallokaw porzjon sa 20% tal‐profitti annwali tagħhom f’riżerva abbażi ta’ “tax deferred”. Il‐fondi f’din ir‐riżerva jkun jeħtieġ jintużaw fi żmien tliet snin għal investiment eliġibbli jew biex jgħinu lin‐negozju f’perjodu ta’ kriżi. Meta l‐fondi f’din ir‐riżerva jintużaw b’dan l‐iskop, ir‐retained profits jiġu ntaxxati b’rata ridotta ta’ 15%. Il‐bqija tal‐fondi li ma jintużawx saż‐żmien stabbilit jiġu ntaxxati bir‐rata normali.
04. Kumitat interministerjali għat‐turiżmu
Noħolqu kumitat interministerjali permanenti fi ħdan Gvern ġdid Nazzjonalista biex tgħaqqad it‐turiżmu, il‐kultura, it‐trasport, l‐ippjanar, l‐indafa, is‐sigurtà, is‐saħħa u lil Għawdex. Dan hu rispons dirett għall‐bżonn ta’ koordinazzjoni u governanza aktar sodi fil‐qalba tar‐riforma turistika.
05. Kejl ġdid tas‐suċċess turistiku bbażat fuq il‐valur mhux fuq il‐volum
Nibdlu l‐kejl tas‐suċċess minn kemm ġew turisti għal wieħed ibbażat fuq il‐valur reali li jħalli t‐turiżmu f’pajjiżna, inkluż in‐nefqiet tat‐turisti aġġustati għar‐rata tal‐inflazzjoni, it‐tul tas‐soġġorni tagħhom, kemm‐il darba żaruna, kemm irrakkomandaw lil Malta, u kemm ittejbet il‐kwalità tal‐ħajja tan‐nies.
06. Tourist mobility pass
Nintroduċu pass wieħed li jgħaqqad l‐ajruport, tal‐linja, il‐fastferry, il‐Gozo Channel u l‐bqija tal‐modi tat‐transport pubbliku. Hekk ikun aktar faċli li l‐viżitatur juża t‐trasport pubbliku bis‐serħan il‐moħħ li se jasal minn punt għall‐ieħor fil‐ħin u mingħajr ħela ta’ żmien.
Turiżmu ta’ kwalità
07. Qafas nazzjonali tal‐carrying capacity turistika
Nintroduċu qafas legali nazzjonali ta’ carrying capacity għal lokalitajiet, bajjiet, portijiet, attrazzjonijiet u gżejjer żgħar. Il‐limiti jkunu pubbliċi, ibbażati fuq data u riveduti regolarment, biex l‐iżvilupp turistiku jkun wieħed sostenibbli b’rispett lejn il‐komunitajiet u l‐ambjent.
08. Pjanijiet lokali tat‐turiżmu mal‐Kunsilli Lokali
Kull lokalità turistika jew b’potenzjal turistiku jkollha pjan lokali tat‐turiżmu maħdum mal‐Kunsill Lokali, mar‐residenti u man‐negozji, li jitfassal b’rispett lejn il‐Pjan Strateġiku għall‐Ambjent u l‐Iżvilupp (l‐iSPED) rivedut. Barra minn hekk, jingħataw aktar fond annwali lil‐lokalitajiet milquta mit‐turiżmu biex jagħmlu tajjeb għall‐ispejjeż involuti, inkluż l‐indafa u l‐manutenzjoni, it‐titjib tas‐sinjaletika, u t‐tisbiħ tal‐ispazji pubbliċi ħalli t‐turiżmu jaqdi wkoll lir‐residenti.
09. Forum reġjonali permanenti għat‐turiżmu
Noħolqu forum reġjonali permanenti b’rappreżentanza tar‐residenti, tal‐operaturi, tal‐Kunsilli Lokali u tal‐awtoritajiet. Dawn ikollhom funzjoni konsultattiva u ta’ monitoraġġ biex il‐governanza turistika tkun aktar parteċipattiva u responsabbli.
10. L‐ekokontribuzzjoni tintrabat ma’ proġetti u inizjattivi ta’ riġenerazzjoni
Norbtu l‐ekokontribuzzjoni b’aktar trasparenza ma’ Fond għall‐bajjiet, il‐mogħdijiet, is‐siti storiċi u l‐wirt kulturali, il‐manutenzjoni urbana u l‐postijiet bi pressjoni tat‐turiżmu. Kull sena jiġi ppubblikat rapport ċar ta’ kif intefqu l‐flejjes u l‐impatt konkret li ħallew fuq il‐lokalitajiet affettwati. Isiru sejħiet pubbliċi annwali għal proposti ta’ kif għandu jintuża dan il‐Fond favur il‐bżonnijiet u t-titjib tal‐lokalitajiet turistiċi.
Turiżmu ta’ kwalità
Turiżmu ta’ kwalità
07. Qafas nazzjonali tal‐carrying capacity turistika
Nintroduċu qafas legali nazzjonali ta’ carrying capacity għal lokalitajiet, bajjiet, portijiet, attrazzjonijiet u gżejjer żgħar. Il‐limiti jkunu pubbliċi, ibbażati fuq data u riveduti regolarment, biex l‐iżvilupp turistiku jkun wieħed sostenibbli b’rispett lejn il‐komunitajiet u l‐ambjent.
08. Pjanijiet lokali tat‐turiżmu mal‐Kunsilli Lokali
Kull lokalità turistika jew b’potenzjal turistiku jkollha pjan lokali tat‐turiżmu maħdum mal‐Kunsill Lokali, mar‐residenti u man‐negozji, li jitfassal b’rispett lejn il‐Pjan Strateġiku għall‐Ambjent u l‐Iżvilupp (l‐iSPED) rivedut. Barra minn hekk, jingħataw aktar fond annwali lil‐lokalitajiet milquta mit‐turiżmu biex jagħmlu tajjeb għall‐ispejjeż involuti, inkluż l‐indafa u l‐manutenzjoni, it‐titjib tas‐sinjaletika, u t‐tisbiħ tal‐ispazji pubbliċi ħalli t‐turiżmu jaqdi wkoll lir‐residenti.
09. Forum reġjonali permanenti għat‐turiżmu
Noħolqu forum reġjonali permanenti b’rappreżentanza tar‐residenti, tal‐operaturi, tal‐Kunsilli Lokali u tal‐awtoritajiet. Dawn ikollhom funzjoni konsultattiva u ta’ monitoraġġ biex il‐governanza turistika tkun aktar parteċipattiva u responsabbli.
10. L‐ekokontribuzzjoni tintrabat ma’ proġetti u inizjattivi ta’ riġenerazzjoni
Norbtu l‐ekokontribuzzjoni b’aktar trasparenza ma’ Fond għall‐bajjiet, il‐mogħdijiet, is‐siti storiċi u l‐wirt kulturali, il‐manutenzjoni urbana u l‐postijiet bi pressjoni tat‐turiżmu. Kull sena jiġi ppubblikat rapport ċar ta’ kif intefqu l‐flejjes u l‐impatt konkret li ħallew fuq il‐lokalitajiet affettwati. Isiru sejħiet pubbliċi annwali għal proposti ta’ kif għandu jintuża dan il‐Fond favur il‐bżonnijiet u t-titjib tal‐lokalitajiet turistiċi.
Lejn infrastruttura sostenibbli
Lejn infrastruttura sostenibbli
11. Reviżjoni sħiħa tal‐Att tat‐Turiżmu u l‐iSPED
Naġġornaw il‐Malta Travel and Tourism Services Act biex tkun tirrefletti r‐realtajiet ġodda fl‐industrija turistika, inkluż niċeċ ġodda u t‐tħaddim ta’ għodod u mezzi teknoloġiċi ġodda fis‐settur.
Nirrevedu l‐iSPED li ġie ppubblikat fl‐2015 u li kellu jiġi rivedut fl‐2020, biex ikun jirrifletti r‐realtajiet ġodda tat‐turiżmu u jitneħħew l‐inkonsistenzi eżistenti bejn il‐policies tal‐ippjanar u r‐regolamenti turistiċi tal‐akkomodazzjoni u tal‐mobbiltà. Il‐politika dwar in‐numru ta’ sodod, l‐ippjanar u l‐użu tal‐art trid tkun waħda koerenti mal‐għan ta’ kwalità u sostenibbiltà.
12. Immaniġġjar aħjar tal‐akkumulazzjoni tas‐sodod
Gvern ġdid Nazzjonalista jiżgura li l‐limiti tas‐sodod ma jkunux arbitrarji iżda mibnija fuq data pubblika ħalli jkunu evitati akkumulazzjoni żejda tas‐sodod u tkabbir bla kontroll. Dan jitlob iżjed trasparenza u viżibbiltà, kemm tal‐applikazzjonijiet għall‐akkomodazzjoni kollettiva iżda anki tal‐applikazzjonijiet għall‐akkomodazzjoni privata maħsuba għal short‐let lit‐turisti.
13. Infurzar serju fuq l‐akkomodazzjoni illegali
Nagħtu s‐setgħat u r‐riżorsi lill‐Awtorità Maltija għat‐Turiżmu u lill‐awtoritajiet rilevanti biex iwettqu infurzar b’rabta ma’ short‐let (STR) illegali, sodod mhux liċenzjati, reklamar qarrieqi u ksur persistenti tal‐istandards. Gvern ġdid Nazzjonalista jemmen li dawn il‐prattiċi jagħmlu ħsara kbira lill‐bqija tas‐settur turistiku u għalhekk jiżgura li kull operatur jeħtieġ ikun reġistrat, traċċabbli u responsabbli. Kull pjattaforma digitali li tirreklama akkomodazzjoni privata għal STR għandha tassigura li kull operatur jew sid ta’ propjetà li jirreklama jkun liċenzjat kif xieraq u li r‐reklami jkunu jirrispettaw il‐kundizjonijiet tal‐istess liċenzja.
14. Esperjenza turistika li tirrispetta lill‐komunitajiet residenzjali
Gvern ġdid Nazzjonalista jiżgura li l‐Awtorità Maltija għat‐Turiżmu tingħata r‐riżorsi biex ir‐regolamenti li jirregolaw l‐STRs jiġu rispettati b’liċenzjar effettiv, bi qsim tad‐data mal‐Kunsilli Lokali, u b’kontrolli kontra l‐istorbju, il‐ħruġ tal‐iskart barra minn ħinu u ksur ieħor ripetut. L‐għan hu li jinkiseb bilanċ bejn il‐prodott turistiku u r‐rispett lejn il‐komunità lokali.
15. Sistemi diġitali u interface (APIs) għas‐servizzi turistiċi
Niżguraw li s‐sistemi tal‐Gvern, tal‐entitajiet pubbliċi, u ta’ istituzzjonijiet oħrajn ikunu miftuħa għal APIs ħalli l‐operaturi liċenzjati jkunu jistgħu jintegraw il‐biljetti għal ċerti servizzi, bħal ferries, mużewijiet u attrazzjonijiet oħrajn fil‐pjattaformi tagħhom. Nagħtu assistenza lill‐operaturi privati biex anki huma jkunu preparati għall‐APIs. Hekk innaqqsu l‐frammentazzjoni, intejbu l‐esperjenza turistika u nwieżnu lin‐negozji ż‐żgħar.
16. Riġenerazzjoni tal‐promenades u ż‐żoni turistiċi ewlenin
Nibdew programm fil‐pajjiż kollu ta’ modernizzazzjoni għall‐aktar żoni turistiċi frekwentati. Il‐prijorità tkun fuq l‐aċċessibbiltà għal kulħadd, it‐tindif u l‐manutenzjoni regolari, iż‐żieda ta’ siġar u spazji ħodor, titjib tal‐bankini, u kwalità aħjar taż‐żoni ta’ rilassament biex dawn isiru aktar attraenti kemm għar‐residenti kif ukoll għat‐turisti.
17. Ħolqien ta’ mogħdija kontinwa madwar il‐kosta ta’ pajjiżna
Nimplimentaw proġett biex tinħoloq mogħdija kontinwa u sigura għall‐mixi madwar il‐kosta kollha ta’ Malta u Għawdex. Din il‐mogħdija tkun aċċessibbli u mmarkata b’mod ċar, u tkun tgħaqqad iż‐żoni naturali maż‐żoni turistiċi u kulturali, biex tippromwovi stil ta’ ħajja attiv, ittejjeb l‐esperjenza tal‐viżitaturi u tattira turisti li jfittxu esperjenzi bħal dawn.
18. Locality Managers u manutenzjoni ta’ kuljum
Kull lokalità turistika ewlenija jkollha Locality Manager u tim apposta responsabbli mill‐manutenzjoni ta’ kuljum. Dan jinkludi tiswijiet żgħar tal‐bankini, manutenzjoni tal‐għamara tat‐toroq, dawl pubbliku, tħaddir u ndafa. Hekk niżguraw ambjent ta’ kwalità għolja u miżmum tajjeb f’kull ħin.
Identità u wirt kulturali għat‐turiżmu
Identità u wirt kulturali għat‐turiżmu
19. Malta mill‐ġdid bħala destinazzjoni ta’ kultura u identità
Malta ma tistax tipprova tkun kollox għal kulħadd. Jekk irridu turiżmu ta’ kwalita u ta’ valur irridu nsaħħu l‐pożizzjonament turistiku ta’ Malta għal pajjiż mibni fuq il‐kultura, il‐patrimonju, il‐gastronomija, is‐sigurtà u esperjenzi awtentiċi. Il‐brand turistika jeħtieġ terġa’ tkun tirrifletti dak li hu tassew uniku u Malti. Is‐saħħa tal‐brand turistika, iżda, tinsab fil‐kwalità tal‐prodott turistiku li noffru. Għalhekk Gvern ġdid Nazzjonalista jinċentiva lill‐operaturi biex jistinkaw u jiksbu l‐eċċellenza fil‐prodotti u s‐servizzi kollha li joffru. Ninċentivaw lill‐operaturi biex jinvestu f’niċeċ turistiċi ta’ kwalità ħalli d‐direzzjoni strateġika li jaqbad pajjiżna tissarraf fl‐investimenti li jagħmlu l‐operaturi privati.
20. Il‐Belt Valletta bħala destinazzjoni distinta ta’ kwalità
Nintroduċu strateġija apposta għall‐Belt Valletta bħala destinazzjoni kulturali, MICE u premium minnha nnifisha, marbuta mal‐Floriana u l‐Port il‐Kbir. Ninvestu fl‐immaniġġjar tat‐turiżmu, fl‐indafa, fl‐infurzar u fl‐użu kulturali tal‐binjiet storiċi ħalli l‐Belt u l‐madwar jissaħħu b’direzzjoni ċara li tirrispetta lill‐komunità Beltija u Furjaniża.
21. Fond speċjali għall‐Port il‐Kbir, it‐Tlett Ibliet u l‐bliet l‐oħra madwar il‐port
Noħolqu Fond apposta għar‐riġenerazzjoni turistika u kulturali tal‐Birgu, Bormla, l‐Isla u komunitajiet oħra madwar il‐Port il‐Kbir, inklużi l‐Marsa, il‐Floriana u l‐Kalkara. L‐enfasi tkun fuq it‐titjib tal‐pjazez, il‐waterfronts, l‐aċċessibbiltà, ir‐restawr tal‐wirt storiku u l‐appoġġ lin‐negozji lokali. Dawn il‐lokalitajiet għandhom il‐potenzjal li joffru alternattiva ta’ kwalità għall‐pressjoni eċċessiva fuq il‐Belt Valletta. B’investiment immirat, il‐Port il‐Kbir jista’ jiżviluppa bħala destinazzjoni turistika distinta, b’konnettività marittima kontinwa bejn il‐bliet u strateġija ta’ promozzjoni apposta.
22. Aesthetic Malta: insebbħu ’l pajjiżna
Inniedu Programm għat‐Tisbiħ tal‐Pajjiż biex jitneħħew elementi jew oġġetti fit‐toroq li qed ikerrhu lil pajjiżna, fosthom wires, żdingar, għamara tat‐toroq imkissra, sinjali li mhumiex ta’ standard u bl‐addoċċ, u żvilupp li ma jirrispettax il‐kuntest. Il‐ġmiel tal‐pajjiż hu parti mill‐prodott turistiku u mill‐kwalità tal‐ħajja u għalhekk ma jistax jibqa’ mogħti l‐ġenb.
23. Faċċati tal‐ħwienet, tabelli u standards ta’ dehra
Nintroduċu standards moderni u sensibbli għall‐faċċati tal‐ħwienet, tabelli u sinjali, terrazzi u elementi viżivi fiċ‐ċentri storiċi u ż‐żoni turistiċi. Ir‐rispett lejn il‐karattru arkitettoniku lokali għandu jsir in‐norma, mhux l‐eċċezzjoni, ħalli l‐pajsaġġ urban jerġa’ jservi vantaġġ kompetittiv.
24. Passaport kulturali tal‐irħula u “Meet the Locals”
Noħolqu networks ta’ mogħdijiet madwar irħula f’Malta u Għawdex, appoġġati b’passaport diġitali li jgħaqqad il‐knejjes u l‐kappelli, mużewijiet, ħwienet tal‐artiġjanat, festi, ikel u esperjenzi lokali. Din l‐inizjattiva tgħin tqassam aħjar it‐turiżmu, toħloq valur dirett għall‐komunitajiet fl‐irħula, u toffri esperjenza aktar ġenwina u awtentika lill‐viżitaturi tal‐ħajja Maltija u Għawdxija, permezz ta’ kuntatt dirett man‐nies lokali.
25. Restawr u valorizzazzjoni ta’ siti sekondarji
Nagħtu prijorità lir‐restawr u l‐valorizzazzjoni ta’ siti storiċi u kulturali inqas magħrufa biex innaqqsu l‐pressjoni fuq l‐attrazzjonijiet iffullati. B’investiment fl‐aċċessibbiltà, servizzi adegwati, gwida diġitali, interpretazzjoni u sinjaletika, Gvern ġdid Nazzjonalista jiżgura li tinħoloq offerta turistika aktar wiesgħa u mqassma aħjar tul is‐sena u madwar il‐pajjiż kollu.
26. Ftehim kulturali internazzjonali ta’ livell għoli
Nagħmlu ftehim strateġiċi ma’ mużewijiet u istituzzjonijiet internazzjonali biex Malta tospita aktar wirjiet temporanji ta’ kwalità fil‐palazzi u l‐ispazji storiċi tagħna. Dan jattira viżitatur kulturali ta’ kwalità, isaħħaħ l‐offerta barra mill‐istaġun u jagħti aktar ħajja lill‐binjiet storiċi ta’ valur.
Setturi turistiċi ġodda u li jirrendu aktar
Setturi turistiċi ġodda u li jirrendu aktar
27. Strateġija għat‐turiżmu reliġjuż
Nistabbilixxu strateġija attiva u dinamika għat‐turiżmu reliġjuż li tagħmel lil Malta destinazzjoni ta’ pellegrinaġġi, spiritwalità, wirt Nisrani u djalogu kulturali Mediterranju. Din tintrabat ma’ marketing speċjalizzat, gwidi mħarrġa u pakketti għas‐swieq Ewropej u lil hinn.
28. Rotta Pawlina u rotot devozzjonali moderni
Minbarra r‐Rotta Pawlina, noħolqu rotot devozzjonali oħra b’servizz modern ta’ interpretazzjoni, għodod digitali, standards tal‐aċċess u gwidi speċjalizzati, ħalli Malta toffri prodott turistiku reliġjuż aktar strutturat u interessanti tul is‐sena kollha.
29. Restawr ta’ siti reliġjużi b’valur turistiku
Insaħħu l‐fondi għar‐restawr tal‐knejjes, tas‐santwarji, tal‐kappelli, tal‐katakombi u tal‐artefatti reliġjużi, bil‐kundizzjoni li jkunu interpretati b’mod professjonali u aċċessibbli. Gvern ġdid Nazzjonalista jiżgura li l‐wirt reliġjuż tagħna jkun assi distintiv ieħor ta’ Malta li jikkontribwixxi għat‐titjib tal‐prodott turistiku.
30. Cammini u mixjiet reliġjużi Maltin u Għawdxin
Noħolqu network ta’ cammini u mixjiet reliġjużi b’kollaborazzjoni mal‐Kurja, NGOs, Kunsilli Lokali u operaturi turistiċi. Dawn ikunu marbuta ma’ akkomodazzjoni fl‐irħula, negozji lokali u servizzi ta’ gwida, biex joħolqu moviment turistiku rispettuż u mifrux.
31. Għawdex bħala destinazzjoni distinta
Lil Għawdex nirreklamawh bħala destinazzjoni distinta, b’enfasi fuq l‐ekoturiżmu, il‐wellness, l‐esperjenzi rurali, l‐għadds, il‐kultura u pawsiet kalmi u rilassanti. Għawdex jiġi promoss ukoll bħala destinazzjoni għan‐nomadi diġitali. Dan kollu mhux biss isaħħaħ lil Għawdex, iżda jgħin ukoll biex it‐turiżmu jinfirex aħjar u tonqos il‐konċentrazzjoni eċċessiva fuq ċerti żoni f’Malta.
Nittrasformaw il‐kampus tal‐ITS f’Għawdex f’istitut tat‐turiżmu vokazzjonali aktar speċjalizzat filwaqt li niżguraw li ċerti korsijiet ma jkunux disponibbli biss f’Malta. Hekk Għawdex isir hub internazzjonali ta’ edukazzjoni fit‐turiżmu li jilqa’ wkoll studenti barranin.
32. Għadds u baħar bi standards ogħla
Insaħħu l‐prodott tad‐diving bi protezzjoni aħjar tal‐baħar, aċċess aħjar għas‐siti tal‐għadds, faċilitajiet u aktar sikurezza. Niżguraw li l‐istandards tal‐operaturi jiġu awditjati b’mod regolari u indipendenti biex ikunu jilħqu l‐ogħla livelli ta’ sikurezza bl‐inqas riskju għall‐klijenti. Malta diġà għandha vantaġġ qawwi f’dan il‐qasam u Gvern ġdid Nazzjonalista jiżgura li l‐kwalità ambjentali u operattiva tlaħħaq mar‐reputazzjoni tagħha.
33. Turiżmu gastronomiku marbut mal‐prodott lokali
Noħolqu strateġija għall‐gastronomija Maltija u Għawdxija b’mogħdijiet speċjalizzati fuq l‐ikel lokali, swieq tal‐bdiewa, korsijiet qosra intensivi, festi reġjonali u integrazzjoni akbar tal‐prodott lokali fir‐reklamar turistiku. Gvern ġdid Nazzjonalista jara li l‐kċina lokali ma tibqax sekondarja, iżda ssir pilastru ewlieni tal‐esperjenza.
34. ELT, turiżmu tat‐tagħlim u adult learners
Insaħħu u nimmodernizzaw is‐settur tat‐tagħlim tal‐lingwi biex Malta tibqa’ destinazzjoni kompetittiva għal din in‐niċċa turistika. Nissimplifikaw il‐proċessi, inħaffu l‐ħruġ tal‐viżi għall‐istudju u x‐xogħol, u nsaħħu l‐kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet barranin biex noffru programmi aktar immirati u ta’ kwalità. Fl‐istess waqt, ninkoraġġixxu aktar studenti Maltin jagħżlu karriera fit‐tagħlim tal‐lingwi, billi dan joħloq opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u jtejjeb il‐livell tas‐servizz offrut lit‐turisti.
35. Inċentivi għall familji li jospitaw studenti barranin, biex jiġi mħeġġeġ dan is settur.
Familji li jospitaw studenti barranin ikollhom id-dħul minn dan ix-xogħol totalment tax-free.
Ħiliet, saħħa, sigurtà u benefiċċji għar‐residenti
Ħiliet, saħħa, sigurtà u benefiċċji għar‐residenti
36. Tourism Skills Framework modern
Nibnu qafas ġdid ta’ ħiliet fit‐turiżmu b’mikrokredenzjali u perkorsi ċari għall‐ospitalità, is‐servizzi ta’ gwida, DMCs, loġistika u trasport, turiżmu diġitali, sostenibbiltà u tfassil tal‐esperjenzi turistiċi.
37. Akkademja Maltija fl‐ITS għall‐Ospitalità u s‐Servizz
Fl‐ITS inwaqqfu Akkademja tal‐Ospitalità Maltija li toffri korsijiet qosra ta’ taħriġ u speċjalizzazzjoni għall‐frontliners, il‐managers, il‐gwidi, l‐operaturi tal‐baħar u l‐ħaddiema tat‐trasport. Nemmnu li servizzi aħjar, titjib fit‐tħaddim tal‐lingwi u aktar professjonaliżmu tul l‐esperjenza kollha tal‐viżitatur huma essenzjali biex Malta tissaħħaħ bħala destinazzjoni ta’ kwalità.
38. Gwidi turistiċi u interpreti kulturali aktar speċjalizzati
Nirriformaw is‐sistema tal‐gwidi b’aktar speċjalizzazzjoni u bi proċess aktar sempliċi. Gvern ġdid Nazzjonalista jilqa’ l‐proposti tal‐Federated Association of Travel & Tourism Agents (FATTA) f’dan ir‐rigward, fosthom ir‐rikonoxximent tal‐kwalifiki akkademiċi rilevanti, ineħħi l‐ħtieġa ta’ liċenzja separata għal kull lingwa li l‐gwida jitħaddet, jintroduċi r‐rwol ta’ Tour Manager fil‐qafas legali tat‐tours privati, u jistħarreġ kif l‐intelliġenza artifiċjali tista’ tassisti lill‐gwidi. It‐turist ta’ kwalità jistenna tagħrif dettaljat, kontenut tajjeb u interpretazzjoni kredibbli.
39. Kampanja għal kultura aħjar ta’ ospitalità
Inniedu kampanja fl‐iskejjel u fil‐komunità biex insawru mentalità ġdida fit‐turiżmu mibnija fuq l‐ospitalità, l‐indafa, il‐korteżija u l‐għajnuna. It‐turiżmu ta’ kwalità ma jinbeniex biss bl‐investiment, iżda anki bl‐attitudni u l‐imġiba ta’ kuljum.
40. Sigurtà, ordni u infurzar fil‐lokalitajiet turistiċi
Insaħħu l‐preżenza tal‐community police, b’mod partikolari fiż‐żoni turistiċi fejn hemm l‐akbar domanda. Malta għandha tibqa’ magħrufa bħala destinazzjoni sigura u ordinata. Dan hu vantaġġ kompetittiv li rridu nħarsu u nsaħħu b’impenn serju u kontinwu.
41. Resident impact assessment kull sena
Nintroduċu Resident Impact Assessment annwali għal kull lokalità turistika ewlenija, biex inkejlu b’mod sistematiku l‐istorbju, it‐traffiku, il‐kwalità tal‐indafa, il‐pressjoni fuq l‐ispazju pubbliku, il‐prezzijiet u s‐sodisfazzjon tar‐residenti. Ir‐riżultati ta’ dan l‐eżerċizzju jintużaw biex, meta meħtieġ, tinbidel il‐politika. Jekk il‐benefiċċju għar‐residenti ma jkunx qed jiżdied, allura l‐approċċ irid jiġi rivedut. Dan ikun il‐veru test ta’ turiżmu sostenibbli.
42. Kampanja biex nattiraw lura l‐ħaddiema fl‐industrija tat‐turiżmu
Inniedu kampanja mmirata biex nattiraw lura lill‐ħaddiema li kellhom esperjenza fis‐settur tat‐turiżmu iżda li telqu lejn setturi oħra. Din l‐inizjattiva tkun ibbażata fuq inċentivi għal ritorn fil‐professjoni, opportunitajiet ta’ taħriġ mill‐ġdid u kundizzjonijiet tax‐xogħol aktar attraenti u stabbli. Fl‐istess ħin, insaħħu l‐valur tal‐karrieri fit‐turiżmu permezz ta’ progressjoni ċara, aktar professjonalizzazzjoni tas‐settur u pakketti kompetittivi tal‐impjieg. L‐għan hu li nsaħħu l‐kapital uman ta’ din l‐industrija tant kruċjali għall‐ekonomija Maltija.
43. Reviżjoni tal‐kundizzjonijiet tax‐xogħol fis‐settur tat‐turiżmu
Nirrevedu l‐kundizzjonijiet tax‐xogħol fis‐settur tat‐turiżmu, b’mod partikolari l‐Work Regulation Order, biex dawn ikunu aktar attraenti u sostenibbli kemm għal min jidħol fis‐settur kif ukoll għal min jixtieq jibqa’ fih. L‐għan hu li nsaħħu l‐istabbiltà, il‐kwalità tal‐impjiegi u l‐progressjoni professjonali, ħalli s‐settur tat‐turiżmu jattira u jżomm aktar ħaddiema kwalifikati.
Aċċessibbiltà
Aċċessibbiltà
44. Linja nazzjonali tal‐ajru stabbli
Nassiguraw li KM Malta Airlines titmexxa mingħajr indħil politiku u b’mod trasparenti, b’enfasi ċara fuq il‐vijabbiltà kummerċjali u konnettività effiċjenti mal‐ajruporti ewlenin. Gvern ġdid Nazzjonalista jiżgura li l‐linja nazzjonali tkun sostenibbli, kompetittiva u allinjata strateġikament mal‐bżonnijiet tat‐turiżmu u l‐ekonomija tagħna.
45. Nattiraw aktar legacy carriers
Noffru aktar opportunitajiet biex aktar legacy carriers joperaw lejn Malta, b’ħidma attiva biex nespandu l‐konnettività lil hinn mill‐Ewropa, b’mod partikolari lejn l‐Asja u l‐Istati Uniti. Dan isaħħaħ il‐kwalità tal‐konnessjonijiet u jattira segmenti ta’ turiżmu ta’ valur akbar.
46. Taħlita aħjar ta’ linji tal‐ajru li jtiru lejn pajjiżna
Filwaqt li l‐linji low‐cost huma ħolqa essenzjali għat‐tkabbir tat‐turiżmu lejn pajjiżna, irridu nħarsu lejn taħlita aktar sostenibbli u varjata kemm bejn linji tal‐ajru low‐cost differenti kif ukoll bejn low‐cost u legacy carriers. Gvern ġdid Nazzjonalista jara li l‐low‐cost carriers jiffokaw aktar fuq ajruporti u konnessjonijiet reġjonali, filwaqt li l‐legacy carriers iservu bliet prinċipali u hubs strateġiċi, ħalli hekk tinħoloq konnettività aktar bilanċjata u ta’ kwalità.