Tkabbir ġust huwa tkabbir ekonomiku li jissarraf f’opportunità biex kulħadd jixtri daru
News

Tkabbir ġust huwa tkabbir ekonomiku li jissarraf f’opportunità biex kulħadd jixtri daru

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita Alex Borg qal li min irid jixtri ma jistax jistenna s-snin biex tinstab soluzzjoni, filwaqt li semma’ fost l-oħrajn il-ħtieġa ta’ one-stop shop effettiv, li jnaqqas mill-burokrazija bejn id-diversi awtoritajiet li jaqtgħu qalb min qed jixtri.

L-akkomodazzjoni affordabbli fiċ-ċentru ta’ diskussjoni bis-sehem tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg

Biex inkunu nistgħu ngħidu li t-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna huwa wieħed li qed jilħaq lil kulħadd b’mod ġust, dan irid jissarraf f’opportunità li kull min jixtieq isir sid ta’ daru jkollu l-opportunità li jwettaq din il-ħolma.

Waqt diskussjoni ffukata fuq l-akkomodazzjoni affordabbli dalgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li minkejja li tul is-snin ġew introdotti numru ta’ skemi, illum sar diffiċli aktar minn qatt qabel biex in-nies isiru sidien ta’ darhom.

Huwa qal li dan qed iħossuh mhux biss il-koppji żgħażagħ imma anke l-persuni single jew separati, kif ukolll-anzjani li qed ifittxu post iżgħar mid-dar preżenti.

F’din id-diskussjoni pparteċipaw ukoll Andrew Bugeja, aġent tal-propjetà u membru tal-MDA, Julie Ann Camilleri, studenta u l-uffiċjal responsabbli mill-Politika Soċjali fi ħdan il-KSU, il-President tal-Kamra tal-Periti André Pizzuto u Stephen Thake, Avukat tal-Familja.

Huma tkellmu fost l-oħrajn dwar il-burokrazija li teżisti fil-proċess tax-xiri ta’ propjetà u d-diffikultajiet finanzjarji biex wieħed jixtri propjetà fir-realtajiet tal-lum.

Min-naħa tiegħu, ix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Stanley Zammit qal li ż-żieda fil-prezz tal-propjetà f’sena kienet ta’ kważi 7%, filwaqt li d-dħul tal-familji żdied b’medja ta’ 4% biss. Dan ikompli juri kif id-differenza bejn il-mod kif qed togħla l-propjetà u ż-żieda fid-dħul qegħda dejjem tikber u tagħmilha dejjem aktar diffiċli biex wieħed jixtri.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita Alex Borg qal li min irid jixtri ma jistax jistenna s-snin biex tinstab soluzzjoni, filwaqt li semma’ fost l-oħrajn il-ħtieġa ta’ one-stop shop effettiv, li jnaqqas mill-burokrazija bejn id-diversi awtoritajiet li jaqtgħu qalb min qed jixtri.

“Biex verament niżguraw li t-tkabbir qed jinħass minn kulħadd, irid ikun jista’ jagħti l-opportunità lil min irid jixtri daru li jagħmel dan”, temm jgħid Alex Borg.

Din id-diskussjoni kienet parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni ma’ stakeholers u imsieħba soċjali li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista qabel il-Budget,u tmexxiet minn Neil Camenzuli.

18.10.2026