01. Insostnu s‐sussidji tal‐enerġija
Nassiguraw u nagħtu garanzija li t‑tariffi tal‑kontijiet tad‑dawl u l‑ilma mhux se jogħlew billi, meta meħtieġa, Gvern ġdid Nazzjonalista jissussidja l‑prezzijiet tal‑enerġija u tal‑fuels. Fl‑istess ħin, nibde programm sħiħ ta’ investiment fl‑enerġija rinovabbli biex il‑piż ta’ dawn is‑sussidji jonqos.
02. Inneħħu l‐kera tal‐arloġġ tad‐dawl minn fuq kull residenza
Illum kull familja tħallas il‑kera fuq l‑arloġġ tad‑dawl f’darha, irrispettivament minn kemm tikkonsma elettriku. Dan hu piż li jidħol fil‑kont qabel ma persuna tkun użat unit wieħed ta’ elettriku. Gvern ġdid Nazzjonalista jneħħi l‑ispiża kollha li jkollok tħallas ma’ kull kont li tirċievi talli għandek arloġġ (li fil‑kont tidher bħala service charge) fir‑residenza tiegħek.
| Tip ta’ provvista tad-dawl | Roħs annwali bit-tneħħija tal-kera tal-arloġġ |
|---|---|
| Single phase | €65 |
| Three phase 40A | €140 |
| Three phase 60A | €195 |
03. Inneħħu l‐band ta’ €0.1298 għall‐konsum residenzjali
llum, il‑konsum residenzjali bejn 2,001 u 6,000 unit jiġi ċċarġjat b’rata ogħla mill‑ewwel band. Gvern ġdid Nazzjonalista jneħħi din il‑band u jestendi l‑orħos rata fuq l‑ewwel 6,000 unit ta’ konsum residenzjali.
Bħalissa
| Konsum annwali | Rata attwali |
|---|---|
| 0 – 2,000 unit | €0.1047 |
| 2,001 – 6,000 unit | €0.1298 |
| 6,001 – 10,000 unit | €0.1607 |
| 10,001 – 20,000 unit | €0.3420 |
| 20,001 unit u aktar | €0.6076 |
Proposta
| Konsum annwali | Rata proposta |
|---|---|
| 0 – 6,000 unit | €0.1047 |
| 6,001 – 10,000 unit | €0.1607 |
| 10,001 – 20,000 unit | €0.3420 |
| 20,001 unit u aktar | €0.6076 |
Il‑benefiċċju ta’ din il‑bidla hu tnaqqis fil‑kont sa €100.40 fis‑sena għal dar li tikkonsma 6,000 unit jew aktar.
| Konsum annwali | Roħs mill‑bidla fir‑rata |
|---|---|
| 3,000 unit | €25.10 |
| 4,000 unit | €50.20 |
| 5,000 unit | €75.30 |
| 6,000 unit jew aktar | €100.40 |
Familja b’single phase li tikkonsma 6,000 unit jew aktar tiffranka
€65 bit‑tneħħija tal‑kera tal‑arloġġ + €100.40 mit‑tneħħija tal‑band ta’ €0.1298
B’kollox tiffranka €165.40 fis‑sena
Għad‑djar b’sistema ta’ three phase, il‑benefiċċju hu akbar:
| Tip | Roħs: kera tal‑arloġġ | Roħs massimu bir‑reviżjoni tar‑rati tad‑dawl | Roħs Totali annwali |
|---|---|---|---|
| Single phase | €65 | €100.40 | €165.40 |
| Three phase 40A | €140 | €100.40 | €240.40 |
| Three phase 60A+ | €195 | €100.40 | €295.40 |
Dan hu tnaqqis li se jidher fil‑kont. Mhuwiex slogan. Mhuwiex xi rebate ta’ darba. Mhuwiex proċess burokratiku.
Hu tnaqqis strutturali. Tnaqqis dirett.
04. Il‐persuni li jgħixu waħedhom se jiffrankaw aktar bl‐ekoriduzzjoni
Il‑persuni li jgħixu waħedhom ħafna drabi jġarrbu spejjeż fissi iżjed għal kull persuna. L‑ispejjeż fissi fil‑kont tad‑dawl ma jinqasmux fuq diversi membri tal‑familja u għalhekk naraw li dar b’persuna waħda jkollha protezzjoni aktar ġusta. Hawn mal‑51,000 persuna f’Malta li jgħixu weħidhom.
Gvern ġdid Nazzjonalista jżomm l‑ekoriduzzjoni għad‑dar b’persuna waħda, iżda jgħolli l‑limitu tal‑eliġibbiltà għal 3,000 unit fis‑sena.
Il‑mekkaniżmu jibqa’ sempliċi:
| Household | Sistema proposta |
|---|---|
| Persuna waħda rreġistrata fuq il‑kont | 25% Ekoriduzzjoni |
| Limitu massimu tal‑konsum | Minn 2000 għal 3000 unit fis-sena, u b’hekk ikollok iżjed ċans li tikkwalifika għal ekoriduzzjoni. Il-limiti tal-eliġibbilita għal każi l-oħra minn żewġ persuni ‘l fuq, jibqgħu kif inhuma llum. |
Nemmnu li fir‑realtà tar‑remote working u metodi ġodda ta’ xogħol, jidhrilna dan il‑limitu hu aktar realistiku u aktar ġust għan‑nies li jgħixu waħedhom.
Il‑messaġġ hu ċar: min jgħix waħdu m’għandux jiġi penalizzat minn sistema li ma tirriflettix l‑ispejjeż reali tiegħu.
Dan, flimkien mar‑rati l‑ġodda mnaqqsa applikabli u t‑tneħħija tal‑kera tal‑arloġġ tad‑dawl, iwasslu għal tnaqqis globali ta’ €168.63 fis‑sena
05. Tariffa speċifika għas‐settur agrikolu u l‐għaqdiet volontarji
L‑agrikoltura mhijiex settur ordinarju. Hi parti mis‑sigurtà tal‑ikel, l‑identità rurali, il‑ħarsien tal‑art, u l‑ekonomija tal‑komunitajiet tagħna.
L‑għaqdiet volontarji jaqdu rwol tant essenzjali fis‑soċjeta Maltija li l‑għan aħħari tiegħu qatt ma jkun il‑flus iżda l‑ġid bil‑volontarjat. Nifhmu li l‑għaqdiet volontarji mhux dejjem igawdu minn ekonomija b’saħħitha.
Għalhekk jeħtieġu tariffa distinta li tirrikonoxxi r‑rwol ta’ dawn iż‑żewġ setturi.
Gvern ġdid Nazzjonalista joħloq tariffa speċifika ġdida għall‑bdiewa, ir‑raħħala u l‑operaturi agrikoli rreġistrati kif ukoll għall‑għaqdiet volontarji biex iħallsu anqas.
Din it‑tariffa tkun marbuta mar‑rati mhux residenzjali b’roħs ta’ 15% fuq ir‑rati kollha.
Nemmnu li din il‑miżura immirata tagħmel differenza kbira lil dawk li mhux dejjem gawdew minn ekonomija b’saħħitha.
06. Ineħħu t‐tariffa tal‐kera tal‐arloġġ tad‐dawl għas‐settur agrikolu u l‐għaqdiet volontarji
Hu inġust li jkun hemm miżati statutorji fuq setturi li diġà jħabblu moħħhom fuq kif se jaffordjaw jaqdu dmirhom u li mhux dejjem igawdu minn ekonomija b’saħħitha. Bl‑istess spirtu tal‑introduzzjoni tar‑rati li minnhom jibbenefikaw il‑bdiewa, ir‑raħħala u l‑għaqdiet volontarji, nemmnu li dan japplika għall‑miżati statutorji. Għalhekk qed nipproponu li titneħħa il‑kera tal‑arloġġ biex dawn jitwieżnu fil‑qadi ta’ dmirhom favur is‑soċjeta Maltija u Għawdxija.
| Kont agrikolu | Roħs annwali |
|---|---|
| Single phase | €120 |
| Three phase 40A | €240 |
| Three phase 60A jew aktar | €360 |
07. Nissimplifikaw il‐kont tad‐dawl u l‐ilma biex il‐konsumatur jifhem x’qed iħallas
Nibdlu l‑mod kif jiġi ppreżentat il‑kont tad‑dawl u l‑ilma biex ikun aktar ċar, aktar sempliċi u aktar faċli biex jinftiehem minn kull konsumatur. Il‑konsumatur m’għandux ikollu bżonn ikun espert biex jifhem il‑kont tiegħu. Għalhekk nintroduċu kont ġdid b’format ċar u standardizzat. Fl‑istess waqt, nintroduċu sistema biex il‑konsumatur jiġi infurmat awtomatikament jekk ikun eliġibbli għal tariffa, skema jew għażla li tista’ tnaqqaslu l‑kont, inkluż fejn jidħlu l‑ekoriduzzjoni, il‑Feed‑in Tariffs u skemi oħra relatati mal‑enerġija rinovabbli. Din hi proposta ta’ trasparenza u ġustizzja mal‑konsumatur: kont li jinftiehem, kont li juri l‑verità, u kont li jgħinek tħallas inqas fejn tista’.