KANDIDATI 2026

Dr. Conrad Borg Manché

Borg Manché, Conrad

Conrad Borg Manché huwa avukat u politiku Malti, magħruf l-aktar talli serva bħala Sindku tal-Gżira mill-2015 sal-2024. Imrobbi l-Gżira, iggradwa fil-Liġi mill-Università ta’ Malta u ddedika l-karriera tiegħu lejn is-servizz tal-komunità u l-ħarsien tal-ambjent fil-lokalità tiegħu. Kiseb fama nazzjonali fl-2016, meta mexxa l-isforz biex jerġa’ jinfetaħ l-aċċess pubbliku għall-kosta ta’ Manoel Island wara aktar minn ħmistax-il sena magħluqa. Dan wassal għall-ewwel ftehim ta’ Guardianship f’Malta, u għat-twaqqif tal-Manoel Island Foundation biex dak li huwa tal-poplu jkun dejjem salvagwardjat. Fl-2019 reġa’ ġie elett sindku b’maġġoranza rekord ta’ 60%, l-ewwel sindku tal-Gżira li gie elett għal żewġ termini konsekuttivi. Fl-2023 irreżenja mill-Partit Laburista, wara li akkużah li ttradixxa l-prinċipji tiegħu u tal-komunità tiegħu. Il-qasma definittiva ġiet wara l-oppożizzjoni tiegħu għar-rilokazzjoni ta’ pompa tal-petrol f’l-uniku ġnien pubbliku tal-Gżira, kawża li rebaħ fil-qorti kontra l-awtorita ta’l-artijiet b’difiża tal-ispazju miftuħ. Fost ir-raġunijiet l-oħra tar-riżenja tiegħu kien hemm ukoll in-nuqqas ta’ rieda għal riforma fil-liġi tal-familja, fejn dejjem sostna li l-liġi għandha tippremja lil kull ġenitur idoneu, u li t-tfal għandhom id-dritt igawdu liż-żewġ ġenituri tagħhom b’mod ugwali. Kompla jservi bħala sindku indipendenti, u wara kkontesta kemm għall-kunsill lokali kif ukoll għall-Parlament Ewropew bħala kandidat indipendenti, fejn fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew kiseb ammont sostanzjali ta’ voti, u spiċċa fost l-aqwa kandidati indipendenti fil-pajjiż. Illum qed iħejji biex jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss mal-Partit Nazzjonalista, għażla li għamel għax jemmen f’pajjiż iktar ġust u biex ikompli jimbotta favur il-ġustizzja, b’mod speċjali fil-Qorti tal-Familja, li hija l-qofol u l-qalb ta’ pajjiżna. F’kollox, jibqa’ jaħdem b’enfasi kostanti fuq il-komunità, l-ambjent, id-drittijiet tat-tfal u l-governanza responsabbli.

Distrett/i: 5 u 10
99953478
Duncan Borg Myatt

Borg Myatt, Duncan

Imwieled fl-1 ta’ Jannar 1978 u jgħix f’Raħal Ġdid. Ilu 24 sena avukat u f’dawn l-aħħar 19-il sena ħadem f’żewġ kumpaniji kbar fl-industrija tat-trasbord u l-gaming fejn speċjalizza fuq is-settur tar-riżorsi umani. Fl-età ta’ 19-il sena kien ġie elett kunsillier tal-Partit Nazzjonalista f’Raħal Ġdid u baqa’ jservi għal 11-il sena. Sa minn età żgħira dejjem kien attiv f’diversi għaqdiet taż-żgħażagħ, fl-iscouts, u f’għaqdiet tal-festi u oħrajn volontarji. Għal sitt snin kien ukoll Viċi President ta’ Hibernians FC u issa tmien snin President ta’ Gudja FC. Fix-xogħol tiegħu, kif ukoll fl-involviment tiegħu f’diversi setturi tal-volontarjat dejjem kellu l-impenn li jkun ta’ għajnuna biex ħadd ma jibqa’ lura.

Distrett/i: 4 u 5
7944 8529
Albert Buttigieg

Buttigieg, Albert

Albert Buttigieg għandu 61 sena. Ħadem f’diversi oqsma soċjali, reliġjuzi, edukattivi u maniġerjali. Għal 20 sena kien patri Kapuċċin, u minn dawn is-snin, għal 13-il sena kien saċerdot b’diversi responsabbiltajiet, fosthom ħidma maż-żgħażagħ, fil-parroċċi, missjunarju fil-Kenja, it-Tanżanija u b’ħidma ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Albert serva bħala direttur fl-Aġenzija Sedqa fit-taqsima tal-Prevenzjoni, kien Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, aministratur fil-Caritas u mal-Equal Partners Foundation (ħidma fost tfal b’diżabbiltà). Jikteb regolarment fuq it-Times of Malta, il-mument u Newsbook. U jippreżenta programm soċjali fuq F living. Kien kunsillier tal-PN fil-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, fejn serva bħala Viċi Sindku u wara nħatar ukoll Sindku ta’ San Ġiljan. Preżentement, huwa deputat f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-Parlament u Shadow Minister għall-Ħarsien tat-Tfal u n-Newrodiversità. Huwa ggradwat fil-Filosofija, u fit-Teoloġija mill-Università ta’ Malta u ggradwat fl-Edukazzjoni u fix-Xjenzi Edukattivi/Soċjali mill-Università Sależjana ta’ Ruma. Miżżewweġ lil Benna Chase u għandhom tifel li jismu Adam. Għandu wkoll step daughter li jisimha Karen. Il-passatempi tiegħu jinkludu l-kura tal-ġnien, il-mużika klassika, is-safar u t-tisjir.

Distrett/i: 9 u 10
7971 0633
Miriana Calleja Testaferrata de Noto

Calleja Testaferrata de Noto, Miriana

Miriana Calleja Testaferrata de Noto hija żagħżugħa ta’ 30 sena, avukat b’enfasi fuq kwistjonijiet ċivili, kif ukoll gradwata fl-Istudji Ewropej. Hija daħlet fil-politika għax temmen li l-politika għandha tkun għodda ta’ servizz, bidla u tama, u mezz biex isservi ta’ vuċi għal dawk li ħafna drabi ma jinstemgħux biżżejjed. Miriana temmen li l-politika għandha tibda min-nies u mill-ħtiġijiet tagħhom. Il-missjoni tagħha hija li tagħmel differenza konkreta fil-ħajja ta’ kuljum, b’mod speċjali f’oqsma li huma għal qalbha ħafna: is-saħħa mentali, iż-żgħażagħ u l-ambjent. Hija tagħti importanza kbira lis-saħħa mentali, u temmen li din għandha tingħata l-istess prijorità bħas-saħħa fiżika. Għal Miriana, kull persuna għandha ssib appoġġ, rispett u dinjità meta tkun għaddejja minn mumenti diffiċli. Miriana temmen ukoll fil-potenzjal kbir taż-żgħażagħ. Hija trid tkun vuċi favur aktar opportunitajiet, edukazzjoni b’saħħitha, impjiegi ta’ kwalità u spazji fejn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fit-tiswir tal-futur ta’ pajjiżna. Bl-għarfien tagħha fil-liġi u fl-Istudji Ewropej, Miriana ġġib magħha perspettiva infurmata u moderna lejn il-politika. Fuq kollox, hija temmen f’politika li tkun viċin in-nies. Politika li tisma’, tifhem u taġixxi. L-għan tagħha hu li taħdem b’impenn u determinazzjoni biex kull persuna tħossha rappreżentata u mismugħa.

Distrett/i: 3 u 5
7902 1059
John Baptist Camilleri

Camilleri, John Baptist

John għandu 61 sena, miżżewweġ u għandu tlett it-tfal, ta' 31, 28 u 23 sena. Imwieled u jgħix Marsaskala, ħadem ghal 41 sena u spicca fil-grad ta' Supervisor Engineer mal-linja nazzjonali tal-ajru. Kien jokkupa l-kariga ta' President tal-Assocjazzjoni tal-Inġiniera tal-Ajruplani. Għal dawn l-aħħar 30 sena kien parti mill-Kumitat PN Marsaskala u serva f’bosta karigi. Serva bhala aġent tal-Partit Nazzjonalista f'kull elezzjoni fil-Counting Ħall mill-1998 sal-lum. Ilu jservi kwazi sa mill-bidu nett fil-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala, u fl-ewwel leġislatura serva bħala Viċi Sindku, waqt li fil-seba’ leġiżlaturi l-oħra kien il-Minority Leader tal-PN fil-lokalità. Serva wkoll bħala koordinatur tal-PN għall-elezzjonjiet fil-lokal tiegħu. Kien kandidat fuq it-Tielet Distrett għall-Elezzjoni Ġenerali tal-2017 u 2022. Huwa membru fil-Kumitat Eżekuttiv tal-PN fejn jokkupa l-kariga ta’ rappreżentant tal-kunsillieri lokali għat-Tielet Distrett. Huwa kontributur fi programmi tar-radju u tat-televiżjoni fuq temi lokali u dawk politiċi, u oħrajn edukattivi bħal tagħrif dwar apparat elettriku. Il-passatempi tiegħu jinkludu l-ivvjaġġar u li jsiefer bil-karozza. Fis-sajf iħobb igawdi l-baħar mal-familja.

Distrett/i: 2 u 3
7942 5259
Norma Camilleri

Camilleri, Norma

Norma, mix-Xagħra, Għawdex, hija Speech-Language Pathologist. Dejjem uriet sens qawwi ta’ dmir u impenn lejn it-titjib tas-soċjetà permezz tar-rwoli differenti tagħha, kemm bħala professjonista kif ukoll permezz tal-involviment tagħha fis-settur volontarju minn età żgħira. Hija okkupat diversi karigi ta’ tmexxija fuq livell Ewropew bħala President tal-European Speech and Language Therapy Association, (ESLA), u wkoll tal-Association of Speech-Language Pathologists (ASLP) f'Malta. Hija ċ-Chairperson tas-Civil Society Committee (CSC) fi ħdan l-MCESD, u tirrappreżenta lis-Soċjetà Ċivili Maltija fil-European Economic and Social Committee tal-UE. Norma hija wkoll kantanta, pjanista u tħobb ħafna l-għawm. Hija miżżewġa u għandha tifla. Kienet kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2024.

Distrett/i: 13
7942 7660
Darren Carabott

Carabott, Darren

Miżżewweġ lil Miriana, għandu 32 sena, u trabba f’Santa Venera. Avukat u Membru Parlamentari elett mill-Ewwel Distrett, fejn f’dawn l-aħħar snin kien ix-Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà. Mill-2022 ġie appuntat bħala President tal-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi u fl-2024 ġie elett fuq il-Bord internazzjonali tal-Public Accounts Committees li jikkoordina investigazzjonijiet dwar l-infiq pubbliku f’60 pajjiż. Jipprattika bħala Avukat wara li ggradwa mill-Università ta’ Malta fl-2018, kif ukoll iggradwa b’Masters fil-Liġi minn università tan-Nazzjonijiet Uniti fid-drittijiet fundamentali tal-bniedem u kriminalità transnazzjonali fl-2019. Serva wkoll għal disa’ snin fil-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera bejn is-snin 2013 u 2022.

Distrett/i: 1
9989 4969
Stefan Caruana

Caruana, Stefan

Stefan twieled fit-8 ta' Diċembru 1975 u huwa miżżewweġ lil Rachelle neè Aquilina. Ta’ 13-il sena beda jistudja l-vjolin. Studja ukoll il-vjola, l-orgni, il-vuċi lirika u d-direzzjoni. Barra minn hekk, studja wkoll it-teatru. Stefan beda l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja tal-Gudja. Kompla fl-iskola sekondarja taż-Żurrieq u fil-Liceo Vassalli tal-Ħandaq. Wara, kompla fuq il-passi ta’ missieru fl-Istitut Tekniku. Sussegwentement kompla l-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta. Stefan hu għalliem u lettur tal-Mużika u l-Istudji Teatrali fl-iskola Post-Sekondarja Giovanni Curmi tan-Naxxar. Bejn l-1991 u l-2009 kien jaħdem bħala Electrical Engineering Technician mal-Kumpanija Maltacom/GO plc. Bejn l-1999 u l-2021 Stefan kien l-koordinatur tal-Grupp Żgħażagħ Gudja, grupp rinomat għall-ħidma volontarja kemm fil-lokalità tal-Gudja kif ukoll madwar Malta, għar-rappreżentazzjonijiet teatrali. Fl-2003, Stefan ġie maħtur Surmast Direttur tal-Kor u Orkestra Assumpta Est tal-Gudja. Kien Maestro di Cappella Santa Maria u tal-Madonna ta’ Loretu fil-Gudja u għal ħames snin, tal-Madonna tal-Lourdes f’Raħal Ġdid. Stefan ħa sehem b’dan il-kor f’diversi fetivals mużikali kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. Barra minn hekk huwa membru ta’ diversi korijiet kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex u membru ukoll fil-Grupp Armar Festa Santa Marija. Fl-2012 kien finalist għall-Premju tal-President għall-Volontarjat. Bejn l-1996 u l-1998 kien jifforma parti mill-MŻPN. Fl-2013 Stefan ġie elett għall-ewwel darba bħala kunsillier lokali fil-Kunsill Lokali tal-Gudja, reġa’ ġie elett mill-ġdid fl-2019 u fl-2022 inħatar Minority Leader f'isem il-PN. Huwa reġa' ġie elett fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali tal-2024 bl-akbar ammont ta’ voti li qatt ġab kunsillier ta’ kull partit fl-istess lokalità. Fl-2022 ikkontesta għall-ewwel darba l-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista fuq ir-Raba’ u l-Ħames Distretti Elettorali. F’Marzu tal-2023, huwa nħatar fil-kariga ta’ Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv tal-PN – kariga importanti fl-amministrazzjoni tal-partit, fejn huwa responsabbli mill-aspett loġistiku u organizzattiv tal-PN. Stefan hu dilettant tal-isport u għal xi żmien kien jilgħab il-volleyball u t-table tennis. Fil-futbol isegwi lit-tim Taljan tal-Juventus.

Distrett/i: 4 u 5
7970 3921
PARTIT NAZZJONALISTA | NIFS ĠDID
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.