Lura għal Programm Elettorali Saħħa u Sport

Network ta’ erba’ sptarijiet biex inti tinqeda aktar qribek u fil‑ħin

Park Nazzjonali Tas‑Saħħa ‑ Ċentru ta’ Lifestyle u Riabilitazzjoni ġdid li jżid il‑prevenzjoni

Is‑sistema tas‑saħħa f’Malta tinsab taħt pressjoni dejjem akbar: sptarijiet iffullati, domanda li qed tiżdied u sfidi ġodda marbuta ma’ mard kroniku u s‑saħħa mentali. F’dawn l‑aħħar tliet leġiżlaturi taħt Gvern Laburista, rajna sistema li aktar milli tippjana, tirreaġixxi… b’faċilitajiet li marru lura u deċiżjonijiet li ma jlaħħqux mal‑ħtiġijiet tal‑lum. Dan mhuwiex aċċettabbli. Meta sistema tas‑saħħa tidħol fi kriżi permanenti, is‑servizz inevitabbilment ibati, bħalma rajna bis‑sodod fil‑kurituri u bi pressjoni kontinwa fuq il‑professjonisti.

Qed nipproponu bidla fundamentali fil‑mod kif Malta tħares lejn is‑saħħa: sistema moderna mibnija fuq żewġ pilastri ċari u komplementari.

L‑ewwel pilastru hu network nazzjonali ta’ erba’ sptarijiet moderni, imfassal biex jipprovdi kura akuta effiċjenti u aktar qrib il‑komunitajiet. Dan in‑network inaqqas il‑pressjoni fuq Mater Dei, itejjeb l‑aċċess u jiżgura li l‑pazjent jingħata kura fil‑post it‑tajjeb, fil‑ħin it‑tajjeb u kemm jista’ jkun viċin tiegħu.

It‑tieni pilastru hu Park Nazzjonali tas‑Saħħa – Ċentru ta’ Lifestyle u Rijabilitazzjoni, riforma strutturali li timla vojt li ilu jeżisti: faċilità nazzjonali maħsuba għall‑prevenzjoni, l‑intervent bikri u r‑riabilitazzjoni. Dan ikun l‑ewwel linja ta’ difiża kontra l‑mard u l‑pont li jieħu lill‑pazjenti lura lejn saħħa aħjar wara żmien ta’ kura fl‑isptar.

Dawn iż‑żewġ pilastri jaħdmu flimkien bħala sistema waħda: sptarijiet iffukati fuq kura akuta ta’ kwalità għolja, u Ċentru ta’ Lifestyle u Rijabilitazzjoni li jsaħħaħ il‑prevenzjoni u l‑kwalità tal‑ħajja.

Din mhijiex biss sensiela ta’ proġetti, iżda direzzjoni ġdida għal Malta: sistema tas‑saħħa aktar effiċjenti, aktar umana u sostenibbli fit‑tul, li lill‑pazjent tagħtih l‑aqwa kura f’ambjent modern u lill‑professjonisti tagħtih l‑appoġġ meħtieġ u l‑motivazzjoni.

Ċari fejn irridu naslu: sistema tas‑saħħa li żżid l‑indipendenza tiegħek. L‑għan tagħna hu li nbiddlu s‑sistema tas‑saħħa minn waħda ffokata fuq il‑kura reattiva għal waħda li tippromwovi l‑benesseri, il‑prevenzjoni u r‑riabilitazzjoni, u li ssaħħaħ l‑indipendenza tiegħek. Dan ifisser servizzi aktar effiċjenti, inqas pressjoni fuq l‑isptarijiet, u kwalità ta’ ħajja aħjar liċ‑ċittadini kollha.

Dan il‑pjan se jitwettaq fuq medda ta’ leġiżlatura waħda b’fażijiet ċari: tisħiħ immedjat tas‑servizzi eżistenti, l‑iżvilupp ta’ Park Nazzjonali tas‑Saħħa – Ċentru ta’ Lifestyle u Rijabilitazzjoni, it‑trasformazzjoni tal‑Paola Hub fi sptar, kif ukoll il‑bini ta’ sptar ġdid fin‑naħa ta’ fuq ta’ Malta u sptar ġdid f’Għawdex.

Proposti Ewlenin

01. Network nazzjonali ta’ erba’ sptarijiet moderni u Park Nazzjonali tas‑Saħħa – Ċentru ta’ Lifestyle u Rijabilitazzjoni

Nibnu u norganizzaw sistema nazzjonali tas‑saħħa fuq erba’ sptarijiet ewlenin: Mater Dei bħala ċ‑ċentru nazzjonali, sptar ġdid fit‑Tramuntana, sptar reġjonali fin‑Nofsinhar f’Raħal Ġdid permezz tat‑trasformazzjoni tal‑Paola Hub, u sptar ġenerali ġdid f’Għawdex. Dan in‑network jiżgura distribuzzjoni ġusta tas‑servizzi, inaqqas il‑pressjoni fuq Mater Dei u jtejjeb l‑aċċess għal kura qrib il‑komunità fejn tgħix. Fl‑istess ħin, jiġi żviluppat il‑Park Nazzjonali tas‑Saħħa – Ċentru ta’ Lifestyle u Rijabilitazzjoni bħala pilastru ġdid tas‑sistema tas‑saħħa.

02. Espansjoni u speċjalizzazzjoni fl‑Isptar Mater Dei

Insaħħu lil Mater Dei b’aktar sodod fi swali speċjalizzati u nżidu t‑teatri tal‑operazzjonijiet, filwaqt li nimplimentaw mudell ċar ta’ “acute‑only hospital”. Ninvestu fil‑modernizzazzjoni u t‑tkabbir tad‑Dipartiment tal‑Emerġenza u nsaħħu l‑koordinazzjoni bejn l‑isptarijiet biex il‑pazjenti jiġu indirizzati mill‑ewwel lejn il‑faċilità t‑tajba u l‑eqreb waħda għalihom. Dan inaqqas il‑ħin tal‑istennija u jtejjeb l‑effiċjenza tas‑sistema.

03. Sptar ġdid strateġiku fit‑Tramuntana

Nibnu sptar ġdid fit‑Tramuntana b’250 sodda li jservi bħala pilastru strateġiku tas‑sistema tas‑saħħa. Dan inaqqas il‑pressjoni fuq Mater Dei u jservi lill‑komunitajiet tal‑inħawi li qed jikbru b’rata mgħaġġla, filwaqt li jtejjeb l‑aċċess għall‑kura.

04. Trasformazzjoni tal‑Paola Hub fi sptar reġjonali

Nittrasformaw il‑Paola Hub fi sptar reġjonali ġdid ta’ 250 sodda li joffri kura medika, riabilitazzjoni u servizzi speċjalizzati. Dan isaħħaħ is‑servizzi fin‑Nofsinhar, inaqqas il‑piż minn fuq Mater Dei u jtejjeb l‑aċċess għal kura eqreb tad‑dar

05. Sptar ġdid f’Għawdex

Nibnu sptar ġenerali ġdid f’Għawdex b’400 sodda b’servizzi speċjalizzati addizzjonali u integrazzjoni sħiħa man‑network nazzjonali tas‑saħħa. Dan jiżgura kontinwità tal‑kura u jnaqqas il‑bżonn li pazjenti Għawdxin jivvjaġġaw lejn Malta għal servizzi li jistgħu jingħataw lokalment.

06. Park Nazzjonali tas‑Saħħa

Niftħu Park Nazzjonali tas‑Saħħa bħala parti minn riforma strutturali tas‑sistema tas‑saħħa, li tgħaqqad il‑prevenzjoni, il‑fitness fiżiku u mentali u r‑riabilitazzjoni f’ambjent naturali u aċċessibbli għal kulħadd.

07. Tabib tal‑familja għall‑anzjani u l‑persuni vulnerabbl

Nintroduċu servizz b’xejn fejn it‑tabib tal‑familja tal‑għażla tal‑pazjent iżur id‑dar tal‑anzjani u l‑persuni vulnerabbli. Dan isaħħaħ il‑prevenzjoni, itejjeb il‑kura fil‑komunità u jnaqqas l‑ammissjonijiet evitabbli fl‑isptar.

08. Cancer Treatment Guarantee

Nintroduċu garanzija li kull pazjent bil‑kanċer jingħata l‑mediċini kollha preskritti mill‑konsulent tiegħu b’xejn. Mediċini li bħalissa mhumiex fil‑formularju jitpoġġew fih biex il‑kura ma tibqax tiddependi fuq maratoni ta’ ġbir tal‑flus jew tbati minħabba xi dewmien amministrattiv. Il‑mediċina meħtieġa hija dritt u mhux privileġġ.

09. Mudell modern ta’ kura tas‑saħħa mentali

Nintroduċu mudell ibbażat fuq kura komunitarja msaħħa, b’integrazzjoni aħjar fl‑isptarijiet u faċilitajiet speċjalizzati iżgħar. Dan inaqqas l‑istigma u jipprovdi kura aktar dinjituża, effettiva u qrib il‑komunità.

10. Fit 4 Life ‑ Inċentivi varji għall‑ħajja aktar sana għaż‑żgħażagħ permezz ta’ smart watch

Nagħtu smart watch liż‑żgħażagħ ta’ bejn il‑15 u l‑25 sena biex ninkoraġġixxu aktar attività fiżika u stil ta’ ħajja attiv. Bi skema ta’ inċentivi u vouchers, iż‑żgħażagħ jitħeġġu jimxu aktar, jagħmlu l‑isport u jtejbu l‑benesseri tagħhom.

Saħħa u Sport

Network ta’ erba’ sptarijiet biex inti tinqeda aktar qribek u fil‑ħin

Proposti Ewlenin Għalik

Proposti Ewlenin Għan-Negozji

PARTIT NAZZJONALISTA | NIFS ĠDID
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.